This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32006D1904
Decision No 1904/2006/EC of the European Parliament and of the Council of 12 December 2006 establishing for the period 2007 to 2013 the programme Europe for Citizens to promote active European citizenship
Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Europe for Citizens għall-perjodu 2007-2013 li jippromwovi ċittadinza Ewropea attiva
Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Europe for Citizens għall-perjodu 2007-2013 li jippromwovi ċittadinza Ewropea attiva
ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32–40
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0390
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32006D1904R(01) | (DA, EL, FR, HU) | |||
Corrected by | 32006D1904R(02) | (CS, DE, ET, IT, SV) | |||
Corrected by | 32006D1904R(03) | (EL) | |||
Corrected by | 32006D1904R(04) | (DE) | |||
Modified by | 32008D1358 | Sostituzzjoni | artikolu 8.3 | 31/12/2008 | |
Modified by | 32008D1358 | abolizzjoni | artikolu 9.3 | 31/12/2008 | |
Repealed by | 32014R0390 |
27.12.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
32 |
DEĊIŻJONI NRU 1904/2006/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-12 ta' Diċembru 2006
li tistabbilixxi l-programm Europe for Citizens għall-perjodu 2007-2013 li jippromwovi ċittadinza Ewropea attiva
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 151 u 308 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),
Billi:
(1) |
It-Trattat jistabbilixxi ċittadinanza ta' l-Unjoni, li tikkomplimenta ċ-ċittadinanza nazzjonali ta' l-Istati Membri rispettivi. Hija element importanti fit-tisħiħ u s-salvagwardja tal-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea. |
(2) |
Il-Komunità għandha tagħmel liċ-ċittadini konxji bis-sħiħ taċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom, il-benefiċċji tagħha kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tagħha, li għandhom jiġu promossi b'kont dovut għas-sussidjarjetà u fl-interess tal-koeżjoni. |
(3) |
Huwa speċjalment urġenti li ċ-ċittadini Ewropej isiru konxji bis-sħiħ taċ-ċittadinanza tagħhom ta' l-Unjoni Ewropea fil-kuntest tar-riflessjoni wiesgħa dwar il-ġejjieni ta' l-Ewropa mniedi mill-Kunsill Ewropew ta' Brussell tas-16 u s-17 ta' Ġunju 2005. Il-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għandu għalhekk jikkomplimenta, mingħajr sovrapposizzjoni, inizjattivi oħra meħuda f'dan il-kuntest. |
(4) |
Biex iċ-ċittadini jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom lill-integrazzjoni Ewropea, għandu jkun hemm enfasi akbar fuq il-valuri, l-istorja u l-kultura komuni tagħhom bħala elementi prinċipali tas-sħubija tagħhom f'soċjetà mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-diversità kulturali, it-tolleranza u s-solidarjetà, b'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (4) pproklamata fis-7 ta' Diċembru 2000. |
(5) |
It-tħeġġiġ ta' ċittadinanza attiva huwa element ċentrali fit-tisħiħ mhux biss tal-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza iżda wkoll tal-koeżjoni u l-iżvilupp tad-demokrazija. |
(6) |
Fil-kuntest ta' l-istrateġija ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni ta' l-UE, għandhom jiġu żgurati d-disseminazzjoni wiesgħa u l-impatt għoli ta' l-attivitajiet appoġġati permezz tal-programm. |
(7) |
Biex l-Ewropa tinġieb eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha u sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu sehem b'mod sħiħ fil-bini ta' Ewropa dejjem eqreb, jeħtieġ li jiġu indirizzati ċ-ċittadini u r-residenti ġuridiċi kollha fil-pajjiżi parteċipanti u li jiġu involuti fi skambji u attivitajiet ta' kooperazzjoni transnazzjonali, b'kontribut għall-iżvilupp ta' sens ta' appartenenza għall-ideali Ewropej komuni. |
(8) |
Il-Parlament Ewropew, f'Riżoluzzjoni adottata fl-1988, qies li huwa mixtieq li jsir sforz kbir sabiex jiżdiedu l-kuntatti bejn iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri differenti u ddikjara li appoġġ speċifiku mill-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp ta' skemi ta' ġemellaġġ bejn muniċipalitajiet fi Stati Membri differenti kien kemm razzjonali kif ukoll mixtieq. |
(9) |
Il-Kunsill Ewropew għaraf f'diversi okkażjonijiet il-ħtieġa li jġib lill-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha eqreb lejn iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri. Hu ħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni sabiex iżommu u jrawmu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mas-soċjetà ċivili organizzata, u hekk jippromwovu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja pubblika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li jenfasizza l-valuri essenzjali li huma kondiviżi miċ-ċittadini ta' l-Ewropa. |
(10) |
Fid-Deċiżjoni tiegħu 2004/100/KE tas-26 ta’ Jannar 2004 il-Kunsill stabbilixxa programm ta' azzjoni tal-Komunità sabiex jinkoraġġixxi ċittadinanza attiva Ewropea (parteċipazzjoni ċivika) (5), programm ta' azzjoni li kkonferma l-ħtieġa li jitmexxa djalogu sostnut ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u muniċipalitajiet u sabiex jagħti appoġġ lill-involviment attiv taċ-ċittadini. |
(11) |
Proġetti taċ-ċittadini b'dimensjoni transnazzjonali u trans-settorjali huma għodda importanti sabiex jintlaħqu ċ-ċittadini u tiġi promossa l-kuxjenza Ewropea, l-integrazzjoni politika Ewropea, l-inklużjoni soċjali u l-fehim reċiproku. |
