This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0173
Judgment of the Court (First Chamber) of 30 November 2023.#MG v European Investment Bank.#Appeal – Civil service – Staff of the European Investment Bank (EIB) – EIB Staff Rules – Remuneration – Family allowances – Payment to the sole parent with full custody of the child – Charter of Fundamental Rights of the European Union – Article 41(2) – Right to be heard – Plea of illegality in respect of the Staff Rules – Principle of equal treatment – Principle of proportionality – Action for annulment and for damages.#Case C-173/22 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-30 ta’ Novembru 2023.
MG vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment.
Appell – Servizz pubbliku – Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Ħlas lill-uniku ġenitur li għandu l-kustodja esklużiva tal-wild – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41(2) – Dritt għal smigħ – Eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet amministrattivi – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Azzjoni għal annullament u għad-danni.
Kawża C-173/22 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-30 ta’ Novembru 2023.
MG vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment.
Appell – Servizz pubbliku – Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Ħlas lill-uniku ġenitur li għandu l-kustodja esklużiva tal-wild – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41(2) – Dritt għal smigħ – Eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet amministrattivi – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Azzjoni għal annullament u għad-danni.
Kawża C-173/22 P.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:932
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)
30 ta’ Novembru 2023 ( *1 )
“Appell – Servizz pubbliku – Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Ħlas lill-uniku ġenitur li għandu l-kustodja esklużiva tal-wild – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41(2) – Dritt għal smigħ – Eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet amministrattivi – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Azzjoni għal annullament u għad-danni”
Fil-Kawża C‑173/22 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑3 ta’ Marzu 2022,
MG, irrappreżentat minn L. Levi, avocate,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn K. Carr, G. Faedo u E. Manoukian, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avvocato,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President ta’ Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Mejju 2023,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewoprea tal‑21 ta’ Diċembru 2021, MG vs BEI (T‑573/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:915), li permezz tagħha ċaħdet it-talba tiegħu bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u fuq l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u intiża, minn naħa, għall-annullament tal-ittri tal-BEI li abbażi tagħhom l-appellant ġie mċaħħad mill-benefiċċju tal-allowances tal-familja u tad-drittijiet finanzjarji dderivati u, min-naħa l-oħra, għal kumpens għad-dannu morali li allegatament ġie subit mill-appellant. |
Il‑kuntest ġuridiku
Ir-Regolament Nru 260/68
|
2 |
L-Artikolu 3(3) u (4) tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 tal-Kunsill tad‑29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 33), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1750/2002 tat‑30 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 136) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 260/68”), jipprovdi: “3. L-allowance tal-familja u benefiċċji soċjali li jidhru fil-lista hawn taħt għandhom jitnaqqsu mill-ammont bażiku taxxabbli:
[…] “4. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5, għandhom jitnaqqsu 10% ta’ l-spejjeż relatati mal-post tax-xogħol jew personali mill-ammont miksub wara li jkunu applikati d-disposizzjonijiet ta’ qabel dan il-paragrafu. Għandu jsir tnaqqis addizzjonali li jkun id-doppju ta’ l-ammont ta’ l-allowance għal wild dipendenti għal kull wild dipendenti tal-persuna soġġetta għat-taxxa, kif ukoll għal kull persuna meqjusa bħala wild dipendenti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(4) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal”. |
Ir‑Regolamenti tal‑Persunal
|
3 |
Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, adottati fl‑20 ta’ April 1960 mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI, fil-verżjoni tagħhom applikabbli f’dan il-każ (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), kienu jipprevedu, fl-Artikolu 41 tagħhom: “Tilwim ta’ kwalunkwe natura f’livell individwali bejn il-[BEI] u l-membri tal-persunal tiegħu għandu jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea]. Tilwim, minbarra dak li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ miżuri previsti fl-Artikolu 38, huwa suġġett għal proċedura bonarja quddiem il-Bord ta’ Konċiljazzjoni tal‑[BEI] u dan, indipendentement mill-azzjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea]. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Id‑dispożizzjonijiet amministrattivi
