Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0231

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-21 ta' Ġunju 2007.
    Office national des pensions vs Emilienne Jonkman (C-231/06) u Hélène Vercheval (C-232/06) u Noëlle Permesaen vs Office national des pensions (C-233/06).
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour du travail de Bruxelles - il-Belġju.
    Trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa - Skema statutorja ta' pensjoni - Direttiva 79/7/KEE - Air hostesses - Għoti ta' pensjoni ugwali għal dik ta' stewards - Ħlas f'daqqa ta' kontribuzzjonijiet ta' regolarizzazzjoni - Ħlas ta' interessi - Prinċipju ta’ effettività - Obbligi ta' Stat Membru derivanti minn deċiżjoni preliminari.
    Każijiet Magħquda C-231/06 sa C-233/06.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:373

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-kawżi magħquda C‑231/06 sa C‑233/06,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-cour du travail ta’ Brussell (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ l-10 ta’ Mejju 2006, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Mejju 2006, fil-proċeduri

    Office national des pensions

    vs

    Emilienne Jonkman (C-231/06),

    Hélène Vercheval (C-232/06),

    u

    Noëlle Permesaen (C-233/06)

    vs

    Office national des pensions,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, R. Schintgen, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-1 ta’ Marzu 2007,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    – għal E. Jonkman, H. Vercheval u N. Permesaen, minn J. Heynderickx, avukat,

    – għall-Office national des pensions, minn R. Dupont u M. Willemet, avukati,

    – għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

    – għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Rozet u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Marzu 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    1. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU 1979, L 6, p. 24).

    2. Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn E. Jonkman, H. Vercheval u N. Permesaen u l-Office national des pensions (aktar ‘il quddiem l-“ONP”).

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    3. Wara li ħadmu bħala air hostesses mal-kumpannija ta’ l-ajru Sabena SA (Société Anonyme Belge de Navigation Aérienne), E. Jonkman, H. Vercheval u N. Permesaen ippreżentaw talba għall-pensjoni ta’ l-irtirar bħala ekwipaġġ ta’ l-ajru ta’ l-avjazzjoni ċivili. Huma ppreżentaw dawn it-talbiet, rispettivament, matul is-snin 1992, 1995 u 1996, sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom għal pensjoni, rispettivament, mill-1 ta’ Marzu 1993, l-1 ta’ Lulju 1996 u l-1 ta’ Frar 1997.

    4. L-ONP tathom pensjoni. Madankollu, E. Jonkman, H. Vercheval u N. Permesaen ikkontestaw id-deċiżjoni ta’ l-ONP quddiem it-tribunal du travail ta’ Brussell, fir-rigward ta’ E. Jonkman, u quddiem dak ta’ Nivelles, fir-rigward ta’ H. Vercheval u N. Permesaen, fejn qalu li l-kalkolu tal-pensjonijiet tagħhom kien ibbażat fuq dispożizzjonijiet diskriminatorji u li huma kellhom jirċievu pensjoni kkalkulata skond l-istess regoli bħal dawk użati għall-membri ta’ l-ekwipaġġ tal-kabina ta’ sess maskili.

    5. B’mod aktar preċiż, minn tqabbil bejn in-noti ta’ kalkolu tal-pensjonijiet tal-persuni kkonċernati kien jirriżulta li l-ammont tal-paga kkunsidrat mill-ONP kien, għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 1964 u l-31 ta’ Diċembru 1980, nettament anqas għall-air hostesses milli għall-istewards, minkejja l-fatt li r-remunerazzjoni bażika tagħhom kienet ugwali.

