 
                This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CJ0184
Judgment of the Court (Second Chamber) of 19 May 2011.#Mathilde Grasser v Freistaat Bayern.#Reference for a preliminary ruling: Bayerischer Verwaltungsgerichtshof - Germany.#Directive 91/439/EEC - Mutual recognition of driving licences - Driving licence issued by a Member State in disregard of the residence condition - Refusal of recognition by the host Member State based solely on disregard of the residence condition.#Case C-184/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-19 ta' Mejju 2011.
Mathilde Grasser vs Freistaat Bayern.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bayerischer Verwaltungsgerichtshof - il-Ġermanja.
Direttiva 91/439/KEE - Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan - Permess tas-sewqan mogħti minn Stat Membru bi ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza - Rifjut ta’ rikonoxximent mill-Istat Membru ospitanti bbażat unikament fuq il-ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza.
Kawża C-184/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-19 ta' Mejju 2011.
Mathilde Grasser vs Freistaat Bayern.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bayerischer Verwaltungsgerichtshof - il-Ġermanja.
Direttiva 91/439/KEE - Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan - Permess tas-sewqan mogħti minn Stat Membru bi ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza - Rifjut ta’ rikonoxximent mill-Istat Membru ospitanti bbażat unikament fuq il-ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza.
Kawża C-184/10.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:324
*A9* Bayerischer Verwaltungsgerichtshof, Beschluss vom 16/03/2010 (11 BV 09.2752)
*P1* Bayerischer Verwaltungsgerichtshof, Urteil vom 06/07/2011 (11 BV 11.1610)
Kawża C-184/10
Mathilde Grasser
vs
Freistaat Bayern
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof)
“Direttiva 91/439/KEE — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru bi ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza — Rifjut ta’ rikonoxximent mill-Istat Membru ospitanti bbażat unikament fuq il-ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza”
Sommarju tas-sentenza
Trasport — Trasport bit-triq — Liċenzja tas-sewqan — Direttiva 91/439 — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Rifjut, minn Stat Membru ospitanti, li jirrikonoxxi l-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor — Rifjut ibbażat unikament fuq in-nuqqas ta’ residenza tad-detentur fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ieħor meta tinħareġ il-liċenzja
(Direttiva tal-Kunsill 91/439, kif emendata bid-Direttiva 2008/65, Artikoli 1(2), 7(1)(b), u 8(2) u (4))
L-Artikoli 1(2), 7(1)(b) kif ukoll 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439, dwar il-liċenzji tas-sewqan kif emendata bid-Direttiva 2008/65, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux Stat Membru ospitanti milli jirrifjuta li jirrikonoxxi fuq it-territorju tiegħu l-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta jiġi stabbilit, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fuq din il-liċenzja, li l-kundizzjoni tar-residenza normali, prevista fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, ma tkunx ġiet osservata. Il-fatt li d-detentur tal-imsemmija liċenzja ma jkun suġġett, min-naħa tal-Istat Membru ospitanti, għall-ebda miżura fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva huwa, irrelevanti, f’dan ir-rigward.
Id-Direttiva 91/439 ma tagħmel l-ebda distinzjoni, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ residenza ta’ kandidat għal-liċenzja tas-sewqan, bejn l-ewwel ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan u dak li jseħħ wara l-irtirar ta’ liċenzja preċedenti. Fiż-żewġ każijiet, dan il-ħruġ huwa suġġett għall-eżistenza ta’ residenza normali jew għall-prova ta’ kwalità ta’ student matul perijodu tal-inqas ta’ sitt xhur fuq it-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan.
Il-kundizzjoni ta’ residenza għandha importanza partikolari wkoll fil-każ tal-ewwel ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan. Fil-fatt, jekk din il-kundizzjoni ma tiġix osservata f’tali każ, huwa diffiċli, anzi impossibbli, għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ ħruġ li jivverfikaw jekk il-kundizzjonijiet l-oħra imposti mid-Direttiva 91/439 ġewx osservati. Fin-nuqqas ta’ tali verifika, jista’ jiġri li d-detentur tal-liċenzja maħruġa ma jkollux, b’mod partikolari, il-konoxxenza u l-kapaċitajiet meħtieġa għas-sewqan u, konsegwentement, jikkostitwixxi riskju għas-sigurtà fit-triq. Il-prinċipju li jgħid li kulħadd jista’ jkun detentur ta’ liċenzja waħda, stabbilit fl-Artikolu 7(5) tal-istess direttiva, jirriskja, fil-fatt, li jiġi kkontestat.