(12) |
Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali huma elementi importanti ta' parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fis-soċjetà u jgħinu sabiex jitrawwmu l-aspetti kollha tal-ħajja pubblika. Huma wkoll intermedjarji bejn l-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha. Il-kooperazzjoni transnazzjonali tagħhom għandha għalhekk tiġi promossa u mħeġġa. |
(13) |
L-organizzazzjonijiet ta' riċerka fil-politika pubblika Ewropea jistgħu jipprovdu ideat u riflessjonijiet li jippromwovu d-dibattitu fil-livell Ewropew. Huwa għalhekk ukoll kunsiljabbli li jiġu appoġġati, bħala rabta bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċittadini, attivitajiet li jirriflettu l-impenn tagħhom lejn il-ħolqien ta' identità u ċittadinanza Ewropea, billi jiġu stabbiliti proċeduri bi kriterji trasparenti sabiex jiġu promossi networks għal informazzjoni u skambju. |
(14) |
Jaqbel ukoll li tiġi segwita l-azzjoni mibdija mill-Unjoni Ewropea fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 792/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarju għall-promozzjoni ta' korpi attivi fil-livell Ewropew fil-qasam tal-kultura (6) għall-preservazzjoni u l-kommemorazzjoni tas-siti u l-arkivji prinċipali assoċjati mad-deportazzjonijiet. Għarfien tad-dimensjonijiet sħaħ u l-konsegwenzi traġiċi tat-tieni gwerra dinjija jista' b'hekk jinżammu u tiġi promossa tifkira universali, bħala mezz għas-superazzjoni ta' l-imgħoddi u l-bini tal-futur. |
(15) |
Id-Dikjarazzjoni dwar l-Isports adottata mill-Kunsill Ewropew ta'Nizza tas-7 sad-9 ta' Diċembru 2000 innotat li, “minkejja li ma għandha l-ebda setgħa diretta f'dan il-qasam, il-Komunità għandha, fl-azzjoni tagħha taħt id-diversi disposizzjonijiet tat-Trattati, tieħu kont tal-funzjonijiet soċjali, edukattivi u kulturali inerenti fl-isport.” |
(16) |
Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-integrazzjoni bbilanċjata taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri kollha fi proġetti u attivitajiet li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. |
(17) |
Il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi ta' l-EFTA li huma parti fil-Ftehim taż-ŻEE huma rikonoxxuti bħala parteċipanti potenzjali fil-programmi tal-Komunità, skond il-ftehim li kienu konklużi ma' dawk il-pajjiżi. |
(18) |
Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003 adotta l-“Aġenda għall-Balkani tal-Punent: il-mixja lejn integrazzjoni Ewropea”, li stiednet lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jieħdu sehem fi programmi u aġenziji Komunitarji; għalhekk, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom jiġu rikonoxxuti bħala parteċipanti potenzjali fi programmi Komunitarji. |
(19) |
Il-programm għandu jiġi monitorjat regolarment u evalwat b'mod indipendenti f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex ikunu possibbli l-aġġustamenti mill-ġdid li huma meħtieġa jekk il-miżuri se jiġu implimentati kif suppost. |
(20) |
Il-proċeduri għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm għandhom jagħmlu użu minn objettivi u indikaturi li huma speċifiċi, li jstgħu jitkejlu, li jistgħu jinkisbu, li huma relevanti u li jkunu f'waqthom. |
(21) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (7) (minn issa 'l quddiem “ir-Regolament Finanzjarju”) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-19 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (8), li jissalvagwardja l-interessi finanzjarji tal-Komunità, għandhom ikunu applikati billi wieħed iqis il-prinċipji tas-sempliċità u tal-konsistenza fl-għażla ta' l-istrumenti tal-baġit, limitu fuq in-numru ta' każijiet fejn il-Kummissjoni jibqa' jkollha responsabbiltà diretta għall-implimentazzjoni u t-tmexxija tagħhom, u l-proporzjonalità meħtieġa bejn l-ammont ta' riżorsi u l-piż amministrattiv relatat ma' l-użu tagħhom. |
(22) |
Għandhom jittieħdu wkoll miżuri xierqa sabiex ma jitħallewx isiru irregolaritajiet u frodi u biex jiġu rkuprati fondi mitlufa jew imħallsa jew użati ħażin. |
(23) |
B'segwitu tal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja soda, l-implimentazzjoni tal-programm tista' tiġi ssimplifikata b'rikors għal finanzjament f'somma waħda, fir-rigward jew ta' appoġġ mogħti lill-parteċipanti tal-programm inkella ta' appoġġ Komunitarju għall-istrutturi stabbiliti fil-livell nazzjonali għall-amministrazzjoni tal-programm. |
(24) |
Id-Deċiżjoni tistabbilixxi għat-tul kollu tal-programm, pakkett finanzjarju li se jkun il-punt primarju ta' referenza għall-awtorità tal-baġit fi ħdan it-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja soda tal-baġit (9), għall-awtorità tal-baġit matul il-proċedura annwali tal-baġit. |
(25) |
Ladarba l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba n-natura transnazzjonali u multilaterali ta' l-azzjonijiet u l-miżuri tal-programm, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif imsemmi f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
(26) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni (10). |
(27) |
Il-miżuri transizzjonali sabiex ikunu monitorjati azzjonijiet li nbdew qabel il-31 ta’ Diċembru 2006 għandhom jiġu adottati, skond id-Deċiżjoni 2004/100/KE, |
IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni tal-programm
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-programm”) għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.