|
4 |
Il-punti 2.2.1 u 2.2.2 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet amministrattivi”), huma fformulati kif ġej: “2.2.1. Allowance tal-familja Il-membri tal-persunal li ġejjin għandhom ikunu intitolati għal allowance tal-familja li tammonta għal 5 % tas-salarju bażiku mensili:
Il-Kumitat tad-Diretturi jistabbilixxi l-ammont minimu tal-allowance (ara l-Anness I). Jekk iż-żewġ konjuġi huma impjegati tal-Bank, l-allowance għandha titħallas lill-konjuġi bl-ogħla salarju mensili bażiku. Jekk wieħed mill-konjuġi jkun impjegat mill-Bank u l-ieħor minn organizzazzjoni internazzjonali oħra, il-membru tal-persunal impjegat mill-Bank għandu jirċievi l-allowance jekk l-organizzazzjoni l-oħra ma tħallasx allowance simili lill-konjuġi tiegħu/tagħha. F’każ ta’ mewt tal-unika persuna responsabbli għall-allowance, li fir-rigward tagħha huwa miftuħ id-dritt għall-allowance, il-ħlas jiġi interrott fi tmiem is-sitt xahar wara d-data tal-mewt. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika mutatis mutandis għall-persuni li jirċievu pensjoni mħallsa mill-Bank. 2.2.2. Wild dipendenti Wild li l-manteniment tiegħu huwa effettivament pprovdut minn membru tal-persunal u li huwa l-wild leġittimu tiegħu jew tagħha, leġittimizzat, bioloġiku rikonoxxut jew adottat, jew wild minn relazzjoni oħra, għandu jiġi kkunsidrat bħala l-wild dipendenti ta’ dan il-membru tal-persunal, jekk il-Bank jew istituzzjoni oħra tal-Unjoni Ewropeja ma jikkunsidrawx il-wild bħala wild dipendenti ta’ membru tal-persunal ieħor jew ta’ wieħed mill-uffiċjali jew impjegati tiegħu, u sakemm dan il-wild ma huwiex f’impjieg bi qligħ. Taħt l-istess kundizzjonijiet, il-Bank jista’ wkoll jikkunsidra bħala wild dipendenti wild li jingħata dar minn membru tal-persunal. Fejn wild li jgħix fl-istess dar bħall-membru tal-persunal jew fejn dan tal-aħħar qiegħed jikkontribwixxi għall-manteniment tal-wild f’ammont ta’ mill-inqas 50% ogħla mill-allowance għall-ulied dipendenti […], għandu jitqies li dan il-membru tal-persunal qiegħed effettivament jipprovdi għall-manteniment tal-wild (ara l-Anness I)”. |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
5 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 25 tas-sentenza appellata kif ġej:
|
Ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
|
6 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Settembru 2020, l-appellant ippreżenta rikors ibbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE u fuq l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u intiż, minn naħa, għall-annullament tal-ittri tal‑BEI tal‑11 ta’ Ottubru 2018, tas‑7 ta’ Jannar 2019 u tat‑30 ta’ Lulju 2020 li abbażi tagħhom l-appellant ġie mċaħħad mill-benefiċċju tal-allowances tal-familja u mid-drittijiet finanzjarji dderivati u, min-naħa l-oħra, għal kumpens għad-dannu morali li allegatament ġie subit mill-appellant. |
|
7 |
Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, l-appellant invoka sitt motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u, sussidjarjament, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 260/68 u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura, u, is-sitt wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura. |
|
8 |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi kollha u, għaldaqstant, it-talbiet għal annullament. |
|
9 |
Insostenn tat-talbiet tiegħu għal kumpens, l-appellant iddikjara li ġarrab dannu morali minħabba l-azzjonijiet u l-ommissjonijiet tal-persuna li timpjegah, li jirriżulta, l-ewwel, mit-tnaqqis f’daqqa u sinjifikattiv ħafna tar-remunerazzjoni tiegħu permezz tal-adozzjoni ta’ att illegali, fatt li jikkostitwixxi sors ta’ ansjetà, it-tieni, mill-iżvelar tad-data personali tiegħu lil terzi mingħajr il-kunsens tiegħu, it-tielet, mit-teħid ta’ pożizzjoni tal-BEI favur l-ex konjuġi tiegħu sa fejn din kienet ibbażata b’mod deċiżiv fuq ir-riżultat tal-proċedura ġudizzjarja quddiem l-imħallfin Lussemburgiżi, u, ir-raba’, mid-dewmien mhux iġġustifikat meħud sabiex tiġi stabbilita l-proċedura ta’ konċiljazzjoni. L-appellant evalwa dan id-dannu ex æquo et bono għal EUR 10000, ammont li huwa impenja ruħu li jħallas lil organizzazzjoni ta’ karità fil-każ ta’ għoti. |
|
10 |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel tliet partijiet tat-talbiet għal kumpens imqajma fl-ewwel istanza. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet, fir-rigward tar-raba’ parti ta’ dawn il-konklużjonijiet u, fid-dawl b’mod partikolari tat-terminu ta’ tweġiba mhux raġonevoli ta’ iktar minn tliet xhur tal-BEI fuq talba tal-appellant dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni wara l-ittra tas‑7 ta’ Jannar 2019 u tal-assenza ta’ tweġiba tal-BEI għall-ewwel talba għal konċiljazzjoni li tinsab fl-ittra tad‑29 ta’ Ottubru 2018, li l-BEI kien żamm lill-appellant fi stat ta’ inċertezza fit-tul minħabba dan id-dewmien mhux iġġustifikat u għalhekk ikkawżalu dannu morali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-BEI jħallas lill-appellant danni stmati ex aequo et bono fis-somma ta’ EUR 500. |