(ara l-punti 29-31, 33 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
19 ta’ Mejju 2011 (*)
“Direttiva 91/439/KEE – Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan – Liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru bi ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza – Rifjut ta’ rikonoxximent mill-Istat Membru ospitanti bbażat unikament fuq il-ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza”
Fil-Kawża C‑184/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ April 2010, fil-proċedura
Mathilde Grasser
vs
Freistaat Bayern,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: K. Malacek, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Grasser, minn M. Wandt, avukat,
– għall-Freistaat Bayern, minn M. Niese, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn N. Graf Vitzthum u T. Henze, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u N. Yerrell, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑31 ta’ Marzu 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(2), 7(1)(b) u 8(2) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317) kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/65/KE, tas-27 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 168, p. 36, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/439”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Grasser, ċittadina Ġermaniża residenti f’Viereth-Trunstadt (il-Ġermanja) u detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa mir-Repubblika Ċeka u Freistaat Bayern, dwar deċiżjoni li tirrifjutalha d‑dritt li tuża l-liċenzja tas-sewqan tagħha fuq it-territorju Ġermaniż.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 Skont ir-raba’ premessa tad-Direttiva 91/439, huwa neċessarju sabiex jiġu indirizzati obbligi ta’ sigurtà fit-triq, li jiġu stabbiliti l-ħtiġiet minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan.
4 L-Artikolu 1(1) u (2) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu liċenzja nazzjonali tas-sewqan imsejsa fuq il-mudell Komunitarju deskritt fl-Anness I jew [Ia], skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva […].
2. Il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu rrikonoxxuti reċiprokament.”
5 Skont it-termini tal-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva:
“Il-liċenzji tas-sewqan għandhom, barra minn hekk, jinħarġu biss lil dawk l‑applikanti:
[…]
b) li għandhom ir-residenza normali tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, jew jistgħu jipproduċu xhieda illi kienu ilhom jistudjaw fih għal mill-inqas sitt xhur.”
6 Skont l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 91/439, kull persuna jista’ jkollha liċenzja tas-sewqan waħda biss.
7 L-Artikolu 8(2) u l-ewwel paragrafu tal-(4) tad-Direttiva 91/439 jipprovdi:
“2. Bla ħsara għat-tħaris tal-prinċipju tat-territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, l-Istati Membri tar-residenza normali jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan fuq il-possessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor u, jekk meħtieġ, jibdlu l-liċenzja b’dan il-għan.
[…]
4. Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lill-persuna li tkun, fit-territorju ta’ l‑Istat ta’ qabel, bla ħsara għal waħda mill-miżuri riferiti fil-paragrafu 2.”
8 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Għall-għan ta’ din id-Direttiva, residenza “normali” tfisser il-post fejn persuna tgħix normalment, jiġifieri għall-inqas għal 185 jum f’kull sena kalendarja, minħabba rabtiet personali u tax-xogħol, jew, fil-każ ta’ persuna li ma jkollhiex irbit ta’ xogħol, minħabba r-rabtiet personali li juru rabtiet mill-qrib bejn din il-persuna u l-post fejn tgħix.”
9 L-Artikolu 12(3) tal-istess direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta’ din id‑Direttiva u għandhom, jekk ikun hemm il-ħtieġa, jibdlu bejn xulxin it-tagħrif dwar il-liċenzji li jkunu rreġistraw.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10 L-Artikolu 28(1) u (4) tal-Liġi dwar l-aċċess tal-persuni għat-traffiku fit-toroq (Liġi dwar il-liċenzja tas-sewqan) [Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straßenverkehr (Fahrerlaubnis-Verordnung)], tat-18 ta’ Awwissu 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2214), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi tas-7 ta’ Jannar 2009 (BGBl. 2009 I, p. 29), huwa fformulat kif ġej:
“(1) Id-detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan valida tal-[Unjoni Ewropea] jew taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] li għandhom ir-residenza normali tagħhom fis-sens tal-Artikolu 7(1) jew (2), fil-Ġermanja huma awtorizzati – mingħajr ħsara għar-restrizzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 4 – isuqu vetturi fit-territorju nazzjonali fil-limiti awtorizzati mil-liċenzja tagħhom. […]
[…]
4. L-awtorizzazzjoni prevista fil-paragrafu 1 ma tapplikax għad-detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan tal-[Unjoni] jew taż-ŻEE
[…]
2. li, skont l-informazzjoni li tinsab fuq il-liċenzja tas-sewqan jew informazzjoni inkontestabbli li toriġina mill-Istat Membru ta’ ħruġ, kellhom fid-data tal-ħruġ tal-imsemmija liċenzja r-residenza normali tagħhom fuq it‑territorju nazzjonali, sakemm ma jkunux kisbu din il-liċenzja matul soġġorn tal-anqas ta’ sitt xhur bħala student fis-sens tal-Artikolu 7(2).
