This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007H0657
Commission Recommendation of 11 October 2007 on the electronic network of officially appointed mechanisms for the central storage of regulated information referred to in Directive 2004/109/EC of the European Parliament and of the Council (notified under document number C(2007) 4607) (Text with EEA relevance)
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta’ Ottubru 2007 dwar in-netwerk elettroniku ta’ mekkaniżmi maħtura uffiċjalment għall-ħażna ċentrali ta’ informazzjoni regolata msemmija fid-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4607) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta’ Ottubru 2007 dwar in-netwerk elettroniku ta’ mekkaniżmi maħtura uffiċjalment għall-ħażna ċentrali ta’ informazzjoni regolata msemmija fid-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4607) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 267, 12.10.2007, p. 16–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
12.10.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 267/16 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-11 ta’ Ottubru 2007
dwar in-netwerk elettroniku ta’ mekkaniżmi maħtura uffiċjalment għall-ħażna ċentrali ta’ informazzjoni regolata msemmija fid-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4607)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2007/657/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 211 tiegħu,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2004/109/KE tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (1) teħtieġ li l-aċċess ta’ l-investituri għall-informazzjoni dwar l-emittenti hija aktar organizzata fuq livell Komunitarju sabiex tiġi promossa b'mod attiv l-integrazzjoni tas-swieq Ewropej tal-kapital. |
(2) |
Id-Direttiva 2004/109/KE tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jfasslu linji gwida bl-għan li jiffaċilitaw aktar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni li għandha tiġi żvelata taħt id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (2), id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (3) u d-Direttiva 2004/109/KE joħolqu netwerk elettroniku uniku (minn hawn 'il quddiem “in-netwerk elettroniku”) jew pjattaforma ta’ netwerks elettroniċi estiża ma’ l-Istati Membri li tikkollega lill-mekkaniżmi differenti maħtura fuq livell nazzjonali għall-ħażna ta’ din l-informazzjoni (minn hawn 'il quddiem “il-mekkaniżmi tal-ħażna”). |
(3) |
L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri adottaw, fi ħdan Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (CESR – Committee of European Securities Regulators) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/527/KE (4), opinjoni lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2006, fejn esprimew preferenza għal mod ta’ netwerk elettroniku sempliċi li jikkollega l-mekkaniżmi tal-ħażna. Dan in-netwerk jista' jiġi aċċessat permezz ta’ interface komuni li jkun fiha lista tal-kumpaniji kollha elenkati fil-Komunità u tikkollega lill-utent mas-sit tal-mekkaniżmu tal-ħażna rilevanti. Id-data rilevanti b'hekk tibqa' maħżuna fuq livell nazzjonali mingħajr il-bżonn li tiġi stabbilita infrastruttura komuni li tirdoppja l-informazzjoni rilevanti kollha li tinsab fuq livell nazzjonali u li jintefqu spejjeż addizzjonali eċċessivi. |
(4) |
F'dan l-istadju huwa xieraq li jiġu previsti standards volontarji li jagħtu l-flessibbiltà meħtieġa għall-mekkaniżmi tal-ħażna biex dawn jadattaw ruħhom għall-operat tan-netwerk elettroniku. |
(5) |