2. Il-programm għandu jikkontribwixxi għall-objettivi ġenerali li ġejjin:
(a) |
li ċ-ċittadini jingħataw l-opportunità li jinteraġixxu u jieħdu sehem fil-bini ta' Ewropa dejjem eqreb, li hija demokratika u orjentata lejn id-dinja, magħquda fid-diversità kulturali tagħha u arrikkita minnha, u b'hekk tiġi żviluppata ċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni Ewropea; |
(b) |
li jiġi żviluppat sens ta' identità Ewropea, ibbażat fuq il-valuri, l-istorja u l-kultura komuni; |
(ċ) |
li jiġi mrawwem sens ta' propjetà fil-konfront ta' l-Unjoni Ewropea fost iċ-ċittadini tagħha; |
(d) |
li jiġu msaħħa t-tolleranza u l-fehim reċiproku bejn iċ-ċittadini Ewropej b'rispett għad-diversità kulturali u lingwistika u bil-promozzjoni tagħha, filwaqt li jkun hemm kontribut għal djalogu interkulturali. |
Artikolu 2
Objettivi speċifiċi tal-programm
Il-programm għandu jkollu l-objettivi speċifiċi li ġejjin b'konformità ma' l-għanijiet fundamentali tat-Trattat, li għandhom jiġu implimentati fuq bażi transnazzjonali:
(a) |
jinġiebu flimkien nies minn komunitajiet lokali minn madwar l-Ewropa sabiex jikkondividu u jiskambjaw esperjenzi, opinjonijiet u valuri, sabiex jitgħallmu mill-istorja u jibnu għall-ġejjieni; |
(b) |
jittrawmu azzjoni, dibattitu u riflessjoni relatati maċ-ċittadinanza Ewropea u d-demokrazija, valuri kondiviżi, storja u kultura komuni permezz ta' kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew; |
(ċ) |
l-Ewropa tinġieb eqreb taċ-ċittadini tagħha permezz tal-promozzjoni tal-valuri u l-kisbiet ta' l-Ewropa, filwaqt li tinżamm il-memorja ta' l-imgħoddi tagħha; |
(d) |
tiġi mħeġġa l-interazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-pajjiżi parteċipanti kollha, filwaqt li jkun hemm kontribut għad-djalogu interkulturali u tingħata prominenza kemm lid-diversità kif ukoll lill-għaqda ta' l-Ewropa, b'attenzjoni partikolari għall-attivitajiet immirati lejn l-iżvilupp ta' rabtiet eqreb bejn iċ-ċittadini mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea kif kostitwita fit-30 ta' April 2004 u dawk l-Istati Membri li aderew minn dak iż-żmien 'il hawn. |
Artikolu 3
Azzjonijiet
1. L-objettivi tal-programm għandhom jiġu segwiti permezz ta' appoġġ għall-azzjonijiet li ġejjin, li dettalji dwarhom jinsabu fil-Parti I ta' l-Anness:
(a) |
Ċittadini attivi għall-Ewropa, li tikkonsisti f'dan li ġej:
|
(b) |
Soċjetà ċivili attiva fl-Ewropa, li tikkonsisti f'dan li ġej:
|
(ċ) |
Flimkien għall-Ewropa, li tikkonsisti f'dan li ġej:
|
(d) |
Tifkira Ewropea Attiva, li tikkonsisti fi:
|
2. F'kull azzjoni, tista' tingħata prijorità lill-integrazzjoni bilanċjata taċ-ċittadini u ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri kollha, kif previst fl-objettiv speċifiku fl-Artikolu 2 d).
Artikolu 4
Forom ta' miżuri Komunitarji
1. Il-miżuri Komunitarji jistgħu jieħdu l-forma ta' għotjiet jew ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku.