|
11 |
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li kull parti kellha tbati l-ispejjeż tagħha. |
It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell
|
12 |
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
13 |
Il-BEI jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l‑appell
|
14 |
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħames aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed, fuq żnaturament tal-fatti, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, ir-raba’wieħed, ta’ ksur tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 260/68 u, il-ħames wieħed, fuq żnaturament tal-proċess, fuq ksur tal-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. |
|
15 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju u, fit-tieni lok, it-tieni parti tat-tielet aggravju tal-appell. |
Fuq l‑ewwel aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
16 |
Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellant isostni li, fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
17 |
Huwa jirrileva li, fir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa sostna li ma nstemax mill-BEI qabel ma ġiet adottata l-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018. Issa, din l-ittra segwiet proċedura ta’ konċiljazzjoni miftuħa fuq talba tal-ex konjuġi tiegħu, mingħajr ma ġie informat b’dan u li kien jikkonkludi li ġiet applikata, b’analoġija, deċiżjoni adottata mill-BEI fi proċedura oħra ta’ konċiljazzjoni mressqa minn membru tal-persunal ieħor, li tagħha huwa ma kienx jaf l-elementi fattwali u legali. L-appellant sostna wkoll li r-riżultat tal-proċedura kien ikun differenti li kieku nstema’, peress li, minn naħa, huwa seta’ jispjega preċiżament x’kienet is-sitwazzjoni tiegħu fir-rigward tal-proċeduri ġudizzjarji pendenti quddiem il-qorti nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-BEI seta’, f’dan ir-rigward, jipproponi tqassim tal-allowances tal-familja jew ta’ wħud minnhom bejn l-appellant u l-ex konjuġi tiegħu. |
|
18 |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tammetti li l-appellant ma nstemax fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkomunikata permezz tal-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018. Madankollu, din il-qorti żbaljat meta qieset li d-dritt għal smigħ tiegħu kien ġie rrispettat, minħabba s-sempliċi fatt li huwa seta’, fl-ittri tiegħu tad‑29 ta’ Ottubru u tal‑10 ta’ Diċembru 2018, jikkummenta dwar ir-raġunament li jinsab fid-deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2018, peress li l-osservazzjonijiet tal-appellant ittieħdu inkunsiderazzjoni qabel it-teħid ta’ pożizzjoni espressa mill-BEI fl-ittra tiegħu tas‑7 ta’ Jannar 2019. |
|
19 |
Il-BEI jirribatti li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li huwa kien ta lill-appellant il-possibbiltà li jinstema’ fir-rigward tal-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018. Huwa jirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 41(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista fih tista’ tinbeda biss b’mod individwali fuq inizjattiva tal-parti kkonċernata, jiġifieri l-membru tal-persunal tal-BEI li jqis ruħu leż minn deċiżjoni jew aġir tal-amministrazzjoni. Peress li l-ex konjuġi tal-appellant, ukoll membru tal-persunal tal-BEI, ħadet l-inizjattiva li tirrikorri għal tali proċedura ta’ konċiljazzjoni dwar il-ħlas tal-allowances tal-familja u tad-drittijiet finanzjarji dderivati, hija kienet l-unika waħda kkonċernata mill-imsemmija proċedura, mingħajr il-possibbiltà għall-BEI li jestendiha għall-appellant. |
|
20 |
F’dan ir-rigward, il-BEI organizza l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ tal-appellant biss b’mod kompatibbli mad-drittijiet tal-ex konjuġi tiegħu li tinvoka l-proċedura individwali ta’ konċiljazzjoni prevista fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, l-appellant ġie informat bir-riżultati tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni li tikkonċerna individwalment lill-ex konjuġi tiegħu wara l-konklużjoni ta’ din il-proċedura u sa fejn is-segwitu li l-BEI kellu jagħtih seta’ jkollu konsegwenzi fuq il-pożizzjoni tiegħu, u nstema’ f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, l-appellant ma weriex li l-proċedura inkwistjoni setgħet, jekk ikun il-każ, ikollha riżultat differenti. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont kliem l-Artikolu 41(2) tal-Karta, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament. |
|
22 |
