This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62003CJ0272
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 15 December 2004.#Hauptzollamt Neubrandenburg v Jens Christian Siig.#Reference for a preliminary ruling: Bundesfinanzhof - Germany.#Failure of a Member State to fulfil its obligations - Environment - Directive 2000/53/EC - Non-transposition within the prescribed period.#Case C-272/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tal-15 ta' Diċembru 2004.
Hauptzollamt Neubrandenburg vs Jens Christian Siig.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
Kodiċi Doganali tal-Komunità - Meta jiġi inkors dejn doganali - Proċedura ta' importazzjoni temporanja - Bdil tat-trattur ta' semi-karru.
Kawża C-272/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tal-15 ta' Diċembru 2004.
Hauptzollamt Neubrandenburg vs Jens Christian Siig.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
Kodiċi Doganali tal-Komunità - Meta jiġi inkors dejn doganali - Proċedura ta' importazzjoni temporanja - Bdil tat-trattur ta' semi-karru.
Kawża C-272/03.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:805
*A9* Bundesfinanzhof, Beschluß vom 13/05/2003 (VII R 15/02)
- Zeitschrift für Zölle und Verbrauchsteuern 2003 p.268-269
*P1* Bundesfinanzhof, Beschluß vom 31/05/2005 (VII R 15/02)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
15 ta' Diċembru 2004 (*)
"Kodiċi Doganali tal-Komunità – Meta jiġi inkors dejn doganali – Proċedura ta' importazzjoni temporanja – Bdil tat-trattur ta' semi-karru"
Fil-kawża C-272/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (Il-Ġermanja) permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta' Mejju 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta' Ġunju 2003, fil-kawża
Hauptzollamt Neubrandenburg
vs
Jens Christian Siig, li jopera bl-isem kummerċjali "Internationale Transport" Export-Import,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President ta' l-Awla, C. Gulmann u R. Schintgen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A .Tizzano,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bill-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Christian Siig, minn F. Bähring, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Taljan, minn J. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. de Bellis, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. C. Schieferer, bħala aġent,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 670(p) u 718(3)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p.1, aktaraktar 'il quddiem ir-"Regolament ta' implementazzjoni").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Christian Siig, li jopera bl-isem kummerċjali "Internationale Transport" Export-Import (aktar 'il quddiem "Christian Siig"), u l-Hauptzollamt Neubrandenburg (l-uffiċċju prinċipali tad-dwana ta' Neubrandenburg, aktar 'il quddiem il-"Hauptzollamt") dwar l-irkupru ta' dejn doganali u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (aktar 'il quddiem il-"VAT") fuq l-importazzjoni.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 137 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, aktar 'il quddiem il-"Kodiċi Doganali"), jipprovdi li:
"Il-proċedura ta' importazzjoni temporanja għandha tippermetti l-użu fit-territorju doganali tal-Komunità, b'eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni u mingħajr ma jiġu soġġetti għal miżuri ta' politika kummerċjali ta' merkanzija mhux tal-Komunità maħsuba għall-esportazzjoni mill-ġdid mingħajr ma jkun sarilhom xi tibdil ħlief deprezzament normali minħabba l-użu li jsir minnhom."
4 L-Artikolu 141 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi dan li ġej:
"Il-każ u l-kondizzjonijiet speċjali li taħthom il-proċedura ta' importazzjoni temporanja tista' tintuża b'eżenzjonii totali minn dazji fuq l-importazzjoni għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat."
5 L-Artikolu 204(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:
"Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
a) tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu
jew
b) tan-nuqqas ta' konformità ma' kundizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura jew l-għoti ta' rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta' l-użu finali tal-merkanziji,
f'każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 203 ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m'għandhom ebda effett sinjifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata."
6 Skond l-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi Doganali:
"Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f'sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:
– li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat;
– li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista' tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali."