Huwa mixtieq li l-mekkaniżmi tal-ħażna jkunu jistgħu jinterkonnettjaw ma’ xulxin elettronikament, sabiex l-investituri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jaċċedu b'mod faċli għall-informazzjoni finanzjarja dwar il-kumpaniji elenkati fil-Komunità. Bil-għan li dan in-netwerk elettroniku jkun jista' jitwaqqaf malajr, għandu ikun ibbażat fuq kondizzjonijiet sempliċi bħal dawk issuġġeriti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. Netwerk sempliċi għandu wkoll jippermetti l-provvista ta’ servizzi ta’ valur miżjud lill-investituri. |
(6) |
Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess mill-investituri għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji elenkati, il-mekkaniżmi tal-ħażna għandhom ikunu mistiedna jintegraw, kull fejn possibbli, l-informazzjoni finanzjarja relatata żvelata mill-emittenti skond atti oħrajn Komunitarji jew nazzjonali. |
(7) |
Bil-għan li tkun possibbli tnedija effikaċi tan-netwerk elettroniku, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, fi ħdan is-CESR u b'assoċjazzjoni mill-qrib mal-mekkaniżmi tal-ħażna, għandhom jiġu mistiedna jippreparaw ftehim dwar il-governanza tan-netwerk li jkun fih il-kondizzjonijiet essenzjali għall-ħolqien, il-ħidma u l-iffinanzjar tan-netwerk elettroniku u notevolment il-ħatra ta’ korp li għandu jkun inkarigat bl-amministrazzjoni ta’ kuljum tan-netwerk. |
(8) |
Huwa importanti li l-mekkaniżmi tal-ħażna jibqgħu liberi li jiddeċiedu dwar il-politika tagħhom tal-prezzijiet sabiex jiżguraw il-vijabbiltà finanzjarja tagħhom. Fl-istess ħin, m'għandhomx jiddiskriminaw fil-politika tal-prezzijiet tagħhom bejn l-utenti tan-netwerk elettroniku u l-utenti li għandhom aċċess għall-mekkaniżmu tal-ħażna fuq livell nazzjonali. |
(9) |
Biex jaħdem sew in-netwerk elettroniku, u sabiex jiġi żgurat li jiġu offruti servizzi komparabbli lill-utenti ta’ dak in-netwerk fil-Komunità, huma meħtieġa standards minimi ta’ kwalità għall-ħażna ta’ informazzjoni regolata fuq livell nazzjonali. Huwa importanti li tiġi ggarantita sigurtà suffiċjenti mill-mekkaniżmi tal-ħażna fir-rigward tal-komunikazzjoni, il-ħażna u l-aċċess għad-data. Huwa ugwalment importanti li jiġu stabbiliti sistemi li jipprovdu ċertezza dwar l-għajn u l-kontenut maħżun fil-mekkaniżmi tal-ħażna. Sabiex ikunu ffaċilitati r-reġistrazzjoni elettronika awtomatika u l-ittimbrar bil-ħin u l-ipproċessar ulterjuri, il-mekkaniżmi tal-ħażna għandhom jikkunsidraw li jimponu l-użu ta’ formati u mudelli xierqa. Barra minn dan, sabiex ikun faċli l-aċċess għall-informazzjoni maħżuna mill-utenti aħħarin, għandhom jiġi ffaċilitati faċilitajiet xierqa tat-tiftix u appoġġ għas-servizz. Għall-għanijiet ta’ koerenza tas-sistema, l-istandards għandhom ikunu, sa fejn possibbli, identiċi għall-mekkaniżmi tal-ħażna li qed jipparteċipaw fin-netwerk u għall-korp maħtur biex jiġġestixxi l-pjattaforma tan-netwerk kuljum. |
(10) |
Tidher meħtieġa strateġija gradwali sabiex jiġi żgurat li n-netwerk elettroniku ta’ mekkaniżmi tal-ħażna jkunu jistgħu jilħqu l-aspettattivi ta’ l-emittenti u ta’ l-investituri fiż-żmien twil, notevolment il-possibbiltà ta’ one-stop-shop virtwali biex tiġi aċċessata l-informazzjoni virtwali li jiżvelaw il-kumpaniji elenkati. Għalhekk huwa xieraq li jkun previst eżami ta’ soluzzjonijiet possibbli biex fil-ġejjieni dan in-netwerk jitjieb. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza ma’ l-istabbiliment inizjali tan-netwerk, dan l-eżami għandu jsir mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fi ħdan is-CESR. Dan ix-xogħol għandu għall-inqas jinkludi eżami tal-possibbiltà li dan in-netwerk elettroniku jiġi kkollegat man-netwerk elettroniku li qed jiġi żviluppat mir-reġistri tal-kumpaniji nazzjonali koperti mill-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta’ Marzu ta’ l-1968 dwar il-kordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità (5). |
(11) |