    6. Dan kien jirriżulta minn differenza fit-trattament bejn, minn naħa, l-air hostesses u, min-naħa l-oħra, il-membri l-oħra ta’ l-ekwipaġġ tal-kabina matul il-perjodu msemmi. Fil-fatt, permezz ta’ Digriet Irjali ta’ l-10 ta’ Jannar 1964 li jistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet intiżi għall-finanzjament ta’ skema ta’ pensjoni ta’ l-irtirar u għas-superstiti ta’ l-ekwipaġġ ta’ l-ajru ta’ l-avjazzjoni ċivili, kif ukoll il-metodi tal-ħlas tagħhom (Moniteur belge tas-17 ta’ Jannar 1964, p. 464), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1964, ġiet stabbilita skema speċjali ta’ pensjoni ta’ l-irtirar favur l-ekwipaġġ ta’ l-ajru ta’ l-avjazzjoni ċivili, minn liema madankollu kienu esklużi l-air hostesses. Dawn baqgħu suġġetti għall-iskema ġenerali ta’ pensjoni ta’ l-irtirar ta’ l-impjegati, li kienet ikkaratterizzata mit-teħid in kunsiderazzjoni, għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet u l-kalkolu tal-pensjoni, ta’ ammont ta’ remunerazzjoni iżgħar minn dak li kien iservi bħala bażi ta’ kalkolu fl-iskema speċjali ta’ l-ekwipaġġ ta’ l-ajru ta’ l-avvjazzjoni ċivili.

    7. Ir-raġuni għall-esklużjoni ta’ l-air hostesses mill-benefiċċju ta’ din l-skema speċjali ta’ pensjoni ta’ l-irtirar kienet tinsab fl-impossibbiltà ta’ dawn, f’dak iż-żmien, li jkomplu l-karriera tagħhom bħala membri ta’ l-ekwipaġġ ta’ l-ajru wara li jilħqu l-età ta’ 40 sena. Għaldaqstant, dawn ma setgħux jilħqu karriera kompleta. Minħabba f’hekk, ir-Renju tal-Belġju ddeċieda li ma jinkludihomx fl-iskema speċjali li ġiet stabbilita.

    8. Il-problema tal-karriera ma’ Sabena SA u ta’ l-iskema tal-pensjoni ta’ l-air hostesses kienet is-suġġett ta’ diversi kawżi quddiem il-qrati Belġjani, li xi wħud minnhom ġew deċiżi abbażi ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq talba għal deċiżjoni preliminari (sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1971, Defrenne, 80/70, Ġabra p. 445; tat-8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75, Ġabra p. 455, u tal-15 ta’ Ġunju 1978, Defrenne, 149/77, Ġabra p. 1365). Permezz tad-Digriet Irjali tas-27 ta’ Ġunju 1980 li jemenda d-Digriet Irjali tat-3 ta’ Novembru 1969, li jistabbilixxi għall-ekwipaġġ ta’ l-ajru ta’ l-avvjazzjoni ċivili r-regoli speċjali għall-kisba tad-dritt għal pensjoni u l-metodi speċjali ta’ l-applikazzjoni tad-Digriet Irjali Nru 50 ta’ l-24 ta’ Ottubru 1967 dwar il-pensjoni ta’ l-irtirar u għas-superstiti ta’ l-impjegati (Moniteur belge tat-23 ta’ Awwissu 1980, p. 9700), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1981, l-air hostesses ġew finalment integrati fl-iskema speċjali ta’ l-ekwipaġġ ta’ l-ajru ta’ l-avjazzjoni ċivili. Sussegwentement, il-leġiżlatur Belġjan, permezz tad-Digriet Irjali tat-28 ta’ Marzu 1984 bl-istess titolu bħal dak ta’ qabel (Moniteur belge tat-3 ta’ April 1984, p. 4100), stabbilixxa regolarizzazzjoni favur l-air hostesses għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1964 u l-31 ta’ Diċembru 1980. Peress li dan id-Digriet Irjali ġie annullat permezz tad-Digriet tal-Conseil d’État (Kunsill ta’ l-Istat) tas-7 ta’ Settembru 1987, Digriet Irjali ġdid li wkoll kellu l-istess titolu ġie adottat, fil-25 ta’ Ġunju 1997 (Moniteur belge tal-31 ta’ Lulju 1997 p. 19635, aktar ‘il quddiem id-“Digriet Irjali tal-25 ta’ Ġunju 1997”), sabiex jirrimedja għad-differenza fit-trattament bejn l-air hostesses u l-istewards matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 1964 u l-31 ta’ Diċembru 1980.