Bħalma jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha stess, din id-dispożizzjoni hija ta’ applikazzjoni ġenerali. Minn dan isegwi li d-dritt għal smigħ għandu jiġi rrispettat f’kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament tali formalità (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 70 tas-sentenza appellata, id-dritt għal smigħ għandu għan doppju. Minn naħa, iservi għall-istruzzjoni tal-fajl u għall-istabbiliment tal-fatti bil-mod l-iktar preċiż u korrett possibbli u, min-naħa l-oħra, jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. Id-dritt għal smigħ huwa intiż partikolarment li jiggarantixxi li kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’konjizzjoni sħiħa tal-kawża u b’mod partikolari għandu l-għan li jippermetti lill-awtorità kompetenti tikkoreġi żball jew li l-persuna kkonċernata ssostni l-elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw sabiex id-deċiżjoni tittieħed, ma titteħidx jew li jkollha tali jew tali kontenut (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Għalhekk, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli d-drittijiet u l-interessi leġittimi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 67,u tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Il-Parlament vs UZ, C‑894/19 P, EU:C:2021:863, punt 89 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, li d-dritt għal smigħ ma kienx jimplika l-obbligu tal-BEI li jisma’ lill-appellant qabel l-adozzjoni tal-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018. |
|
26 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk l-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018 tikkostitwixxix “miżura individwali li [tolqot] negattivament” id-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-appellant, fis-sens tal-Artikolu 41(2) tal-Karta, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li mill-punt 35 ta’ dik is-sentenza diġà kien jirriżulta li, permezz ta’ din l-ittra, il-BEI kien informa lill-appellant li huwa ma kienx ser jibqa’ jirċievi, fid-dawl tal-eżitu tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni mibdija mill-ex konjuġi tiegħu, il-ħlas tal-allowances tal-familja. F’dak il-punt 35, il-Qorti Ġenerali b’hekk enfasizzat li, peress li l-appellant ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jikseb l-imsemmija allowances tal-familja u d-drittijiet finanzjarji dderivati inkwistjoni, l-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018 kienet affettwat direttament is-sitwazzjoni individwali tiegħu. |
|
27 |
Issa, billi rreferiet għal din il-konstatazzjoni fil-punt 73 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-eżami tal-motiv tal-appellant ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, il-Qorti Ġenerali impliċitament, iżda neċessarjament, ikkunsidrat, mingħajr ma dan ġie kkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell, li l-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018 effettivament tikkostitwixxi miżura individwali li tista’ taffettwa “negattivament” id-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-appellant, fis-sens tal-Artikolu 41(2) tal-Karta, b’tali mod li dan tal-aħħar kellu, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ din il-miżura. |
|
28 |
Fit-tieni lok, huwa paċifiku li l-appellant ma nstemax mill-BEI qabel l-adozzjoni tal-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 12 u 13 tas-sentenza appellata, din l-ittra ġiet innotifikata lill-appellant wara d-deċiżjoni meħuda mill-BEI, fit‑12 ta’ Settembru 2018, li jagħti l-benefiċċju tal-allowances tal-familja lill-ex konjuġi tiegħu, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni, mibdija minn din tal-aħħar abbażi tal-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-appellant ma pparteċipax fiha, kif jirriżulta mill-punt 73 tas-sentenza appellata. |
|
29 |
Ċertament, minn naħa, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, l-appellant indirizza lill-BEI wara li rċieva l-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018, sabiex jikkontesta d-deċiżjoni li kienet ġiet innotifikata lilu. B’hekk, b’mod partikolari, huwa sostna, f’ittra tad‑29 ta’ Ottubru 2018, li l-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018 kienet ġiet adottata bi ksur tad-drittijiet proċedurali tiegħu, li l-kontenut ta’ din l-ittra ma kienx jinftiehem u li din kienet tmur kontra l-arranġamenti finanzjarji fi ħdan il-familja, b’mod partikolari l-fatt li huwa kien assuma parti sostanzjali mill-ispejjeż tagħha. |
|
30 |
Min-naħa l-oħra, il-BEI effettivament wieġeb, permezz tal-ittra tiegħu tas‑7 ta’ Jannar 2019, għal ċerti oġġezzjonijiet magħmula mill-appellant, kif enfasizzat ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 74 tas-sentenza appellata. |
|