7 L-Artikolu 670 tar-regolament ta' implementazzjoni jipprovdi li:
"Għall-iskopijiet ta' dan il-Kapitolu:
[...]
e) użu kummerċjali jfisser: l-użu tal-mezzi tat-trasport għat-trasport ta' persuni bi ħlas jew għal trasport industrijali jew kummerċjali ta' merkanzija, sew jekk bi ħlas u sew jekk le;
[...]
p) traffiku intern ifisser: it-trasport ta' persuni jew merkanzija miġbura jew mgħobbija fit-territorju doganali tal-Komunità biex jiġu żbarkati jew jinħattu f'post f'dak it-territorju."
8 L-Artikolu 718 tar-Regolament ta' implementazzjoni jipprovdi li:
"1. Il-proċedura ta' importazzjoni temporanja għandha tapplika għall-vetturi tat-triq għal użu kummerċjali.
2. Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu, vetturi għandha tfisser il-vetturi tat-triq kollha u t-trailers li jistgħu jkunu mqabbda ma' vetturi bħal dawn.
3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, id-dħul taħt il-proċedura ta' importazzjoni temporanja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-vetturi jkunu:
[...]
d) ikunu użati esklużivament għat-trasport li jibda jew jispiċċa barra mit-territorju doganali tal-Kominita
[…]
5. Il-vetturi msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jibqgħu fit-territorju doganali tal-komunità suġġetti għal kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 matul iż-żmien meħtieġ għat-twettieq tal-operazzjonijiet li għalihom tkun intalbet l-importazzjoni temporanja, bħal mhuma l-ispostament, l-iżbark jew l-imbark ta' passiġieri, l-ħatt u t-tagħbija tal-merkanzija, it-trasport u l-manutenzjoni.
[…]
7. B'deroga minn paragrafu 3:
[...]
c) il-vetturi għal użu kummerċjali jistgħu jiġu użati għal traffiku intern meta d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tat-trasport, partikularment dawk li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet ta' aċċess u l-operazzjonijiet, jipprovdu din il-possibbiltà."
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 Christian Siig, li jopera impriża tat-trasport fil-Polonja bħala imprenditur individwali, għandu tliett tratturi tat-triq. Fil-25 ta' Mejju 2000, il-Bundesministerium für Verkehr, Bau- und Wohnungswesen (Ministeru Federali għat-Trasport, il-Bini u l-Akkomodazzjoni) ħariġlu awtorizazzjoni għat-trasport internazzjonali ta' merkanzija bejn il-Ġermanja u l-Polonja kif ukoll għat-tranżitu, fuq it-territorju Ġermaniż,tat-trattur bin-numru ta' reġistrazzjoni Pollakk GWN 3247. Din l-awtorizazzjoni kienet tindika l-4 ta' Ġunju 2000 bħala data tad-dħul, Viborg fid-Danimarka bħala l-post tal-ħatt, is-6 ta' Ġunju 2000 bħala data tal-vjaġġ ta' ritorn u l-Polonja bħala pajjiż tal-ħatt.
10 L-imsemmi trattur u s-semi-karru bin-numru ta' registrazzjoni Pollakk VB 4064 iddaħħlu fit-territorju doganali tal-Komunità fl-4 ta' Ġunju 2000. Il-merkanzija ttrasportata kienet destinata għal xerrej stabbilit fid-Danimarka. Wara li nħattet il-merkanzija, is-semi-karru ġie mgħobbi, fis-6 ta' Ġunju 2000, ġewwa Flensburg (Il-Ġermanja), b'merkanzija destinata għal impriża stabbilita f'Varsavja (Il-Polonja). Fis-7 ta' Ġunju 2000, is-semi-karru ġie pparkjat fuq l-art tal-kumpannija Agroservice f'Penkun (Il-Ġermanja) u t-trattur bin-numru ta' reġistrazzjoni Pollakk GWN 3247 telaq, mingħajr dan is-semi-karru, mit-territorju doganali tal-Komunità fid-derezzjoni tal-Polonja. Fit-8 ta' Ġunju 2000, trattur ieħor, bin-numru ta' reġistrazzjoni Pollakk SML 3525, iddaħħal fit-territorju tal-Komunità. Dan it-trattur ġabar is-semi-karru in kwistjoni u ttrasportah, fid-9 ta' Ġunju 2000, billi għadda mill-uffiċju doganali ta' Eberswalde (Il-Ġermanja), lejn Varsavja fejn wasal għand id-destinatarju fit-12 ta' Ġunju 2000.