    9. Skond id-Digriet Irjali tal-25 ta’ Ġunju 1997, l-air hostesses li matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 1964 u l-31 ta’ Diċembru 1980 eżerċitaw dan l-impjieg kellhom, minn issa ‘l quddiem, dritt għal pensjoni ta’ l-irtirar ikkalkulata skond l-istess metodi bħal dawk użati fil-konfront ta’ l-istewards, bil-kundizzjoni li jħallsu f’daqqa kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni miżjuda bl-interessi b’rata ta’ 10 % fis-sena. Il-kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni msemmija essenzjalment jikkonsistu fid-differenza bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-air hostesses matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 1964 u l-31 ta’ Diċembru 1980 u l-kontribuzzjonijiet ogħla mħallsa mill-istewards matul l-istess perjodu.

    10. E. Jonkman, H. Vercheval u N. Permesaen iqisu li r-regolarizzazzjoni stabbilita mid-Digriet Irjali tal-25 ta’ Ġunju 1997 ma tippermettix li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kollha bejn l-air hostesses u l-istewards.

    11. Permezz ta’ deċiżjonijiet tas-17 ta’ Novembru 1997 u d-9 ta’ Jannar 1998, mogħtija rispettivament mit-Tribunal du travail ta’ Brussell u minn dak ta’ Nivelles, intlaqgħu r-rikosi ta’ E. Jonkman u H. Vercheval, minħabba li l-mod ta’ kalkolu tal-pensjonijiet tagħhom huwa diskriminatorju.

    12. Fil-każ ta’ N. Permesaen, it-Tribunal du travail ta’ Nivelles, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Diċembru 2003, laqa’ parzjalment l-argumenti ta’ l-ONP. Huwa qal li l-għoti ta’ pensjoni identika għal dik tal-ħaddiema rġiel suġġett għall-kundizzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjoniiet li kellhom jitħallsu li kieku l-impjegata kienet taqa’ taħt din l-iskema matul il-karriera professjonali tagħha ma jikkostitwix diskriminazzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa qies bħala diskriminatorji l-interessi b’rata annwali ta’ 10 %.

    13. L-ONP appella mid-deċiżjonijiet tas-17 ta’ Novembru 1997 u tad-9 ta’ Jannar 1998 quddiem il-Cour du travail ta’ Brussell. Appell mid-deċiżjoni tas-26 ta’ Diċembru 2003 ġie ppreżentat minn N. Permesaen quddiem din l-istess qorti.

    14. Il-Cour du travail ta’ Brussell tqis li l-metodi prattiċi tas-sistema ta’ regolarizzazzjoni introdotta mid-Digriet Irjali tal-25 ta’ Ġunju 1997 huma kapaċi li jkunu diskriminatorji. F’dan ir-rigward, din tosserva li l-ħlas f’daqqa ta’ kapital elevat ħafna jirrappreżenta ostaklu mhux żgħir għal pensjonant. Il-Cour du travail issemmi wkoll l-aspett fiskali ta’ din is-sistema ta’ regolarizzazzjoni, fis-sens li dak iż-żmien, il-kontribuzzjonijiet setgħu jitnaqqsu għall-finijiet tat-taxxa għall-istewards, liema ħaġa ma kinitx tgħodd għall-air hostesses. Fl-aħħar, hija tosserva li r-rata ta’ l-interessi applikata hija ogħla mir-rata legali ta’ l-interessi moratorji u kumpensatorji, kif ukoll mir-rata bankarja.

    15. Il-Cour du travail ta’ Brussell tqis li s-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 79/7. B’hekk, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

    “1) Id-Direttiva 79/7 għandha tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza lil Stat Membru jadotta liġi li għandha l-iskop li tippermetti lil kategorija ta’ persuni ta’ sess iddeterminat, oriġinarjament suġġetta għal diskriminazzjoni, li tibbenifika minn skema ta’ pensjoni applikabbli għall-kategorija ta’ persuni tas-sess l-ieħor, bil-ħlas retroattiv tal-kontribuzzjonijiet (ħlas f’daqqa ta’ kapital elevat ħafna) li, bis-saħħa tal-liġi applikabbli f’dan l-Istat, huma preskritti favur din l-aħħar kategorija ta’ persuni?

    Jekk dan huwa l-każ, id-Direttiva 79/7 għandha tiġi interpretata fis-sens li tirrikjedi li Stat Membru jemenda l-liġi li tikser din id-dispożizzjoni, meta sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat dan il-kunflitt ta’ liġijiet u, mill-inqas, fit-terminu ta’ preskrizzjoni li japplika għad-debitu ta’ kontribuzzjonijiet li nħoloq mill-adozzjoni ta’ din il-liġi?