3. meta l-liċenzja tas-sewqan tkun ġiet suġġetta, fit-territorju Ġermaniż, għal miżura ta’ rtirar provviżorju jew definittiv meħuda minn qorti, jew miżura ta’ rtirar immedjatament eżegwibbli jew definittiva ta’ awtorità amministrattiva, li fir-rigward tagħhom il-liċenzja tas-sewqan tkun ġiet miċħuda b’deċiżjoni definittiva jew li fir-rigward tagħhom il-liċenzja tas-sewqan ma tkunx ġiet irtirata biss minħabba li fil-frattemp dawn ikunu rrinunzjaw għaliha,
[…]
Fil-każijiet msemmija fl-ewwel sentenza iktar ’il fuq, punti 2 u 3, l-awtorità tista tieħu att amministrattiv dikjarattiv li jikkonstata n-nuqqas ta’ dritt ta’ sewqan”.
Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 M. Grasser, li twieldet fl-1955, li hija ċittadina Ġermaniża u tirrisjedi f’Viereth-Trunstadt fil-Ġermanja, qatt ma kellha liċenzja tas-sewqan Ġermaniża.
12 Fil-31 ta’ Mejju 2006, M. Grasser kisbet liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-muniċipalità ta’ Plzeň (Ir-Repubblika Ċeka) u fejn hemm indikazzjoni bħala residenza tad-detentur ta’ din il-liċenzja “Viereth-Trunstadt, Spolková Republika Německo” (“Viereth-Trunstadt, Repubblika Federali tal-Ġermanja”).
13 Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2009, l-awtorità Ġermaniża kompetenti fil-qasam tal-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan (iktar ’il quddiem l-“awtorità”) stiednet lil M. Grasser tippreżenta l-liċenzja tas-sewqan tagħha sabiex timtela l-parti li tindika n-nuqqas ta’ dritt ta’ sewqan fuq it-territorju Ġermaniż, peress li, meta nħarġet din il-liċenzja, il-kundizzjoni ta’ residenza ma kinitx ġiet osservata. Din l-awtorità semgħet ukoll lill-persuna interessata sabiex tieħu deċiżjoni dwar ir-revoka tad-dritt ta’ sewqan tagħha.
14 M. Grasser talbet lill-imsemmija awtorità tagħtiha d-dritt li tuża l-liċenzja tas-sewqan Ċeka tagħha fuq it-territorju Ġermaniż, minħabba li hi qatt ma kienet wettqet ksur għaċ-ċirkulazzjoni fit-triq. Fin-nuqqas ta’ dan, hija talbet il-ħruġ ta’ liċenzja Ġermaniża. L-awtorità ċaħdet dawn it-talbiet.
15 Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2009, l-awtorità pprojbiet lil M. Grasser milli tuża l-liċenzja tas-sewqan Ċeka tagħha fil-Ġermanja u talbitha tippreżentaha sabiex timtela l-parti dwar il-projbizzjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, l-imsemmija liċenzja tiġi kkonfiskata.
16 Fl-1 ta’ Lulju 2009, M. Grasser ippreżentat rikors għal annullament kontra din id‑deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2009 quddiem il-Verwaltungsgericht Bayreuth. Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Settembru 2009, din tal-aħħar annullat l‑imsemmija deċiżjoni. Il-Verwaltungsgericht Bayreuth kkunsidrat li l-ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza ma jistax, waħdu, jikkostitwixxi motiv tan-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dritt ta’ sewqan fuq it-territorju Ġermaniż. Skont din il-qorti, sabiex jiġi ġġustifikat tali rifjut ta’ rikonoxximent, kien ikun neċessarju li M. Grasser, barra n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni ta’ residenza, kienet suġġetta għal miżura ta’ rtirar, ta’ sospensjoni, ta’ annullament jew ta’ restrizzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan preċedenti.