31 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din it-tweġiba għall-oġġezzjonijiet bil-miktub tal-appellant, indirizzata lill-avukat ta’ dan tal-aħħar diversi ġimgħat wara l-adozzjoni tal-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018, ma tistax tikkumpensa għan-nuqqas ta’ smigħ tal-appellant qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, din l-ittra ma hijiex att preparatorju inkorporat permezz ta’ deċiżjoni ulterjuri. Din l-ittra tikkostitwixxi d-deċiżjoni inizjali, li l-ittra tas‑7 ta’ Jannar 2019 tikkonferma. Għalhekk, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-appellant ġie mċaħħad mill-benefiċċju għall-allowances tal-familja kienet l-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018. |
|
32 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-dritt għal smigħ jimplika li l-persuna kkonċernata tkun tqiegħdet f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni, fil-kuntest ta’ skambju orali u/jew bil-miktub mibdi minn din l-awtorità u li l-prova tiegħu taqa’ fuq din l-awtorità. B’mod partikolari, il-persuna kkonċernata għandha tkun ġiet espressament informata b’abbozz ta’ deċiżjoni u ġiet mistiedna tressaq l-osservazzjonijiet tagħha. B’hekk biss, konxja tal-konsegwenzi tad-deċiżjoni prevista, il-persuna tkun tqiegħdet f’pożizzjoni li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, C‑59/06 P, EU:C:2007:756, punti 47 u 58). |
|
33 |
Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 28 u 31 ta’ din is-sentenza, il-BEI ma poġġiex lill-appellant f’pożizzjoni li jippreżenta, fi żmien xieraq, l-osservazzjonijiet tiegħu u, għaldaqstant, li jinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni. |
|
34 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-dritt għal smigħ tal-appellant ma kienx inkiser f’dan il-każ, minħabba li l-appellant seta’ jikkummenta dwar ir-raġunament espost mill-BEI fl-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018 u jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-motivi li kienu jinsabu fiha, minkejja li dawn l-osservazzjonijiet setgħu jiġu fformulati mill-appellant biss wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u, għaldaqstant, li dan tal-aħħar ma kienx f’pożizzjoni li jinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni. |
|
35 |
Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni iżda d-dispożittiv tagħha jidher li jkun fondat minħabba motivi legali oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jimplika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkollha ssir sostituzzjoni tal-motivi (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2023, Spanja vs Il-Kumissjoni, C‑632/20 P, EU:C:2023:28, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, jimplika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet wasslet għal riżultat differenti (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 105 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Issa, sabiex il-ksur tad-dritt għal smigħ ta’ persuna kkonċernata jkun jista’ jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni individwali tal-awtorità amministrattiva li tista’ tkun sfavorevoli għaliha, għandu jiġi vverifikat jekk din l-awtorità kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni fit-teħid tad-deċiżjoni inkwistjoni. Fil-fatt, uffiċjal ma għandu l-ebda interess leġittimu li jitlob l-annullament, għal difett proċedurali, u b’mod partikolari għal nuqqas ta’ rispett tad-dritt għal smigħ qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, ta’ deċiżjoni fil-każ fejn l-amministrazzjoni ma għanda l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni u hija marbuta li taġixxi kif għamlet. F’każ bħal dan ta’ kompetenza marbuta tal-amministrazzjoni, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata seta’, ladarba dan id-difett jiġi rrettifikat, jagħti lok għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni identika, fil-mertu, għad-deċiżjoni annullata (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1983, Geist vs Il-Kummissjoni, 117/81, EU:C:1983:191, punt 7). |
|
38 |
F’dan ir-rigward, sabiex juri li l-BEI kiser id-dritt għal smigħ tal-appellant, dan tal-aħħar isostni, essenzjalment, li kieku nstema’ qabel l-adozzjoni tal-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018, huwa seta’ jesponi s-sitwazzjoni personali tiegħu fir-rigward tal-proċeduri ġudizzjarji pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari l-fatt li huwa jikkontribwixxi għall-manteniment ta’ wliedu għal ammont mill-inqas 50 % ogħla minn dak tal-allowance għall-ulied dipendenti, b’tali mod li l-BEI seta’ jipproponi tqassim bejn l-appellant u l-ex konjuġi tiegħu tal-allowances tal-familja jew ta’ wħud minnhom. |
|
39 |