    2) Id-Direttiva 79/7 għandha tiġi interpretata bħala li tawtorizza lil Stat Membru jadotta liġi li għandha l-iskop li tippermetti lil kategorija ta’ persuni ta’ sess iddeterminat, oriġinarjament suġġetta għal diskriminazzjoni, li tibbenifika minn skema ta’ pensjoni applikabbli għall-kategorija ta’ persuni tas-sess l-ieħor, bil-ħlas ta’ interessi għoljin għad-dewmien fil-ħlas li, bis-saħħa tal-liġi applikabbli f’dan l-Istat, huma preskritti favur din l-aħħar kategorija ta’ persuni?

    Jekk dan huwa l-każ, id-Direttiva 79/7 għandha tiġi interpretata fis-sens li tirrikjedi li Stat Membru jemenda l-liġi li tikser din id-dispożizzjoni, meta sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat dan il-kunflitt ta’ liġijiet u, mill-inqas, fit-terminu ta’ preskrizzjoni li japplika għall-interessi għad-dewmien fil-ħlas li nħolqu mill-adozzjoni ta’ din il-liġi?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Kunsiderazzjonijiet preliminari

    16. Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li mhuwiex ikkontestat mill-partijiet fil-kawżi prinċipali li l-esklużjoni inizjali ta’ l-air hostesses mill-iskema speċjali ta’ pensjoni ta’ l-ekwipaġġ ta’ l-ajru ta’ l-avjazzjoni ċivili, kienet diskriminatorja.

    17. Preliminarjament ukoll, għandu jingħad li l-Artikolu 141(1) u (2) KE dwar il-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili ma japplikax f’dan il-każ, peress li l-artikolu msemmi japplika biss għall-iskemi ta’ pensjoni professjonali u mhux għall-iskemi statutorji ta’ pensjoni (sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1971, Defrenne, iċċitata aktar ‘il fuq, punti 10 sa 13; tas-6 ta’ Ottubru 1993, Ten Oever, C‑109/91, Ġabra p. I‑4879, punt 9, u tal-21 ta’ Lulju 2005, Vergani, C‑207/04, Ġabra p. I‑7453, punti 22 u 23).

    18. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għamlet sew meta għamlet id-domandi tagħha fir-rigward tad-Direttiva 79/7, li tapplika għall-iskemi statutorji ta’ sigurtà soċjali, inklużi fosthom l-iskemi statutorji ta’ pensjoni (sentenza ta’ l-1 ta’ Lulju 1993, van Cant, C‑154/92, Ġabra p. I‑3811, punti 10 u 11).

    19. L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprojbixxi “[kull] diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess […] speċjalment b’riferenza [għal] […] l-għan ta’ l-iskemi u l-kundizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom […], l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet [kif ukoll] il-kalkolu tal-benefiċċji”. Din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali sabiex iwasslu lil dawn biex jiċħdu kull liġi nazzjonali li ma tkunx konformi (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1989, Ruzius-Wilbrink, C‑102/88, Ġabra p. 4311, punt 19, u tas-27 ta’ Ottubru 1993, van Gemert-Derks, C‑337/91, Ġabra p. I‑5435, punt 31).

    Fuq il-ħtieġa ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni

    20. Permezz ta’ l-ewwel parti tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 79/7 topponix li Stat Membru, meta jadotta liġi li jkollha l-iskop li tippermetti lil persuni ta’ sess iddeterminat, oriġinarjament suġġetti għal diskriminazzjoni, li jibbenifikaw minn skema ta’ pensjoni li tapplika għall-persuni tas-sess l-ieħor, tagħmel dan il-ħlas ta’ affiljazzjoni, f’daqqa u bl-interessi bir-rata ta’ 10 % fis-sena, dipendenti fuq il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni li jikkonsistu fid-differenza bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni li oriġinarjament kienu suġġetti għal diskriminazzjoni matul il-perjodu li fih id-diskriminazzjoni kienet teżisti, u l-kontribuzzjonijiet ogħla mħallsa mill-kategorija l-oħra ta’ persuni matul l-istess perjodu.