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' timmoniterja s-sitwazzjoni mill-qrib u tivvaluta l-bżonn għal miżuri ulterjuri, inkluża l-possibbiltà li tadotta miżuri li jimplimentaw skond l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2004/109/KE, l-Istati Membri għandhom jiġu mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti, |
B'DAN TIRRAKKOMANDA:
KAPITOLU I
SUĠĠETT
1. |
L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżguraw li jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex issir interkonnessjoni effikaċi tal-mekkaniżmi maħtura uffiċjalment għall-ħażna ċentrali ta’ l-informazzjoni rregolata, kif jissemma fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/109/KE (minn hawn 'il quddiem “il-mekkaniżmi tal-ħażna”), f'netwerk elettroniku uniku fi ħdan il-Komunità, kif imsemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 22(1) ta’ dik id-Direttiva (minn hawn 'il quddiem “in-netwerk elettroniku”). |
KAPITOLU II
IN-NETWERK ELETTRONIKU
2. Il-ftehim dwar il-governanza tan-netwerk elettroniku
2.1. |
L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-istabbiliment u l-iżvilupp tan-netwerk elettroniku fl-istadji inizjali tagħha billi jordnaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/109/KE jippreparaw fi ħdan il-Kumitat ta’ Regolaturi tat-Titoli Ewropej (CESR) stabbilit bid-Deċiżjoni 2001/527/KE, ftehim dwar il-governanza tan-netwerk elettroniku (minn hawn 'il quddiem “il-ftehim dwar il-governanza”). Il-mekkaniżmi tal-ħażna għandhom ikunu assoċjati mill-qrib mal-preparazzjoni ta’ dak il-ftehim. L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-entità li għandha s-setgħa tikkonkludi dan il-ftehim. Meta jagħmlu dan, għandhom iqisu s-setgħat rispettivi tal-mekkaniżmi tal-ħażna, l-awtoritajiet kompetenti jew entità oħra xierqa. |
2.2. |
Il-ftehim dwar il-governanza għandu jindirizza għall-inqas dawn il-kwistjonijiet li ġejjin:
|
2.3. |
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-mekkaniżmi tal-ħażna jħarsu l-ftehim dwar il-governanza. |
3. Il-kondizzjonijiet fir-rigward ta’ l-interoperabilità teknika tan-netwerk elettroniku
In-netwerk elettroniku, stabbilit fl-ambitu tal-ftehim dwar il-governanza, għandu jkun fih għall-inqas dawn il-funzjonalitajiet li ġejjin:
(a) |
server ta’ l-applikazzjonijiet ċentrali u database ċentrali li jkun fihom lista ta’ l-emittenti kollha b'interface komuni u li jippermettu lil kull emittent jikkollega lill-utent aħħari mal-mekkaniżmu tal-ħażna li jkun fih informazzjoni rregolata dwar dak l-emittent; |
(b) |
punt ta’ aċċess uniku għall-utenti aħħarin, li jista' jinkiseb f'punt ċentrali jew f'kull mekkaniżmu tal-ħażna individwalment; |
(ċ) |
direttorju tal-lingwi ta’ interface li huwa disponibbli għall-utenti aħħarin fil-punt uniku ta’ l-aċċess bil-lingwi tal-komunikazzjoni aċċettati fuq livell nazzjonali mill-mekkaniżmi tal-ħażna li jipparteċipaw fin-netwerk elettroniku; |
(d) |
aċċess għad-dokumenti kollha disponibbli elettronikament fil-mekkaniżmi tal-ħażna li jipparteċipaw fin-netwerk elettroniku, inkluż, meta tkun disponibbli, informazzjoni żvelata minn emittenti skond id-Direttiva 2003/06/KE, id-Direttiva 2003/71/KE u atti Komunitarji oħrajn jew il-liġi nazzjonali; |
(e) |
il-possibbiltà ta’ l-użu ulterjuri tad-data aċċessibbli min-netwerk elettroniku, fejn possibbli. |
4. Il-prezzijiet ta’ l-aċċess għall-informazzjoni li tinsab fin-netwerk elettroniku
4.1. |
Il-mekkaniżmi tal-ħażna għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-politika dwar il-prezzijiet tagħhom stess. Madankollu, m'għandhomx jiddiskriminaw fil-politika dwar il-prezzijiet tagħhom bejn l-utenti aħħarin li jaċċessaw l-informazzjoni tagħhom direttament mill-punt nazzjonali ta’ l-aċċess rispettiv tagħhom u dawk li jaċċessaw direttament mill-punt uniku ta’ aċċess provdut min-netwerk elettroniku. |