Min-naħa tiegħu, il-BEI sostna, essenzjalment, b’mod partikolari waqt is-seduta, li l-proċedura ma setgħetx twassal għal riżultat differenti peress li l-punt 2.2.2 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi jipprevedi li, sabiex jitqies bħala wild dipendenti ta’ membru tal-persunal, dan il-wild għandu effettivament jinżamm minn dan tal-aħħar, peress li tali manteniment effettiv jeħtieġ li jintwera, minn naħa, li l-wild jgħix taħt is-saqaf tiegħu u, min-naħa l-oħra, li jikkontribwixxi għall-manteniment ta’ dan il-wild għal ammont mill-inqas 50 % ogħla mill-ammont tal-allowance għall-ulied dipendenti. Issa, kif indika l-BEI fl-ittra tas‑7 ta’ Jannar 2019, l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma ġietx osservata, peress li l-kustodja tat-tfal ġiet fdata mill-qorti nazzjonali lill-ex konjuġi tal-appellant. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-affermazzjoni tal-BEI, li tgħid li tqassim differenti tal-allowances tal-familja bejn l-appellant u l-ex konjuġi tiegħu ma kienx possibbli fid-dawl tal-formulazzjoni tal-punti 2.2.1 u 2.2.2 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, hija kontradetta mill-konstatazzjoni fattwali li tinsab fil-punt 23 tas-sentenza appellata, mhux ikkontestata mill-BEI fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li tipprovdi li d-dipartiment tar-riżorsi umani tal-BEI ppropona lill-Bord ta’ Konċiljazzjoni, permezz ta’ posta elettronika tat‑12 ta’ Frar 2020 u fid-dawl ta’ dak li kien ġie deċiż f’kawża kklassifikata bħala “parallela”, li ċerti allowances jitħallsu bin-nofs lill-appellant u nofs lill-ex konjuġi tiegħu, bil-kundizzjoni li l-appellant jistabbilixxi l-prova tal-ħlasijiet imwettqa għal uliedu. |
|
41 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali, fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-BEI seta’ jadotta interpretazzjoni differenti tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tiegħu stess. Il-BEI kellu għalhekk marġni ta’ diskrezzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li l-proċedura inkwistjoni setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku l-appellant tqiegħed f’pożizzjoni li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni tal-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018. |
|
42 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’. |
Fuq it‑tieni parti tat‑tielet aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
43 |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punti 100, 101, 107 u 108 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-allowances tal-familja. F’dan ir-rigward, l-appellant isostni li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn il-ġenituri, li t-tnejn li huma jmantnu lil uliedhom, ma jibbenefikawx mill-istess drittijiet finanzjarji dderivati filwaqt li dawn id-drittijiet huma ddeterminati skont il-manteniment effettiv tat-tfal. Għalhekk, il-fatt li ġenitur ikollu l-kustodja ta’ wild ma jiddistingwihx, fir-rigward tal-benefiċċju tal-allowances tal-familja, mill-ġenitur l-ieħor li ma għandux il-kustodja ta’ dan il-wild. F’dan il-kuntest, l-appellant wera b’mod suffiċjenti fid-dritt li huwa kien qiegħed ibati spejjeż sinjifikattivi għall-manteniment ta’ wliedu, minkejja li dawn tal-aħħar kienu jgħixu taħt is-saqaf tal-ex konjuġi tiegħu l-parti l-kbira tal-ħin. |
|
44 |
Min-naħa tiegħu, il-BEI jsostni li l-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jew ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li d-dispożizzjonijiet amministrattivi jippermettu lill-membri tal-persunal juru li huma jikkontribwixxu għall-manteniment tal-ulied u, sussegwentement, jiksbu allowances tal-familja. Barra minn hekk, dawn l-allowances jitħallsu għall-benefiċċju tal-ulied u mhux għall-membri tal-persunal. Fi kwalunkwe każ, il-pożizzjoni tal-ġenitur li għandu l-kustodja tat-tfal hija differenti minn dik tal-ġenitur li ma għandux il-kustodja tiegħu, b’tali mod li trattament differenti taż-żewġ ġenituri huwa kompletament iġġustifikat. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
45 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. B’hekk, differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata, u meta din id-differenza tkun proporzjonata għall-għan imfittex permezz tat-trattament ikkonċernat (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Huber, C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 75, u tal‑4 ta’ Mejju 2023, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto (Xogħol ta’ Billejl), C‑529/21 sa C‑536/21 u C‑732/21 sa C‑738/21, EU:C:2023:374, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament iddifferenzjat jippreżupponi li s-sitwazzjonijiet imsemmija huma paragunabbli fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u apprezzati fid-dawl tal-iskop tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u tal-għan imfittex minnhom, fejn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan is-sens, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ l-att inkwistjoni (sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2013, IBV & Cie, C‑195/12, EU:C:2013:598, punti 51 u 52, kif ukoll tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Compass Contract Services, C‑38/16, EU:C:2017:454, punt 25 u ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