2. Għotjiet Komunitarji jistgħu jiġu pprovduti permezz ta' forom speċifiċi bħal għotjiet operattivi, għotjiet ta' azzjoni, boroż ta' studju, premjijiet.
3. Il-kuntratti ta' appalti pubbliċi se jkopru x-xiri ta' servizzi, per eżempju għall-organizzazzjoni ta' avvenimenti, studji u riċerka, għodda ta' informazzjoni u ta' disseminazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni.
4. Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja Komunitarja, il-benefiċjarji għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li jidhru fil-Parti II ta' l-Anness.
Artikolu 5
Parteċipazzjoni fil-programm
Il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ġejjin, minn issa 'l quddiem imsejħa l-“pajjiżi parteċipanti”:
(a) |
l-Istati Membri; |
(b) |
il-pajjiżi ta' l-EFTA li huma parti għall-Ftehim taż-ŻEE, skond id-disposizzjonijiet ta' dak il-Ftehim. |
(ċ) |
il-pajjiżi kandidati li jkunu qed jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, skond il-prinċipji ġenerali u l-kriterji u l-kondizzjonijiet ġenerali mniżżlin fil-ftehim kwadri konklużi ma' dawn il-pajjiżi għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji; |
(d) |
il-pajjiżi tal-Balkani tal-punent, skond l-arranġamenti li jridu jiġu stabbiliti ma' dawn il-pajjiżi taħt il-ftehim kwadri dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji. |
Artikolu 6
Aċċess għall-programm
Il-programm għandu jkun miftuħ għall-partijiet interessati kollha li jippromwovu ċittadinanza attiva Ewropea, b'mod partikolari awtoritajiet u organizzazzjonijiet lokali, organizzazzjonijiet ta' riċerka fil-politika pubblika Ewropea (think-tanks), gruppi taċ-ċittadini u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra.
Artikolu 7
Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali
Il-programm jista' jkopri attivitajiet konġunti u innovattivi fil-qasam taċ-ċittadinanza Ewropea attiva, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħall-Kunsill ta' l-Ewropa u l-UNESCO, abbażi ta' kontributi konġunti u skond ir-Regolament Finanzjarju u r-regoli diversi ta' kull istituzzjoni jew organizzazzjoni.
Artikolu 8
Miżuri implimentattivi
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm skond id-disposizzjonijiet ta' l-Anness.
2. Il-miżuri li ġejjin għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2):
(a) |
l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-programm, inkluż il-pjan ta' ħidma annwali, il-kriterji ta' l-għażla u l-proċeduri ta' l-għażla; |
(b) |
il-bilanċ ġenerali bejn id-diversi azzjonijiet tal-programm; |
(ċ) |
il-proċeduri għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm. |
(d) |
l-appoġġ finanzjarju (ammont, tul ta' żmien, distribuzzjoni u benefiċjarji) ipprovdut mill-Komunità fir-rigward ta' l-għotjiet operattivi kollha, il-ftehim multi-annwali ta' ġemellaġġ taħt l-Azzjoni 1 u avvenimenti b'viżibilità għolja taħt l-Azzjoni 3. |
3. Il-miżuri l-oħra kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(3).
4. Bħala parti mill-proċedura msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista' tfassal linji gwida għal kull azzjoni fl-Anness sabiex jiġi adattat il-programm għal kwalunkwe bidla fil-prijorità fil-qasam taċ-ċittadinanza Ewropea attiva.
Artikolu 9
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, waqt li jittieħed kont tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.
3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, waqt li jittieħed kont tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
4. Il-kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.
Artikolu 10
Koerenza ma' strumenti oħra Komunitarji u ta' l-Unjoni Ewropea
1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-koerenza u l-komplimentarjetà bejn il-programm u strumenti f'oqsma oħra ta' azzjoni Komunitarja, b'mod speċjali l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, il-kultura, iż-żgħażagħ, l-isports, l-ambjent, is-settur awdjoviżiv u l-medja, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, razziżmu u ksenofobija, ir-riċerka xjentifika, is-soċjetà ta' l-informazzjoni u l-azzjoni esterna Komunitarja, b'mod partikolari fil-livell tal-politika Ewropea dwar il-Viċinat.
2. Il-programm jista' jaqsam riżorsi ma' strumenti oħra Komunitarji u ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jimplimenta azzjonjiet li jissodisfaw l-objettivi kemm tal-programm kif ukoll ta' dawn l-istrumenti l-oħra.
Artikolu 11
Il-pakkett baġitarju
1. Il-pakkett baġitarju għall-implimentazzjoni tal-programm għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 1 huwa b'dan stabbilit għal EUR 215 miljun.
2. L-appropjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-qafas finanzjarju.
Artikolu 12
Disposizzjonijiet finanzjarji
1. L-għajnuna finanzjarja għandha tieħu l-forma ta' għotjiet lil persuni ġuridiċi. Skond in-natura ta' l-azzjoni u l-objettiv imfittex, l-għotjiet jistgħu jingħataw ukoll lil persuni fiżiċi.