    21. Mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-partijiet fil-kawżi prinċipali, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern Taljan huma kollha tal-fehma li l-kundizzjoni prinċipali li huma suġġetti għaliha l-air hostesses mid-Digriet Irjali tal-25 ta’ Ġunju 1997 sabiex l-attività professjonali tagħhom matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 1964 u l-31 ta’ Diċembru 1980 tkun ikkunsidrata bl-istess mod bħal dik ta’ l-istewards, jiġifieri l-ħlas ta’ somma li tirrappreżenta d-differenza bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa minnhom matul il-perjodu msemmi u l-kontribuzzjonijiet ogħla mħallsa mill-istewards matul l-istess perjodu, mhijiex fiha nnifisha diskriminatorja.

    22. Din l-opinjoni hija korretta. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ kawżi dwar l-iskemi ta’ pensjoni professjonali, il-fatt, għal persuna impjegata, li tkun tista’ titlob l-inklużjoni retroattiva f’tali skema ma jippermettilhiex li tevita l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet relatati mal-perjodu ta’ affiljazzjoni in kwistjoni (sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1994, Fisscher, C‑128/93, Ġabra p. I‑4583, punt 37; ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Dietz, C‑435/93, Ġabra p. I‑5223, punt 34, u tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et , C‑78/98, Ġabra p. I‑3201, punt 39).

    23. Fil-fatt, fil-każ fejn ġiet subita diskriminazzjoni, l-istabbiliment mill-ġdid ta’ l-ugwaljanza fit-trattament għandhu jpoġġi lill-impjegat iddiskriminat fl-istess sitwazzjoni bħal dik ta’ l-impjegati tas-sess l-ieħor. Konsegwentement, l-impjegat imsemmi ma jistax jippretendi, partikolarment fuq il-livell finanzjarju, trattament aktar favorevoli minn dak li kien ikollu li kieku kien affiljat b’mod regolari (sentenzi ċċitati aktar ‘il fuq Fisscher, punti 35 u 36, kif ukoll Preston et , punt 38).

    24. Għandu jingħad li din il-ġurisprudenza tapplika b’analoġija ma’ każijiet ta’ affiljazzjoni ma’ skema statutorja ta’ pensjoni. Isegwi li Stat Membru, meta jadotta liġi li jkollha l-iskop li tippermetti lil persuni ta’ sess iddeterminat, ori ġinarjament suġġetti għal diskriminazzjoni, li jibbenifikaw minn skema ta’ pensjoni applikabbli għall-persuni tas-sess l-ieħor, jista’ jagħżel li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament billi jirrikjedi l-ħlas ta’ somma li tirrappreżenta d-differenza bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni li oriġinarjament kienu suġġetti għal diskriminazzjoni matul il-perjodu li fih seħħet id-diskriminazzjoni, u l-kontribuzzjonijiet ogħla mħallsa mill-kategorija l-oħra ta’ persuni matul l-istess perjodu. Il-fatt li din l-aħħar kategorija ta’ persuni tgawdi fil-frattemp mill-preskrizzjoni ta’ l-azzjoni għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tagħha, ma jistax jimpedixxi r-regolarizzazzjoni kif deskritta aktar ‘il fuq, madankollu bil-kundizzjoni, kif qalet l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, li terminu simili ta’ preskrizzjoni jkun stabbilit għall-persuni affiljati l-ġodda.

    25. Barra minn hekk, sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni bil-maqlub, il-kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni jistgħu jiżdiedu bl-interessi bil-għan li tiġi kkumpensata l-iżvalutazzjoni monetarja. Fil-fatt, kif qalet l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tagħha, u mingħajr preġudizzju għall-punt 39 ta’ dawn, din iż-żieda tiggarantixxi li l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni affiljati l-ġodda ma jkunux fir-realtà inqas għoljin minn dawk imħallsa mill-impjegati affiljati minn meta ġiet stabbilita l-iskema ta’ pensjoni.