4.2. |
Il-mekkaniżmi tal-ħażna għandhom jikkunsidraw li jagħtu l-aċċess mingħajr ħlas għall-investituri jew partijiet interessati fir-rigward ta’ l-informazzjoni rregolata, għall-inqas matul ċertu perjodu wara li l-emittent ikun ippreżentaha. |
4.3. |
Il-punti 4.1. u 4.2. ma jikkonċernawx il-provvista ta’ servizzi ta’ valur miżjud mill-mekkaniżmi tal-ħażna jew minn partijiet terzi bl-użu ta’ l-informazzjoni aċċessibbli min-netwerk elettroniku. |
KAPITOLU III
STANDARDS MINIMI TAL-KWALITÀ
Taqsima 1
Ġenerali
5. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mekkaniżmi tal-ħażna li jipparteċipaw fin-netwerk elettroniku jħarsu l-istandards ekwivalenti għall-mudelli ta’ l-istandards stabbiliti f'dan il-kapitolu. L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li l-korp imsemmi fil-punt 2.2(d) maħtur skond il-ftehim dwar il-governanza jħares l-istandards stabbiliti fit-Taqsimiet 2 u 3. |
6. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istess standards li jgħoddu għall-emittenti kif definiti fil-punt 1(d) ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/109/KE jgħoddu wkoll għal persuni li applikaw għall-ammissjoni għan-negozjar fuq suq irregolat mingħajr il-kunsens ta’ l-emittent, kif imsemmi fl-Artikolu 21(1) ta’ dik id-Direttiva. |
Taqsima 2
Sigurtà
7. Sigurtà fil-komunikazzjoni
7.1. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkollu mekkaniżmi tas-sigurtà tajbin iddiżinjati li jiżguraw is-sigurtà tal-mezzi tal-komunikazzjoni użati biex l-emittent jiġi kkollegat mal-mekkaniżmu, u biex tingħata ċ-ċertezza dwar l-għajn ta’ l-informazzjoni li qed tiġi ppreżentata. |
7.2. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkun, għal raġunijiet ta’ sigurtà, intitolat jillimita l-mezzi tal-komunikazzjoni li għandhom jintużaw iżda għandu jkun jista', għall-inqas, jirċievi preżentazzjonijiet elettroniċi permezz ta’ sistema aċċessibbli għall-emittent. Fi kwalunkwe każ, it-tipi ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni li għandhom jintużaw għandhom ikunu aċċessibbli b'mod faċli, jintużaw b'mod komuni u jkunu disponibbli fuq firxa wiesgħa bi prezz baxx. |
8. Integrità ta’ l-informazzjoni rregolata maħżuna
8.1. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jaħżen l-informazzjoni f'forma elettronika sikura u għandu jkollu mekkaniżmi tas-sigurtà xierqa ddiżinjati li jimminimizzaw ir-riskji tal-korruzzjoni tad-data u ta’ l-aċċess mhux awtorizzat. |
8.2. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jiżgura li l-informazzjoni rregolata li għandu kif jirċeviha mill-emittent hija sħiħa u li l-kontenut ta’ l-informazzjoni rregolata ma jistax jinbidel meta din tkun maħżuna. Fil-każ li l-mekkaniżmu tal-ħażna jaċċetta li l-informazzjoni tiġi ppreżentata bl-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni li mhumiex elettroniċi, il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jiżgura, meta jikkonverti d-dokumenti f'dokumenti elettroniċi, li l-kontenut ta’ l-informazzjoni huwa sħiħ u mhux editjat kif mibgħut oriġinalment mill-emittent ta’ l-informazzjoni. |
8.3. |
L-informazzjoni li ntbagħtet lill-mekkaniżmu tal-ħażna u li tiġi murija m'għandiex tinħareġ mill-mekkaniżmu tal-ħażna. Jekk hija meħtieġa żieda jew korrezzjoni, l-informazzjoni li tikkoreġi jew li żżid għandha tidentifika l-oġġett li timmodifika u għandha tkun identifikata bħala korrezzjoni jew żieda. |
9. Validazzjoni
9.1. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkun jista' jivvalida l-informazzjoni ppreżentata, li jfisser li l-mekkaniżmu għandu jippermetti spezzjoni awtomatika tad-dokumenti ppreżentati għall-aderenza teknika għall-istandards meħtieġa, il-kompletezza u l-preċiżjoni tal-formati tagħhom. |