2. Il-Kummissjoni tista' tagħti premjijiet lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi għal azzjonijiet jew proġetti implimentati taħt il-programm.
3. B'konformità ma' l-Artikolu 181 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, u skond in-natura ta' l-azzjoni, jistgħu jiġu awtorizzati finanzjament b'rata waħda (fissa) u/jew l-applikazzjoni tar-rati ta' prezz għal kull unità.
4. Il-kofinanzjament in natura jista' jkun permess.
5. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, minħabba l-karatteristiċi tal-benefiċjarji u n-natura ta' l-azzjonijiet, li teżenta lill-benefiċjarji mill-verifika tal-kompetenzi u tal-kwalifiki professjonali meħtieġa biex il-programm ta' azzjoni jew ta' ħidma proposta jkunu kompletati.
6. L-ammont ta' informazzjoni li jrid jiġi pprovduta mill-benefiċjarju jista' jkun limitat fil-każ ta' għotjiet żgħar.
7. F'każijiet speċifiċi bħal fil-każ ta' għotja żgħira, il-benefiċjarju ma għandux għalfejn ikun meħtieġ li juri l-kapaċità finanzjarja tiegħu li jwettaq il-proġett ippjanat jew il-programm ta' ħidma.
8. Għotjiet operattivi mogħtija taħt il-programm lil korpi li jgħandhom għan ta' interess Ewropew ġenerali, kif definiti fl-Artikolu 162 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, ma għandhomx jiġu awtomatikament imnaqqsa, fil-każ ta' tiġdid.
Artikolu 13
Protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità
1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta l-azzjonijiet iffinanzjati skond din id-Deċiżjoni jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Komunità jkunu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' verifiki effettivi u bl-irkupru ta' ammonti mħallsin żejda u, jekk jiġu individwati irregolaritajiet, b'pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (11), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post magħmula mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej mill-frodi u irregolaritajiet oħra (12), u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet kondotti mill-Uffiċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (13).
2. Għall-azzjonijiet Komunitarji ffinanzjati taħt il-programm, il-kunċett ta' irregolarità msemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandu jfisser kwalunkwe ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja jew kwalunkwe ksur ta' obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew ommissjoni min-naħa ta' operatur ekonomiku, li għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni jew il-baġits amministrati mill-Komunitajiet, minħabba nefqa mhux iġġustifikata.
3. Il-Kummissjoni għandha tnaqqas, tissospendi jew tirkupra l-ammont ta' assistenza finanzjarja mogħtija għal azzjoni jekk issib irregolaritajiet, inkluż nuqqas ta' konformità mad-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jew id-deċiżjoni individwali jew il-kuntratt jew il-ftehim li jagħtu l-appoġġ finanzjarju in kwistjoni, jew jekk jirriżulta li, mingħajr ma tkun intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni tkun għaddiet minn tibdil li jikkonfliġġi man-natura jew mal-kondizzjonijiet ta' l-implimentazzjoni tal-proġett.
4. Jekk il-limiti ta' żmien ma jkunux ġew osservati jew jekk parti biss mill-għajnuna finanzjarja allokata tkun ġustifikata mill-progress li jsir bl-implimentazzjoni ta' azzjoni, il-Kummissjoni għandha titlob lill-benefiċjarju biex jippreżenta osservazzjonijiet fi żmien perijodu speċifikat. Jekk il-benefiċjarju ma jagħtix tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tikkanċella l-assistenza finanzjarja li jkun fadal u titlob il-ħlas lura tas-somom diġà mħallsin.
5. Kwalunkwe ħlas żejjed għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni. Ma' kwalunkwe somma li ma titħallasx lura fi żmien debitu għandhom jiġu miżjuda l-interessi taħt il-kondizzjonijiet imniżżla fir-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 14
Monitoraġġ u Evalwazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura monitoraġġ regolari tal-programm. Ir-riżultati tal-proċess ta' monitoraġġ u evalwazzjoni għandhom jiġu utilizzati fl-implimentazzjoni tal-programm. Il-monitoraġġ għandu jinkludi b'mod partikolari t-tfassil tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 3 il-punti (a) u (ċ).
L-objettivi speċifiċi jistgħu jiġu riveduti skond l-Artikolu 251 tat-Trattat.
2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-evalwazzjoni regolari, esterna u indipendenti tal-programm u għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew fuq bażi regolari.
3. Il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni:
(a) |
rapport ta' evalwazzjoni interim dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta' l-implimentazzjoni tal-programm sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2010; |
(b) |
komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-programm sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011; |
(ċ) |
rapport ta' evalwazzjoni ex-post sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015. |
Artikolu 15
Disposizzjoni transitorja
Azzjonijiet mibdija qabel il-31 ta’ Diċembru 2006 skond id-Deċiżjoni Nru 2004/100/KE għandhom ikomplu jiġu rregolati, sat-tkomplija tagħhom, minn dik id-Deċiżjoni.