11 Permezz ta' l-avviż ta' stima tat-taxxa tat-18 ta' Awwissu 2000, il-Hauptzollamt talbet lil Christian Siig, abbażi ta' evalwazzjoni tal-valur tat-trattur bin-numru ta' reġistrazzjoni Pollakk GWN 3247, dazji doganali li jammontaw għal DEM 2 240 u taxxa ta' DEM 2 598.40 fuq il-fatturat mill-importazzjoni, talli, fis-7 ta' Ġunju 2000, ittrasporta merkanzija fit-territorju Ġermaniż. Peress li l-oġġezjoni tiegħu kontra dan il-kont tat-taxxa ġiet miċħuda, Christian Siig ressaq rikors quddiem il-Finanzgericht (Il-Ġermanja). Dan ta' l-aħħar laqa' dan ir-rikors minħabba li Christian Siig ma kien kiser ebda mill-obbligi li jirriżultaw mill-proċedura doganali għall-importazzjoni temporanja li taħtha t-trattur u s-semi-karru in kwistjoni ġew imqegħda separatament meta qasmu l-fruntiera doganali tal-Komunità.
12 Skond il-Finanzgericht, Christian Siig irrispetta l-Artikolu 718(3)(d) tar-regolament ta' implementazzjoni, peress li l-element determinanti għall-evalwazzjoni tal-legalità ta' l-attività prevista huwa t-trasport tal-merkanzija li għaliha jintuża l-mezz ta' trasport. Fil-fatt, skond l-Artikolu 670(p) tar-regolament ta' implementazzjoni, bil-kliem "traffiku intern" wieħed għandu jifhem it-trasport ta' merkanzija mgħobbija fit-territorju doganali tal-Komunità biex tinħatt ġewaa dan l-istess territorju. Issa, it-trattur intuża, flimkien mas-semi-karru, sabiex jitwettaq, min-naħa, trasport li beda barra t-territorju doganali tal-Komunità u li ntemm f'tali territorju u, min-naħa l-oħra, trasport li beda fit-territorju doganali tal-Komunità u li ntemm il-barra minnu. Il-fatt li s-semi-karru ġie pparkjat għal jumejn f'Penkun kien biss interruzzjoni qasira tal-proċedura ta' importazzjoni temporanja.
13 Il-Hauptzollamt appellat minn din id-deċiżjoni fuq punt ta' liġi billi sostniet li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Finanzgericht, il-kriterju determinanti mhuwiex id-destinazzjoni aħħarija tal-merkanzija li tkun qed tinġarr iżda l-mezz ta' trasport konkretament użat. Il-mod ta' kif jinħatt trattur huwa ddeterminat mil-mod ta' kif inhu mibni: wieħed jista' jew iħott is-semi-karru jew inkella jitniżżel mgħobbi bil-merkanzija li jkun fih b'kollox. Huwa minnhu li, f'dan il-każ, it-trasport ġie interrott biss f'dak li jirrigwarda s-semi-karru. Madankollu, it-trattur inħatt f'Penkun u għalhekk intuża bi ksur ta' l-Artikolu 718(3)(d) tar-regolament ta' implementazzjoni.
14 Peress li kkunsidrat li l-kawża li kellha quddiemha kienet teħtieġ l-interpretazzjoni tar-regolament ta' implementazzjoni, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
" Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 718(3)(d) moqrija flimkien ma' dawk ta' l-Artikolu 670(p) tar-regolament [ta' implementazzjoni] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu l-użu ta' trattur tat-triq irreġistrat barra t-territorju doganali tal-Komunità sabiex jinġarr semi-karru minn post li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità fejn dan jiġi mgħobbi bil-merkanzija lejn post ieħor li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità fejn jiġi pparkjat biss sabiex sussegwentement jerġa' jiġi ttrasportat minn trattur tat-triq ieħor għal għand id-destinatarju tal-merkanzija, li jkun stabbilit barra t-territorju doganali tal-Komunità?"