9.2. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkollu sistemi biex jiskopru l-interruzzjonijiet tad-dħul elettroniku u jitlob it-trażmissjoni mill-ġdid ta’ kwalunkwe data li ma jirċevix minn min qed jibgħatha. |
10. Aċċess affidabbli għas-Servizzi
10.1. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkollu sistemi tas-sigurtà sabiex jiżgura li l-emittenti u l-utenti aħħarin jistgħu jaċċessaw is-sistema mingħajr tfixkil, 24 siegħa kuljum u 7 ijiem fil-ġimgħa. Kull mekkaniżmu tal-ħażna għandu jiddefinixxi r-rekwiżiti tiegħu stess, fuq bażi tal-karatteristiċi tas-sistemi tiegħu u l-kondizzjonijiet partikolari li jaħdem fihom. Il-kapaċità tas-sistemi, jiġifieri, il-kapaċità tas-servers u l-bandwidth disponibbli, għandha tkun biżżejjed biex tappoġġa t-talbiet mistennija mill-emittenti, fir-rigward tal-preżentata ta’ l-informazzjoni, u mill-utenti aħħarin, fir-rigward ta’ l-aċċess għall-informazzjoni maħżuna. |
10.2. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkun jista jipprevjeni l-aċċess għas-sistemi tiegħu għal perjodi qosra meta jkun meħtieġ sabiex issir il-manutenzjoni essenzjali jew sabiex jittejbu s-servizzi tiegħu. Fejn possibbli, dawn l-interruzzjonijiet għandhom jitħabbru minn qabel. |
11. Aċċettazzjoni tar-rinunzji u l-irkupru
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkollu proċess ta’ evalwazzjoni biex jeżamina u jaċċetta jew jiċħad ir-rinunzji għall-preżentati tard minħabba kwistjonijiet tekniċi tal-mekkaniżmu tal-ħażna u sottomissjonijiet mhux standardizzati. Il-mekkaniżmu għandu wkoll jipprovdi għodda ta’ rkupru li jippermettu lill-emittent juża mekkaniżmi oħrajn tal-preżentata minflok dak preskritt meta dan mhuwiex jaħdem tajjeb. Iżda, għandu jkun hemm obbligu li l-emittent jerġa’ jippreżenta l-informazzjoni permezz tal-mekkaniżmu ewlieni meta dan jiġi rrestawrat.
12. Sistemi ta’ duplikazzjoni (back-up)
12.1. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkun teknoloġikament indipendenti u jkollu faċilitajiet ta’ duplikazzjoni (back-up) suffiċjenti sabiex iżomm u jistabbilixxi mill-ġdid is-servizzi tiegħu fi żmien raġonevoli. |
12.2. |
In-natura ta’ dawn is-sistemi ta’ duplikazzjoni teħtieġ li tiġi evalwata minn kull mekkaniżmu tal-ħażna filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi li hemm. |
Taqsima 3
Ċertezza dwar l-għajn ta’ l-informazzjoni
13. Ċertezza dwar l-għajn ta’ l-informazzjoni u l-awtentiċità ta’ l-oriġini
13.1. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkollu sistemi tajbin iddiżinjati li jipprovdu ċ-ċertezza dwar l-għajn ta’ l-informazzjoni li qed tiġi ppreżentata. Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkollu ċ-ċertezza li l-informazzjoni li tirċievi hija minn għajn awtentika. Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jivverifika li kwalunkwe informazzjoni rregolata li tirċievi toriġina direttament mill-persuna jew l-entità li għandha l-obbligu li tippreżenta jew minn persuna jew entità awtorizzata f'isimha. |
13.2. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkun jista' jagħti rċevuta b'mod elettroniku tad-dokumenti. Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jikkonferma l-validazzjoni tal-preżentata jew jiċħad is-sottomissjoni b'motivazzjoni għaċ-ċaħda u għandu jkollu funzjoni ta’ “non-rifjut”. |
14. Awtentikazzjoni ta’ l-utent
Il-mezzi tas-sigurtà tal-mekkaniżmu tal-ħażna għandhom ikunu ddiżinjati li jistabbilixxu l-validità ta’ l-oriġinatur, jew mezz li jivverifika awtorizzazzjoni ta’ individwu li jibgħat informazzjoni speċifika. Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkun intitolat jimponi l-użu tal-firem diġitali, il-kodiċijiet ta’ l-aċċess jew kwalunkwe miżura oħra xierqa li tipprovdi biżżejjed ċertezza.