Kif previst mill-Artikolu 18 tar-Regolament Finanzjarju, l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għal dħul assenjat li jirriżulta mill-ħlas lura ta' ammonti mħallsa indebitament skond id-Deċiżjoni 2004/100/KE jistgħu jitqiegħdu għad-disposizzjoni tal-Programm.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea
Hi għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007.
Magħmula fi Strasburgu, tat-12 ta' Diċembru 2006
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
Josep BORRELL FONTELLES
Għall-Kunsill
Il-President
Mauri PEKKARINEN
(2) ĠU C 115, 16.5.2006, p. 81.
(3) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-25 ta' Settembru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2006.
(4) ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.
(6) ĠU L 138, 30.4.2004, p. 40.
(7) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(8) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1248/2006 (ĠU L 227, 19.8.2006, p. 3).
(9) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(10) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
(11) ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.
(12) ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.
(13) ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.
ANNESS
I. DESKRIZZJONI TA' L-AZZJONIJIET
Informazzjoni komplimentari dwar l-aċċess għall-programm
Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif imsemmija fl-Artikolu 6 jinkludu, inter alia, trade unions, istituzzjonijiet edukattivi u organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-ħidma volontarja u sport amatorjali.
AZZJONI 1: Ċittadini attivi għall-Ewropa
Din l-azzjoni tifforma dik il-parti tal-programm diretta speċifikament lejn attivitajiet li jinvolvu liċ-ċittadini. Dawn l-attivitajiet jaqgħu taħt żewġ tipi ta' miżuri kif ġej:
Ġemellaġġ bejn l-ibliet
Din il-miżura hija mmirata lejn attivitajiet li jinvolvu jew iħeġġu skambji diretti bejn ċittadini Ewropej permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f'attivitajiet ta' ġemellaġġ bejn l-ibliet. Dawn jistgħu jkunu attivitajiet ta' darba jew attivitajiet pilota, jew jieħdu l-forma ta' ftehim strutturati, multi-annwali u li jinvolvi bosta sħab li jsegwu approċċ aktar programmat u li jinkludu sett ta' attivitajiet li jvarjaw minn laqgħat għaċ-ċittadini sa konferenzi jew seminars speċifiċi dwar suġġetti ta' interess komuni, flimkien ma' pubblikazzjonijiet relatati, organizzati fil-kuntest ta' attivitajiet ta' ġemellaġġ bejn l-ibliet. Din il-miżura se tikkontribwixxi b'mod attiv għat-tisħiħ tal-konoxxenza u l-fehim reċiproku bejn iċ-ċittadini u bejn il-kulturi.
Għas-snin 2007, 2008 u 2009, appoġġ strutturali jista' jiġi pprovdut direttament lill-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR), korp li jsegwi għan ta' interess Ewropew ġenerali, attiv fil-qasam tal-ġemellaġġ bejn l-ibliet.
Proġetti taċ-ċittadini u miżuri ta' appoġġ
Taħt din il-miżura se jkunu appoġġati varjetà ta' proġetti b'dimensjoni transnazzjonali u trans-settorali, li jinvolvu b'mod dirett liċ-ċittadini. Prijorità tingħata lil proġetti mmirati li jħeġġu l-parteċipazzjoni fil-livell lokali. Id-daqs u l-kamp ta' applikazzjoni ta' tali proġetti se jiddependu mill-iżviluppi fis-soċjetà u se jesploraw, permezz ta' approċċi innovattivi, ir-risponsi possibbli għall-ħtiġijiet identifikati. L-użu ta' teknoloġiji ġodda, b'mod partikolari teknoloġiji tas-soċjetà ta' l-informazzjoni (IST), se jiġi mħeġġeġ. Dawk il-proġetti se jiġbru ċittadini minn orizzonti differenti, li se jaġixxu flimkien jew jiddibattu dwar kwistjonijiet Ewropej komuni, b'hekk jiġi żviluppat ftehim reċiproku kif ukoll titqajjem kuxjenza dwar il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea.
Sabiex jittejbu l-ġemellaġġi bejn l-ibliet u l-proġetti taċ-ċittadini, jeħtieġ ukoll li jiġu żviluppati miżuri ta' appoġġ għall-iskambju ta' l-aħjar prattika, li jinġabru flimkien esperjenzi bejn dawk interessati fil-livelli lokali u reġjonali inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, u li jiġu żviluppati kompetenzi ġodda, per eżempju permezz tat-taħriġ.
Bħala indikazzjoni, ta' l-inqas 45 % tal-baġit totali allokat għal dan il-programm se jkun iddedikat għal din l-azzjoni.