17 Il-Freistaat Bayern appella minn din is-sentenza quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof li, fiċ-ċirkustanzi, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“L-Artikoli 1(2) u 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru ospitanti għandu d-dritt li ma jirrikonoxxix liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, fil-każ fejn, dak li jkun hemm miktub fl-imsemmi dokument jikser l-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmija direttiva, jekk l‑Istat Membru ospitanti ma jkunx adotta qabel, fil-konfront tal-persuna li nħarġitilha l-liċenzja tas-sewqan, dispożizzjoni skont l-Artikolu 8(2) ta’ din id‑direttiva?”
Fuq id-domanda preliminari
18 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikoli 1(2), 7(1)(b), kif ukoll 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu Stat Membru ospitanti milli jirrifjuta li jirrikonoxxi fuq it-territorju tiegħu l-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta jiġi stabbilit, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fuq din il‑liċenzja, li l-kundizzjoni ta’ residenza normali, prevista fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva ma ġietx osservata, imma li d-detentur tal-imsemmija liċenzja ma ġiex suġġett min-naħa tal-Istat Membru ospitanti, għall-ebda miżura fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva.
19 Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/439 jipprevedi r-rikonoxximent reċiproku, mingħajr ebda formalità, tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni timponi fuq dawn tal‑aħħar obbligu ċar u preċiż, li ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati għat-twettiq tiegħu (sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Schwarz, C‑321/07, Ġabra p. I‑1113, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Huwa l-Istat Membru li joħroġ liċenzja tas-sewqan li għandu jivverifika jekk il‑kundizzjonijiet minimi imposti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk dwar ir-residenza u l-kapaċità għas-sewqan, imposti mill-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva, ikunux sodisfatti u, għalhekk, jekk il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ikunx iġġustifikat (sentenza Schwarz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
21 Meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru joħorġu liċenzja tas-sewqan skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/439, l-Istati Membri l-oħra ma jistgħux jivverifikaw jekk il‑kundizzjonijiet għall-ħruġ previsti minn din id-direttiva ġewx osservati. Fil-fatt, il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru għandu jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi l-prova li d-detentur ta’ din il-liċenzja kien jissodisfa, fil-jum meta nħarġitlu, l-imsemmija kundizzjonijiet (sentenza Schwarz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Madankollu, mis-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2008, Wiedemann u Funk (C‑329/06 u C-343/06, Ġabra p. I-4635), kif ukoll Zerche et (C‑334/06 sa C-336/06, Ġabra p. I-4691), jirriżulta li l-Artikolu 1(2), 7(1), u 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dejjem li Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi fuq it-territorju tiegħu d-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa wara miżura ta’ rtirar minn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-9 ta’ Lulju 2009, Wierer, C‑445/08, punt 50).
23 Fil-fatt, Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi fuq it-territorju tiegħu d-dritt ta’ sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa wara miżura ta’ rtirar minn Stat Membru ieħor jekk jiġi stabbilit, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fuqha jew informazzjoni inkontestabbli oħra li oriġina mill-Istat Membru ta’ ħruġ, li, meta kienet inħarġet l-imsemmija liċenzja, id-detentur tagħha, li kien suġġett, fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja preċedenti, ma kellux ir-residenza normali tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru tal-ħruġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wiedemann u Funk, punt 73, kif ukoll Zerche et, punt 70).
24 Għalhekk, sa fejn il-kundizzjoni ta’ residenza ma tkunx manifestament ġiet osservata mill-Istat Membru tal-ħruġ, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzja tas-sewqan ma huwiex ikkontestat.
25 Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, M. Grasser issostni li, kuntrarjament għat-detenturi tal-liċenzja tas-sewqan inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wiedemann u Funk kif ukoll Zerche et, li kienu s-suġġett ta’ miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja preċedenti, min-naħa tagħha, hi qatt ma kienet detentur ta’ liċenzja tas-sewqan qabel u, konsegwentement, ma kinitx suġġetta għal tali miżura. Għal din ir-raġuni, l-analiżi li saret fl-imsemmija sentenzi ma tapplikax għall-każ tagħha u l-ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza ma jiġġustifikax in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-liċenzja tas-sewqan Ċeka tagħha.