15. Ħtiega li tiġi żgurata l-integrità tal-kontenut ta’ l-informazzjoni rregolata
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jiżgura li ma hemm ebda riskju sinifikanti ta’ korruzzjoni jew bidla ta’ l-informazzjoni oriġinali, kemm inċidentalment kif ukoll malizzjużament, u jaċċerta kull alterazzjoni.
Taqsima 4
Reġistru kronoloġiku
16. Ir-reġistrazzjoni elettronika u t-timbru tad-data u l-ħin
16.1. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkun jista' jirreġistra awtomatikament il-preżentati elettroniċi u jżid timbru tad-data u l-ħin. |
16.2. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkun intitolat jimponi l-preżenza ta’ l-informazzjoni f'formati u mudelli predeterminati u li jippermettu l-użu ta’ teknoloġija ta’ l-ipproċessar awtomatiku (straight-through). Jekk jiġu imposti formati partikolari, il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu madankollu juża sistemi ta’ arkitettura miftuħa għall-preżentata ta’ l-informazzjoni u għandu, mill-inqas, jaċċetta:
Jekk jiġu imposti mudelli, il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jiżgura li huma aċċessibbli faċilment u, fejn huma disponibbli, għandhom ikunu allinjati ma’ dawk użati għall-preżentata ta’ l-istess informazzjoni rregolata ma’ l-awtorità kompetenti. |
16.3. |
L-informazzjoni għandu jkollha timbru bid-data u l-ħin malli tidħol fil-mekkaniżmu tal-ħażna, indipendentement minn jekk l-informazzjoni hijiex ivverifikata mill-awtorità kompetenti qabel (il-kontroll ex ante) jew hijiex se tiġi vverifikata wara (il-kontroll ex post) tidħol fil-mekkaniżmu tal-ħażna. |
Taqsima 5
Aċċess faċli mill-utenti aħħarin
17. Preżentazzjoni ta’ l-informazzjoni
Meta jippreżenta s-servizzi tiegħu lill-utenti aħħarin, il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jiddistingwi bejn l-informazzjoni finanzjarja rregolata ppreżentata skond obbligu ġuridiku u kwalunkwe servizz addizzjonali ta’ valur miżjud li joffri l-mekkaniżmu tal-ħażna.
18. Reġim lingwistiku
18.1. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jippreżenta u jiffaċilita l-aċċess għall-verżjonijiet lingwistiċi disponibbli ta’ l-informazzjoni kif sottomessa mill-emittent. Iżda, l-aċċess għall-verżonijiet lingwistiċi kollha ma jfissirx li l-informazzjoni għandha tiġi tradotta mill-mekkaniżmu tal-ħażna f'lingwi minbarra dawk sottomessi mill-emittent. |
18.2. |
Il-faċilitajiet tat-tiftix fil-mekkaniżmu tal-ħażna għandhom ikunu disponibbli fil-lingwa aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tagħhom u, għall-inqas, f'lingwa ta’ użu abitwali fl-isfera tal-finanza internazzjonali. |
19. Aċċessibilità teknika
19.1. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu juża sistemi ta’ arkitettura miftuħa għall-aċċess għall-informazzjoni maħżuna. Meta jiddiżinja s-sistemi, il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jiżgura li s-sistemi tiegħu jippermettu jew jistgħu jippermettu għall-interoperabilità teknika ma’ mekkaniżmi tal-ħażna oħrajn fl-istess Stati Membri jew Stati Membri oħrajn. |
19.2. |
L-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għall-utenti aħħarin mill-mekkaniżmu tal-ħażna malli jkun teknikament possibbli mill-preżentata tagħha, filwaqt li jitqiesu l-istrutturi u l-proċeduri ta’ l-operat tal-mekkaniżmu tal-ħażna. Il-mekkaniżmu tal-ħażna m'għandux idewwem il-proċess deliberatament. |
19.3. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jipprovdi lill-utenti aħħarin aċċess għall-informazzjoni rregolata kollha maħżuna, fuq bażi kontinwa, skond il-kondizzjonijiet deskritti fil-punt 10. |