AZZJONI 2: socjetà ċivili attiva fl-Ewropa
Appoġġ strutturali għall-organizzazzjonijiet ta' riċerka fil-politika pubblika Ewropea (think-tanks)
Korpi li jipprovdu ideat u riflessjonijiet ġodda dwar kwistjonijiet Ewropej huma interlokuturi istituzzjonali importanti li kapaċi jipprovdu rakkomandazzjonijiet indipendenti strateġiċi trans-settorjali lill-istituzzjonijiet ta' l-UE. Jistgħu jwettqu attivitajiet li jsostnu d-dibattitu notevolment dwar iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni Ewropea u dwar valuri u kulturi Ewropej. Din il-miżura hija mmirata lejn it-tisħiħ tal-kapaċità instituzzjonali ta' dawk l-organizzazzjonijiet, li huma rappreżentattivi, jipprovdu valur miżjud Ewropew reali, jistgħu joħolqu effetti multiplikaturi importanti u, finalment, huma kapaċi jikkooperaw ma' benefiċjarji oħra tal-programm. It-tisħiħ ta' networks trans-Ewropej huwa element importanti f'dan il-qasam. Jistgħu jingħataw għotjiet fuq il-bażi ta' programm ta' ħidma multi-annwali li jġib flimkien firxa ta' temi jew attivitajiet.
Għas-snin 2007, 2008 u 2009, jista' jiġi pprovdut appoġġ strutturali direttament għall-assoċjazzjoni “Groupement d'études et de recherches Notre Europe” u għall-“Institut für Europäische Politik”, bħala korpi li jsegwu għan ta' interess Ewropew ġenerali.
Appoġġ strutturali għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma parti importanti ta' l-attivitajiet ċiviċi, edukattivi, kulturali u politiċi għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà. Jeħtieġ li huma jeżistu u li jkunu jistgħu joperaw u jikkooperaw fil-livell Ewropew. Huma għandhom ukoll ikunu jistgħu jieħdu sehem fit-tfassil tal-politika permezz ta' konsultazzjoni. Din il-miżura se tipprovdihom bil-kapaċità u l-istabbiltà sabiex jaġixxu f'dimensjoni trans-settorjali u orizzontali bħala katalisti transnazzjonali għall-membri tagħhom u għas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew, u b'hekk jikkontribwixxu għall-objettivi tal-programm. It-tisħiħ ta' networks transewropej u ta' assoċjazzjonijiet Ewropej huwa element importanti f'dan il-qasam ta' ħidma. Jistgħu jingħataw għotjiet fuq il-bażi ta' programm ta' ħidma multi-annwali li jiġbor flimkien firxa ta' temi jew ta' attivitajiet.
Għas-snin 2007, 2008 u 2009, jista' jiġi pprovdut appoġġ strutturali direttament għal tliet korpi li jsegwu għan ta' interess Ewropew ġenerali: il-Pjattaforma ta' l-NGOs Soċjali Ewropej, il-Moviment Ewropew u l-Kunsill Ewropew dwar Refuġjati u Eżiljati.
Appoġġ għal proġetti mibdija minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili
Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew jinvolvu liċ-ċittadini jew jirrappreżentaw l-interessi tagħhom permezz ta' dibattitu, pubblikazzjonijiet, avokatura, u proġetti transnazzjonali konkreti oħra. L-introduzzjoni ta' dimensjoni Ewropea, jew it-tkomplija fuqha, fl-attivitajiet ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, se jagħmilha possibbli għalihom li jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom u jilħqu udjenzi akbar. Kooperazzjoni diretta bejn l-organizzazzjonjiet tas-soċjetà ċivili minn Stati Membri differenti se tikkontribwixxi għal ftehim reċiproku għall-kulturi u l-opinjonijiet differenti u għall-identifikazzjoni ta' interessi u valuri komuni. Waqt li dan jista' jkun fil-forma ta' proġetti uniċi, approċċ għall-perijodu fit-tul se jiżgura wkoll impatt aktar sostenibbli u l-iżvilupp ta' networks u ta' sinerġiji.
Bħala indikazzjoni, bejn wieħed u ieħor 31 % tal-baġit allokat għal dan il-programm se jmur għal din l-azzjoni.
AZZJONI 3: flimkien għall-Ewropa
Avvenimenti b'viżibilità għolja
Din il-miżura se tappoġġa avvenimenti organizzati mill-Kummissjoni, fejn xieraq b'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri jew imsieħba rilevanti oħra, li huma sostanzjali fid-daqs u fil-kamp ta' applikazzjoni, jolqtu lill-popli ta' l-Ewropa, jgħinu biex jiżdied is-sens ta' appartenenza tagħhom għall-istess komunità, jagħmluhom konxji ta' l-istorja, il-kisbiet u l-valuri ta' l-Unjoni Ewropea, jinvolvuhom fi djalogu interkulturali u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' l-identità Ewropea tagħhom.