    26. Għar-raġunijiet imsemmija mill-Avukat Ġenerali fil-punti 64 u 65 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jillimitaw ruħhom għall każ fejn ir-regolarizzazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni tipproduċi l-effetti tagħha mid-data tal-bidu tat-tgawdija tal-pensjoni. Fil-fatt, regolarizzazzjoni offruta lil persuni li huma diġà rtirati, u li tirrikjedi l-ħlas ta’ somma li tirrappreżenta d-differenza bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa minnhom matul il-perjodu li fih kienu suġġetti għal diskriminazzjoni u l-kontribuzzjonijiet ogħla mħallsa mill-kategorija l-oħra ta’ persuni matul l-istess perjodu, ma ttemmx it-trattament mhux ugwali ħlief jekk twassal għall-istess kalkolu tad-drittijiet għal pensjoni għat-tul kollu ta’ l-irtirar ta’ kull waħda mill-persuni kkonċernati.

    27. Minn dak li ntqal, jirriżulta li d-Direttiva 79/7 ma tipprekludix Stat Membru, meta jadotta liġi li jkollha l-iskop li tippermetti lil persuni ta’ sess iddeterminat, oriġinarjament suġġetti għal diskriminazzjoni, li jibbenifikaw għat-tul kollu ta’ l-irtirar tagħhom mill-iskema ta’ pensjoni applikabbli għall-persuni tas-sess l-ieħor, milli jissuġġetta din l-affiljazzjoni għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni li jikkonsistu fid-differenza bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni oriġinarjament suġġetti għal diskriminazzjoni matul il-perjodu li fih kien hemm id-diskriminazzjoni u l-kontribuzzjonijiet ogħla mħallsa mill-kategorija l-oħra ta’ persuni matul l-istess perjodu, miżjuda bl-interessi biex tiġi kkumpensata l-iżvalutazzjoni monetarja.

    Fuq il-metodi ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni

    28. Sa fejn il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Istat Membru jistax jeħtieġ li l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni jsir f’daqqa u li jkun miżjud bl-interessi bir-rata ta’ 10 % fis-sena, għandu jingħad li kull miżura meħuda minn Stat Membru sabiex jikkonforma ruħu mar-regoli tad-dritt Komunitarju, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza tat-trattament bejn l-irġiel u n-nisa, għandha tkun effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Fisscher, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 31; Preston et., iċċitata aktar ‘il fuq, punti 40 sa 42; ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer, C‑187/00, Ġabra p. I‑2741, punt 57, u ta’ l-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et., C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 95). Konsegwentement, huwa l-leġiżlatur Belġjan li meta adotta d-Digriet Irjali tal-25 ta’ Ġunju 1997 sabiex ipoġġi lill-air hostesses fl-istess sitwazzjoni bħal dik ta’ l-istewards, kellu jistabbilixxi l-metodi tar-regolarizzazzjoni b’mod li dawn ma jkunux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli.

    29. Mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tat-tul estiż tal-perjodu ta’ diskriminazzjoni, li kien jeżisti bejn l-1 ta’ Jannar 1964 u l-31 ta’ Diċembru 1980, u tan-numru sostanzjali ta’ snin li għaddew minn meta ntemm dan il-perjodu u l-adozzjoni tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Ġunju 1997 li stabbilixxa r-regolarizzazzjoni (1981 sa 1997), il-kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni jirrappreżentaw somma partikolarment għolja. Kif qalet l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, is-somma msemmija tista’ wkoll taqbeż il-pensjoni annwali tal-persuni li għalihom hija proposta r-regolarizzazzjoni. B’hekk, kif qalu E. Jonkman, H. Vercheval u N. Permesaen, mingħajr kontestazzjoni fuq dan il-punt min-naħa ta’ l-ONP, il-ħlas, f’daqqa, ta’ somma bħal din jista’ ma jkunx possibbli, jew ikun jitlob self mingħand organu finanzjarju li min-naħa tiegħu jkun jeżiġi l-ħlas ta’ interessi.

    30. Bl-istess mod, mid-Digriet Irjali tal-25 ta’ Ġunju 1997 jirriżulta li f’każijiet eċċezzjonali, li ma japplikawx f’dan il-każ, dan jipprovdi għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni f’rati, taħt forma ta’ ħlasijiet fis-sena.

    31. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi msemmija aktar ‘il fuq, għandu jingħad li l-obbligu impost fuq il-persuni interessati li jħallsu l-kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni f’daqqa kellu l-effett li jagħmel ir-regolarizzazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni ta’ l-air hostesses eċċessivament diffiċli.