19.4. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu joffri appoġġ għas-servizzi lill-utenti tiegħu. Il-livell ta’ appoġġ li jiddeċiedi li jipprovdi kull mekkaniżmu tal-ħażna jeħtieġ li jiġi deċiż fuq livell nazzjonali. |
20. Format ta’ l-informazzjoni li tista' tiġi aċċessata mill-utenti aħħarin
20.1. |
L-informazzjoni rregolata miżmuma mill-mekkaniżmu tal-ħażna għandha tinżamm f'format li jippermetti lill-utenti jaraw, iniżżlu u jistampaw, mingħajr problemi, il-kontenut sħiħ ta’ l-informazzjoni rregolata minn kull fejn jinsab l-utent. Iżda, l-aċċess għall-informazzjoni rregolata ma jfissirx li l-kopji stampati ta’ din l-informazzjoni għandhom ikunu magħmula disponibbli mill-mekkaniżmu tal-ħażna. |
20.2. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu joffri lill-utenti aħħarin il-possibbiltà li jfittxu, jordnaw u jinterrogaw l-informazzjoni rregolata li hija maħżuna. |
20.3. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jirreġistra biżżejjed informazzjoni ta’ riferenza dwar l-informazzjoni rregolata li jirċievi. Din l-informazzjoni ta’ riferenza għandha, għall-inqas, tinkludi dawn l-oġġetti:
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jorganizza u jikklassifika l-informazzjoni rregolata skond, għall-inqas, l-oġġetti elenkati fl-ewwel subparagrafu. Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jiġi permess li jeħtieġ lill-emittenti jipprovdu l-informazzjoni ta’ riferenza meħtieġa meta jippreżentaw l-informazzjoni rregolata. Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jallinja lil dawn il-kategoriji mal-mekkaniżmi tal-ħażna l-oħrajn, b'mod partikolari fir-rigward tat-tip ta’ informazzjoni rregolata, skond il-ftehim imsemmi fil-kapitolu II ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. |
20.4. |
Il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jkun awtorizzat li jeħtieġ lill-emittenti jużaw formati u mudelli predeterminati. Fi kwalunkwe każ, il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu, għall-inqas, jaċċetta:
Jekk jiġu imposti mudelli, il-mekkaniżmu tal-ħażna għandu jiżgura li huma aċċessibbli faċilment u għandhom ikunu allinjati ma’ dawk użati għall-preżentata ta’ l-istess informazzjoni rregolata ma’ l-awtorità kompetenti. |
KAPITOLU IV
LINJI GWIDA GĦALL-IŻVILUPP FUTUR TAN-NETWERK ELETTRONIKU
21. |
L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-awtoritajiet kompetenti jfasslu, sat-30 ta’ Settembru 2010, fi ħdan is-CESR, linji gwida xierqa għall-iżvilupp futur tan-netwerk elettroniku. |
22. |
Dawk il-linji gwida għandhom b'mod partikolari jeżaminaw il-fattibbiltà, inkluża analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji, li jinħtieġ:
Il-faċilitajiet armonizzati ta’ tiftix imsemmija fil-punt (a) ta’ l-ewwel subparagrafu għandhom għall-inqas jipprovdu l-possibbiltà li jsir:
Il-linji gwida għandhom ukoll jiżviluppaw listi komuni sabiex jiġu stabbiliti tabelli għas-subkategoriji fir-rigward ta’ l-industrija/fergħa tal-kummerċ u tip ta’ informazzjoni rregolata. |
KAPITOLU V
SEGWITU U DESTINATARJI
23. |
L-Istati Membri huma mistiedna jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-passi meħuda fid-dawl ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2008. |
24. |
Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. |
Magħmula fi Brussell, 11 ta’ Ottubru 2007.
Għall-Kummissjoni
Charlie McCREEVY
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.
(2) ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.
(3) ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.
(4) ĠU L 191, 13.7.2001, p. 43.
(5) ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/99/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 137).