Fuq id-domanda preliminari
15 Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li l-Artikolu 718(3)(d) tar-regolament ta' implementazzjoni jaqa' taħt il-punt (a) intitolat "Mezzi tat-trasport ta' fuq it-triq", tas-subsezzjoni 1 "L-importazzjoni temporanja b'eżenzjoni totali: każijiet u kundizzjonijiet" tas-sezzjoni 3, "L-importazzjoni temporanja ta' mezzi tat-trasport", tal-Kapitolu 5 li huwa intitolat "Il-proċedura ta' importazzjoni temporanja" filwaqt li l-Artikolu 670(p) ta' dan l-istess Regolament jaqa' taħt is-sezzjoni 1, intitolata "Dispożizzjonijiet ġenerali", ta' l-imsemmi Kapitolu 5.
16 Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 718 tar-regolament ta' implementazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni speċjali (lex specialis) fir-rispett ta' l-Artikolu 670 ta' l-istess Regolament, b'tali mod li l-ewwel dispożizzjoni tiegħu tipprevali fuq it-tieni f'dawk is-sitwazzjonijiet li hija intiża speċifikatament li tirregola, jiġifieri l-applikazzjoni tal-proċedura ta' importazzjoni temporanja għal mezz ta' trasport bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
17 Wara dan, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 718(3)(d) tar-regolament ta' implementazzjoni jipprovdi li, sabiex mezz ta' trasport tat-triq ikun jista' jibbenefika mill-proċedura ta' importazzjoni temporanja, dan għandu jkun użat esklużivament għal trasport li jibda jew li jispiċċa barra mit-territorju doganali tal-Komunità.
18 Għalhekk jidher li l-benefiċċju tal-proċedura ta' importazzjoni temporanja jiddependi direttament fuq it-twettiq, mill-vettura in kwistjoni, ta' operazzjoni ta' trasport speċifika, jiġifieri trasport li jinkludi qsim tal-fruntiera esterna tat-territorju doganali tal-Komunità mill-imsemmija vettura u mill-merkanzija jew il-persuni ttrasportati.
19 Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikoli 718(5), 722(2) (f'dak li jirrigwarda t-trasport bl-ajru) u 723(2) (f'dak li jirrigwarda t-trasport bil-baħar), tar-regolament ta' implementazzjoni u li minnhom jirriżulta li l-importazzjoni temporanja ta' mezz ta' trasport tiġi permessa biss għat-tul ta' żmien meħtieġ sabiex titwettaq l-operazzjoni ta' trasport li għaliha din tkun intalbet.
20 Minn dan isegwi li hija l-operazzjoni ta' trasport infisha, mwettqa permezz tal-mezz ta' trasport in kwistjoni, li hija determinanti u mhux id-destinazzjoni finali tal-merkanzija jew tal-persuni ttrasportati.
21 Jekk huwa minnu, kif tosserva l-Kummissjoni, li, mid-definizjoni tal-kunċett ta' "traffiku intern", li tinsab fl-Artikolu 670(p) tar-regolament ta' implementazzjoni, jirriżulta li d-destinazzjoni finali tal-merkanzija jew tal-persuni ttrasportati permezz ta' mezz ta' trasport hija determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx traffiku intern jew le, xorta jibqa' l-fatt li l-kriterju relevanti sabiex il-proċedura ta' importazzjoni temporanja tiġi applikata għal tali mezz ta' trasport, jibqa', kif jirriżulta mill-Artikolu 718(3)(d) tar-regolament ta' implementazzjoni, it-twettiq ta' trasport bejn il-fruntieri permezz tal-vettura in kwistjoni.