26 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra, skont ir‑raba’ premessa tad-Direttiva 91/439, li kien neċessarju, bħala risposta għal raġunijiet ta’ sigurtà fit-triq, li jiġu ffissati kundizzjonijiet minimi li jridu jiġu sodisfatti sabiex tkun tista’ tingħata liċenzja tas-sewqan. Fost dawn il‑kundizzjonijiet minimi hemm, fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, dik tar-residenza, li tipprovdi li l-għoti tal-liċenzja tas-sewqan huwa suġġett għall-eżistenza tar-residenza normali jew tal-prova ta’ kwalità ta’ student matul perijodu tal-anqas ta’ sitt xhur fuq it-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan.
27 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ residenza tikkontribwixxi, partikolarment, sabiex jiġi miġġieled it-“turiżmu tal-liċenzji tas-sewqan” fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il‑ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan. Barra minn hekk, din il-kundizzjoni hija indispensabbli għall-kontroll tal-osservanza tal-kundizzjoni tal-kapaċità għas-sewqan (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wiedemann u Funk, punt 69, kif ukoll Zerche et, punt 66).
28 Barra minn hekk, bħala kundizzjoni preliminari li tippermetti l-verifika ta’ jekk l‑applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħra imposti mid-Direttiva 91/439, il‑kundizzjoni ta’ residenza, li tiddetermina l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, tassumi importanza partikolari meta mqabbla mal-kundizzjonijiet l-oħra imposti mill-imsemmija direttiva (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wiedemann u Funk, punt 70, kif ukoll Zerche et, punt 67).
29 Kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija direttiva ma tagħmel l-ebda distinzjoni, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ residenza ta’ kandidat għal-liċenzja tas-sewqan, bejn l-ewwel ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan u dak li jseħħ wara l-irtirar ta’ liċenzja preċedenti. Fiż-żewġ każijiet, dan il-ħruġ huwa suġġett għall-eżistenza ta’ residenza normali jew għall-prova ta’ kwalità ta’ student matul perijodu tal-anqas ta’ sitt xhur fuq it-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan.
30 Għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ residenza għandha importanza partikolari wkoll fil-każ tal-ewwel ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan.
31 Fil-fatt, jekk din il-kundizzjoni ma tiġix osservata f’tali każ, huwa diffiċli, anzi impossibbli, għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ ħruġ li jivverfikaw jekk il-kundizzjonijiet l-oħra imposti mid-Direttiva 91/439 ġewx osservati. Fin-nuqqas ta’ tali verifika, jista’ jiġri li d-detentur tal-liċenzja maħruġa ma jkollux, b’mod partikolari, il-konoxxenza u l-kapaċitajiet meħtieġa għas-sewqan u, konsegwentement, jikkostitwixxi riskju għas-sigurtà fit-triq. Il-prinċipju li jgħid li kulħadd jista’ jkun detentur ta’ liċenzja waħda, stabbilit fl-Artikolu 7(5) tal-istess direttiva, jirriskja, fil-fatt, li jiġi kkontestat.
32 Il-fatt li d-detentur tal-imsemmija liċenzja ma jkunx suġġett, min-naħa tal-Istat Membru ospitanti, għall-ebda miżura fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva huwa, irrelevanti, f’dan ir-rigward.
33 Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 1(2), 7(1)(b) kif ukoll 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux Stat Membru ospitanti milli jirrifjuta li jirrikonoxxi fuq it-territorju tiegħu l-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta jiġi stabbilit, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fuq din il‑liċenzja, li l-kundizzjoni tar-residenza normali, prevista fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, ma tkunx ġiet osservata. Il-fatt li d-detentur tal-imsemmija liċenzja ma jkunx suġġett, min-naħa tal-Istat Membru ospitanti, għall-ebda miżura fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva huwa, irrelevanti, f’dan ir-rigward.
Fuq l-ispejjeż
34 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 1(2), 7(1)(b) kif ukoll 8(2) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/65/KE, tas-27 ta’ Ġunju 2008 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux Stat Membru ospitanti milli jirrifjuta li jirrikonoxxi fuq it-territorju tiegħu l-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta jiġi stabbilit, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fuq din il-liċenzja, li l-kundizzjoni tar-residenza normali, prevista fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id‑direttiva, ma tkunx ġiet osservata. Il-fatt li d-detentur tal-imsemmija liċenzja ma jkunx suġġett, min-naħa tal-Istat Membru ospitanti, għall-ebda miżura fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva huwa, irrelevanti, f’dan ir-rigward.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.