    32. Fir-rigward ta’ l-interessi bir-rata ta’ 10 % fis-sena, il-partijiet fil-kawżi prinċipali, il-Kummissjoni u l-Gvern Taljan iddikjaraw jew ammettew li din ir-rata hija eċċezzjonalment għolja. Mistoqsi dwar dan waqt is-seduta, l-ONP ma kienx jaf jgħid ir-raġuni għalfejn id-Digriet Irjali tal-25 ta’ Ġunju 1997 stabbilixxa rata ta’ interessi ogħla mir-rata ta’ l-inflazzjoni.

    33. F’kull każ, huwa kostanti li l-istabbiliment ta’ rata ta’ interessi li teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex tiġi kkumpensata l-iżvalutazzjoni monetarja għandu l-effett li l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni l-ġodda li ġew affiljati jkunu fir-realtà ogħla minn dawk imħallsa mill-ħaddiema li kienu affiljati sa mill-bidu ta’ l-iskema ta’ pensjoni. Għaldaqstant, minflok ma jpoġġi lill-air hostesses fl-istess sitwazzjoni bħal dik ta’ l-istewards, din ir-rata ta’ l-interessi kkontribwixxiet għat-tkomplija tat-trattament mhux ugwali ta’ l-air hostesses.

    34. Madankollu, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju, li hija biss għandha għarfien komplut tad-dritt nazzjonali, li tiddetermina sa fejn ir-rata ta’ l-interessi ta’ 10 % fis-sena stabbilita fid-Digriet Irjali tal-25 ta’ Ġunju 1997 jista’ jkollha perċentwali ta’ interessi bl-iskop li tikkumpensa l-iżvalutazzjoni monetarja.

    35. Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li d-Direttiva 79/7 tipprekludi Stat Membru, meta jadotta liġi li jkollha l-għan li tippermetti lil persuni ta’ sess determinat, li jibbenifikaw minn skema ta’ pensjoni applikabbli għall-persuni tas-sess l-ieħor, milli jeżiġi li l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni jkun miżjud b’interessi oħrajn milli dawk li huma intiżi li jikkumpensaw l-iżvalutazzjoni monetarja. Din id-direttiva tipprekludi wkoll li jkun meħtieġ li l-imsemmi ħlas isir f’daqqa, meta din il-kundizzjoni tagħmel ir-regolarizzazzjoni msemmija impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli. B’mod partikolari, dan huwa l-każ meta s-somma li trid titħallas taqbeż il-pensjoni annwali tal-persuna kkonċernata.

    Fuq l-obbligi ta’ Stat Membru derivanti minn deċiżjoni preliminari

    36. Permezz tat-tieni parti tad-domandi tagħha, moqrija fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk Stat Membru għandux l-obbligu li jemenda l-liġi tiegħu wara li tingħata deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja minn liema jirriżulta nuqqas ta’ kompatibbiltà tal-liġi msemmija mad-dritt Komunitarju.

    37. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 10 KE, l-Istati Membri huma marbuta li jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt Komunitarju (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, Ġabra p. I‑723, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38. Għaldaqstant, wara li tingħata deċiżjoni preliminari li minnha jirriżulta nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju, ikun l-obbligu ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jieħdu l-miżuri ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw l-osservanza tad-dritt Komunitarju fuq it-territorju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Wells, iċċitata aktar ‘il fuq, punti 64 u 65 kif ukoll tal-25 ta’ Marzu 2004, Azienda Agricola Giorgio, Giovanni u Luciano Visentin et , C‑495/00, Ġabra p. I‑2993, punt 39). Filwaqt li jkollhom l-għażla tal-miżuri li għandhom jittieħdu, l-awtoritajiet imsemmija għandhom b’mod partikolari jassiguraw li, fl-inqas żmien possibbli, id-dritt nazzjonali jsir konformi mad-dritt Komunitarju u li d-drittijiet ta’ l-individwi taħt id-dritt Komunitarju jkunu jistgħu jiġu invokati.