F’dan il-każ, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 102 tas-sentenza appellata, l-allowance għal wild dipendenti jservu għan soċjali ġġustifikat mill-ispejjeż li jirriżultaw minn neċessità attwali u ċerta, marbuta mal-eżistenza tal-wild u l-manteniment effettiv tiegħu. F’dan ir-rigward, għalkemm integrati fir-remunerazzjoni, l-allowances, bħall-allowances għall-ulied dipendenti jew anki l-allowance tal-edukazzjoni, kif ukoll il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa intiżi għall-ulied għall-vjaġġi bejn il-post ta’ assenjazzjoni u ċ-ċentru tal-interessi, ma humiex intiżi għall-manteniment tal-uffiċjal, iżda għal dak esklużiv tal-wild (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 1988, Christianos vs Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, 33/87, EU:C:1988:300, punt 15). |
|
48 |
Minn dan isegwi, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tagħha, li, fid-dawl ta’ dan l-għan, il-kriterju rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk, fid-dawl tal-ħlas tal-allowances għall-ulied dipendenti, il-ġenitur li għandu l-kustodja esklużiva tal-wild jinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-ġenitur li ma għandux il-kustodja tagħhom huwa dak tal-kontribuzzjoni finanzjarja rispettiva tagħhom għall-manteniment ta’ dan il-wild. |
|
49 |
Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 107 tas-sentenza appellata, ġenituri li jikkontribwixxu, it-tnejn li huma, effettivament għall-manteniment tal-wild tagħhom jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-ħlas tal-allowances għall-ulied dipendenti, u li l-ħlas, bħala prinċipju, lil wieħed minnhom biss ta’ dawn l-allowances jikkostitwixxi differenza fit-trattament, li għandha tkun oġġettivament iġġustifikata. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li wieħed mill-ġenituri għandu effettivament il-kustodja esklużiva tal-wild, li dan tal-aħħar jgħix għalhekk taħt is-saqaf ta’ dan il-ġenitur, jimplika, bħala prinċipju, li l-imsemmi ġenitur ser ikollu jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-manteniment ta’ dan il-wild. |
|
51 |
Madankollu, tali ċirkustanza bl-ebda mod ma teskludi li l-ġenitur l-ieħor, anki jekk ma jkollux il-kustodja esklużiva tal-wild, jikkontribwixxi wkoll b’mod effettiv għall-manteniment tiegħu, b’mod partikolari, fid-dawl tad-dritt ta’ dan il-wild, stabbilit fl-Artikolu 24(3) tal-Karta, li jkollu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tiegħu, ħlief jekk dan ikun kuntrarju għall-interess tiegħu. |
|
52 |
F’dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità li, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 106 tas-sentenza appellata, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda oneruża, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet previsti. |
|
53 |
F’dan il-każ, il-punti 2.2.1 u 2.2.2 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, interpretati fis-sens li jimponu l-ħlas mill-BEI tal-allowances tal-familja lill-uniku ġenitur li ngħata l-kustodja esklużiva tal-wild, indipendentement mill-kontribuzzjonijiet effettivi tal-ġenituri għall-manteniment tiegħu, imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, sa fejn dawn ma jippermettux li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-aħjar interess tal-wild u fid-dawl tad-dritt tiegħu, imfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li jżomm regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tiegħu, tas-sitwazzjoni fattwali eżistenti relatata mal-kontribuzzjoni effettiva ta’ kull ġenitur għall-manteniment tal-wild, jiġifieri t-teħid effettiv tar-responsabbiltà totali jew parzjali tal-bżonnijiet essenzjali tal-wild, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-akkomodazzjoni, l-ikel, il-ħwejjeġ, l-edukazzjoni, il-kura u l-ispejjeż mediċi. |
|
54 |
F’dan ir-rigward, għalkemm l-eżistenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija minn qorti nazzjonali, li tiffissa l-ammont tal-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż ta’ manteniment tal-wild li membru tal-persunal iddivorzjat huwa obbligat jagħti, tikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-istituzzjoni, dan l-element ma jistax jeżenta lil din tal-aħħar milli teżerċita hija stess is-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex tiddetermina jekk dan il-membru tal-persunal jikkontribwixxix effettivament għall-manteniment tal-wild. |
|
55 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-punti 2.2.1 u 2.2.2 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, sa fejn l-interpretazzjoni tagħhom ma tippermetti fl-ebda ċirkustanza li jiġi kkunsidrat li ġenitur li ma ngħatax il-kustodja esklużiva ta’ wild jikkontribwixxi effettivament għall-manteniment ta’ dan tal-aħħar, jiksru l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. |
|