22 F'dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, peress li l-importazzjoni temporanja tiġi konċessa għal operazzjoni ta' trasport speċifika li għandha titwettaq permezz tal-vettura li tibbenefika minn din il-miżura, mhuwiex biżżejjed li l-imsemmija vettura tagħmel biss il-parti tal-vjaġġ li tirrigwarda t-territorju doganali tal-Komunità. Din il-vetura għandha tkun il-mezz li bih il-merkanzija jew il-persuni ttrasportati jaqsmu l-fruntieri tat-territorju doganali tal-Komunità u ma tistax tintuża biss sabiex twassal l-imsemmija merkanzija jew persuni sa din il-fruntiera.
23 Fl-aħħar nett għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni opposta, jiġifieri li l-kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk it-trasport imwettaq minn vettura li tibbenefika mill-importazzjoni temporanja huwiex trasport li jibda jew jispiċċa barra t-territorju doganali tal-Komunità tiddependi biss fuq iċ-ċirkustanza li l-merkanzija li, f'xi waqt partikolari, kienet ittrasportata mill-vettura in kwistjoni, effettivament qasmet, indipendentement minn din il-vettura, il-fruntiera ta' dan it-territorju u ma teħtieġx li l-vettura u l-merkanzija ttrasportata jaqsmu l-fruntiera simultanjament, tiċħad l-Artikolu 718(3)(d) tar-regolament ta' implementazzjoni mill-effettività tiegħu.
24 Fil-fatt, xejn ma jwaqqaf lil transportatur milli jdaħħal trattur taħt il-proċedura ta' importazzjoni temporanja u li jużah esklużivament sabiex jagħmel operazzjonijiet ta' trasport ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità sakemm dan jassigura ruħu li kemm s-semi-karri miġbuda kif ukoll it-tagħbija tagħhom tkun jew ġejja jew inkella sejra lejn territorju barra mill-Komunità.
25 Madankollu, għandu jingħad ukoll li, min-naħa, skond l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali, ma jiġi inkors l-ebda dejn doganali jekk jiġi stabbilit li l-imġiba li huwa akkużat biha min jagħmel id-dikjarazzjoni m'għandha ebda effett sinjifikattiv fuq l-operazzjoni korretta tal-proċedura doganali konċernata. Min-naħa l-oħra, anke meta, skond din id-dispożizzjoni, jiġi inkors dejn doganali, il-Kodiċi Doganali jipprovdi, fl-Artikolu 239 tiegħu, proċedura li tippermetti lil dikjarant bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikseb, jekk ikunu sodisfatti ċertu kundizzjonijiet, ir-remissjoni jew il-ħlas lura tad-dazji in kwistjoni.
26 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin aktar 'il fuq jirriżulta li l-Artikoli 718(3)(d) u 670(p) tar-regolament ta' implementazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu l-użu ta' trattur tat-triq irreġistrat barra t-territorju doganali tal-Komunità sabiex jinġarr semi-karru minn post li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità, fejn dan jiġi mgħobbi bil-merkanzija, lejn post ieħor li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità fejn jiġi pparkjat sabiex sussegwentement jerġa' jiġi ttrasportat, minn trattur tat-triq ieħor, għal għand id-destinatarju tal-merkanzija li jkun stabbilit barra mit-territorju doganali tal-Komunità.
Fuq l-ispejjeż
27 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Hames Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
L-Artikoli 718(3)(d) u 670(p) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali Komunitarju, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu l-użu ta' trattur tat-triq irreġistrat barra t-territorju doganali tal-Komunità sabiex jinġarr semi-karru minn post li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità, fejn dan jiġi mgħobbi bil-merkanzija, lejn post ieħor li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità fejn jiġi pparkjat sabiex sussegwentement jerġa' jiġi ttrasportat, minn trattur tat-triq ieħor, għal għand id-destinatarju tal-merkanzija li jkun stabbilit il-barra mit-territorju doganali tal-Komunità.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.