    39. Barra minn hekk, kif qalet kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet ta’ diskriminazzjonijiet kuntrarji għad-dritt Komunitarju, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu t-trattament ugwali, l-osservanza tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza jista’ jiġi assigurat biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata ta’ l-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata. F’sitwazzjoni bħal din, il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha mil-leġiżlatur, u li tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġat l-istess skema li tibbenefika minnha l-kategorija l-oħra (sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1994, Avdel Systems, C‑408/92, Ġabra p. I‑4435, punti 16 u 17; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero, C‑442/00, Ġabra p. I‑11915, punti 42 u 43, u tas-7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso, C‑81/05, Ġabra p. I-7569, punti 45 u 46).

    40. Barra minn hekk, Stat Membru huwa marbut li jikkumpensa d-danni kkawżati lil individwi mill-ksur tad-dritt Komunitarju. Fil-każ fejn il-kundizzjonijiet ta’ dan l-obbligu jiġu sodisfatti, tkun il-qorti nazzjonali li jkollha tiddeċiedi l-konsegwenzi ta’ dan il-prinċipju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ April 1997, Sutton, C‑66/95, Ġabra p. I‑2163, punt 35, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, Ġabra p. I‑10239, punti 51 u 52).

    41. Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ‘il fuq, ir-risposta għat-tieni parti tad-domandi preliminari hija li, wara li tingħata deċiżjoni preliminari li minnha jirriżulta nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju, l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru in kwistjoni għandhom jadottaw il-miżuri ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw l-osservanza tad-dritt Komunitarju, billi b’mod partikolari jassiguraw ruħhom li, fl-inqas żmien possibbli, id-dritt nazzjonali jsir konformi mad-dritt Komunitarju u li d-drittijiet ta’ l-individwi taħt id-dritt Komunitarju jkunu jistgħu jiġu invokati. Meta tiġi kkonstatata diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju, sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu t-trattament ugwali, il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha mil-leġiżlatur, u li tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġat l-istess skema li tibbenefika minnha l-kategorija l-oħra.

    Fuq l-ispejjeż

    42. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1) Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, meta Stat Membru jadotta liġi li jkollha l-iskop li tippermetti lil persuni ta’ sess determinat, oriġinarjament suġġetti għal diskriminazzjoni, li jibbenifikaw għat-tul kollu ta’ l-irtirar tagħhom mill-iskema ta’ pensjoni applikabbli għall-persuni tas-sess l-ieħor,

    – ma tipprekludix l-imsemmi Stat Membru milli jissuġġetta din l-affiljazzjoni għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni li jikkonsistu fid-differenza bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni oriġinarjament suġġetti għal diskriminazzjoni matul il-perjodu li fih kien hemm id-diskriminazzjoni u l-kontribuzzjonijiet ogħla mħallsa mill-kategorija l-oħra ta’ persuni matul l-istess perjodu, miżjuda bl-interessi biex tiġi kkumpensata l-iżvalutazzjoni monetarja,

    – tipprekludi, min-naħa l-oħra, lill-imsemmi Stat Membru milli jeżiġi li l-imsemmi ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni jkun miżjud b’interessi oħrajn milli dawk li huma intiżi li jikkumpensaw l-iżvalutazzjoni monetarja,

    – tipprekludi wkoll li jkun meħtieġ li l-imsemmi ħlas isir f’daqqa, meta din il-kundizzjoni tagħmel ir-regolarizzazzjoni msemmija impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli. B’mod partikolari, dan huwa l-każ meta s-somma li trid titħallas taqbeż il-pensjoni annwali tal-persuna kkonċernata.

    2) Wara li tingħata deċiżjoni preliminari li minnha jirriżulta nuqqas ta’ kumpatibbiltà ta’ liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju, l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru in kwistjoni għandhom jadottaw il-miżuri ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw l-osservanza tad-dritt Komunitarju, billi b’mod partikolari jassiguraw ruħhom li, fl-inqas żmien possibbli, id-dritt nazzjonali jsir konformi mad-dritt Komunitarju u li d-drittijiet ta’ l-individwi taħt id-dritt Komunitarju jkunu jistgħu jiġu invokati.

    Meta tiġi kkonstatata diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju, sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu t-trattament ugwali, il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha mil-leġiżlatur, u li tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġat l-istess skema li tibbenefika minnha l-kategorija l-oħra.

    Top