56 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 107 u 108 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli ma kinux jiksru dawn il-prinċipji. |
|
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tintlaqa’ wkoll. |
Fuq it‑tieni aggravju, fuq l‑ewwel parti tat‑tielet aggravju kif ukoll fuq ir‑raba’ u l‑ħames aggravji
|
58 |
Peress li l-ewwel aggravju kif ukoll it-tieni parti tat-tielet aggravju ntlaqgħu u jiġġustifikaw l-annullament tas-sentenza appellata, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-aggravji u l-partijiet l-oħra tal-aggravji ppreżentati insostenn tal-appell, peress li dawn ma jistgħux iwasslu għal annullament iktar estiż tas-sentenza appellata. |
Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali
|
59 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. |
|
60 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament ir-rikors intiż għall-annullament tal-ittri tal-BEI tal‑11 ta’ Ottubru 2018 u, fejn meħtieġ, tal-ittri tas‑7 ta’ Jannar 2019 u tat‑30 ta’ Lulju 2020, ippreżentat mill-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll dwar it-talbiet għal kumpens imressqa fl-ewwel istanza. |
Fuq it‑talbiet għal annullament
|
61 |
Mill-punti 21 sa 57 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ewwel aggravju kif ukoll it-tieni parti tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza huma fondati u li hemm lok li jiġu annullati l-ittri tal‑11 ta’ Ottubru 2018, tas‑7 ta’ Jannar 2019 u tat‑30 ta’ Lulju 2020, minħabba ksur tad-dritt għal smigħ kif ukoll tal-illegalità tal-punti 2.2.1 u 2.2.2 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, sa fejn l-interpretazzjoni tagħhom ma tippermetti fl-ebda ċirkustanza li jiġi kkunsidrat li ġenitur li ma ngħatax il-kustodja esklużiva ta’ wild jikkontribwixxi effettivament għall-manteniment ta’ dan tal-aħħar. |
Fuq it‑talbiet għal kumpens
|
62 |
Insostenn tat-talbiet tiegħu għal kumpens imqajma fl-ewwel istanza, kif imfakkra fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, l-appellant sostna li huwa ġarrab dannu morali minħabba, l-ewwel, it-tnaqqis f’daqqa u sinjifikattiv ħafna tar-remunerazzjoni tiegħu, li huwa sors ta’ ansjetà, it-tieni, l-iżvelar tad-data personali tiegħu lil terzi mingħajr il-kunsens tiegħu, it-tielet, it-teħid ta’ pożizzjoni ta’ membri tal-maniġment tal-BEI favur l-ex konjuġi tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja quddiem il-qrati Lussemburgiżi u, ir-raba’, mid-dewmien inġustifikat sabiex tiġi stabbilita l-proċedura ta’ konċiljazzjoni, li jista’ jiġi kkumpensat biss permezz ta’ kumpens evalwat b’mod provviżorju ex æquo et bono għal EUR 10000, li huwa jimpenja ruħu, kif kien għamel quddiem l-ewwel qorti, li jħallas lil organizzazzjoni ta’ karità fil-każ ta’ għoti. |
|
63 |
Fir-rigward tal-ewwel tliet partijiet ta’ dawn it-talbiet għal kumpens, il-Qorti Ġenerali, kif imsemmi wkoll fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, ċaħdithom iżda qieset, fir-rigward tar-raba’ parti tagħhom, li d-dannu morali tal-appellant kien ikkaratterizzat fir-rigward tad-dewmien inġustifikat tal-BEI sabiex jistabbilixxi l-proċedura ta’ konċiljazzjoni u kkundanna lil din l-istituzzjoni tħallas lir-rikorrent id-danni stmati ex æquo et bono għas-somma ta’ EUR 500. |
|
64 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, fir-rigward tal-allegat dannu morali minħabba t-tnaqqis f’daqqa u sinjifikattiv ħafna tar-remunerazzjoni tiegħu, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża (sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 80), sakemm ir-rikorrent ma jurix li sofra dannu morali separat mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat b’mod sħiħ b’dan l-annullament. Issa, l-appellant bl-ebda mod ma jipprovdi tali prova. |
|
65 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegat dannu morali minħabba l-iżvelar tad-data personali tar-rikorrent lil terzi mingħajr il-kunsens tiegħu jew ukoll it-teħid ta’ pożizzjoni ta’ membri tal-maniġment tal-BEI favur l-ex konjuġi tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja quddiem il-qrati Lussemburgiżi, l-appellant baqa’ ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ dannu reali u ċert, marbut mal-allegat ksur, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 148 tas-sentenza appellata, b’tali mod li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-BEI, imfakkra fil-punt 145 ta’ din is-sentenza, ma humiex issodisfatti. |
|
66 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jintlaqgħu t-talbiet għal kumpens tal-appellant. |
Fuq l‑ispejjeż
|
67 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
68 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
69 |
Peress li l-appellant talab li l-BEI jbati l-ispejjeż, u dan tal-aħħar tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż relatati kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑573/20 kif ukoll ma’ dik tal-appell. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.