Dawn l-avvenimenti jistgħu jinkludu l-kommemorazzjoni ta' avvenimenti storiċi, iċ-ċelebrazzjoni ta' kisbiet Ewropej, avvenimenti artistiċi, it-tqajjim ta' kuxjenza madwar kwistjonijiet speċifiċi, konferenzi mifruxa ma' l-Ewropa kollha u l-għoti ta' premjijiet sabiex jiġu enfasizzati suċċessi prinċipali. L-użu ta' teknoloġiji ġodda, b'mod partikolari IST, għandu jiġi mħeġġeġ.
Studji
Sabiex wieħed jifhem aħjar iċ-ċittadinanza attiva fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni se twettaq studji, sondaġġi u stħarriġ ta' l-opinjoni pubblika.
Għodda ta' informazzjoni u ta' disseminazzjoni
Minħabba l-attenzjoni ffokata fuq iċ-ċittadini u l-varjetà ta' inizjattivi fil-qasam taċ-ċittadinanza attiva, jeħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni komprensiva dwar l-attivitajiet varji tal-programm, dwar azzjonijiet Ewropej oħra relatati maċ-ċittadinanza u dwar inizjattivi rilevanti oħra permezz ta' portal ta' l-Internet u għodda oħra.
Għas-snin 2007, 2008 u 2009, jista' jiġi pprovdut appoġġ strutturali direttament għall-“Assoċjazzjoni Jean Monnet”, iċ-“Ċentru ewropew Robert Schuman” u l-“Maisons de l'Europe” federati fil-livell nazzjonali u Ewropew, bħala korpi li jsegwu għan ta' interess ġenerali Ewropew.
Bħala indikazzjoni, bejn wieħed u ieħor 10 % tal-baġit allokat għal dan il-programm se jmur għal din l-azzjoni.
AZZJONI 4: Tifkira Ewropea Attiva
Taħt din l-azzjoni jistgħu jiġu appoġġati proġetti tat-tipi li ġejjin:
— |
għall-preservazzjoni tas-siti u l-monumenti prinċipali assoċjati mad-deportazzjonijiet tal-massa, dawk li qabel kienu l-kampijiet ta' konċentrament u siti oħra ta' martirju u ta' sterminazzjoni fuq skala kbira tan-Nazziżmu, kif ukoll l-arkivji li jiddokumentaw dawn l-avvenimenti u biex tinżamm ħajja l-memorja tal-vittmi, kif ukoll il-memorja ta' dawk li, taħt kondizzjonijiet estremi, salvaw lin-nies mill-olokawst; |
— |
għall-kommemorazzjoni tal-vittmi ta' l-isterminazzjonijiet tal-massa u d-deportazzjonijiet tal-massa assoċjati ma' l-Istaliniżmu, kif ukoll il-preservazzjoni tal-monumenti u ta' l-arkivji li jiddokumentaw dawn l-avvenimenti. |
Bejn wieħed u ieħor 4 % tal-baġit totali allokat għall-programm se jkunu ddedikati għal din l-azzjoni.
II. ĠESTJONI TAL-PROGRAMM
L-implimentazzjoni tal-programm se tkun iggwidata mill-prinċipji ta' trasparenza flimkien ma' dawk ta' onestà, għal varjetà kbir ta' organizzazzjonijiet u proġetti. B'konsegwenza, il-proġetti u l-attivitajiet se jintgħażlu, bħala regola ġenerali, permezz ta' sejħiet miftuħa għal proposti. Derogi se jkunu possibbli biss f'ċirkostanzi speċifiċi ħafna u b'konformità sħiħa ma' l-Artikolu 168 (1)(ċ) u (d) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.
Il-programm se jiżviluppa l-prinċipju ta' sħubiji multi-annwali abbażi ta' objettivi miftiehma, li jibnu fuq l-analiżi tar-riżultati, sabiex jiġu żgurati benefiċċji reċiproċi kemm għas-soċjetà ċivili kif ukoll għall-Unjoni Ewropea. It-tul ta' żmien massimu ta' finanzjament allokat permezz ta' ftehim ta' għotja unika taħt il-programm għandu jkun limitat għal 3 snin.
Għal xi azzjonijiet, jista' jkun meħtieġ li tiġi adottata ġestjoni ċentralizzata indiretta minn aġenzija eżekuttiva jew, speċjalment għall-azzjoni 1, minn aġenziji nazzjonali.
L-azzjonijiet kollha se jkunu implimentati fuq bażi transnazzjonali. Huma ser iħeġġu l-mobbiltà taċ-ċittadini u l-ideat fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
L-elementi ta' networking u l-iffukar fuq l-effetti multiplikaturi, inkluż l-użu ta' teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), se jkunu importanti u se jkunu riflessi kemm fit-tipi ta' attivitajiet kif ukoll fil-firxa ta' organizzazzjonijiet involuti. Se jkun imħeġġeġ l-iżvilupp ta' interazzjonijiet u ta' sinerġija fost it-tipi varji ta' partijiet interessati involuti fil-programm.
Il-baġit tal-programm jista' jkopri wkoll in-nefqa assoċjata ma' l-attivitajiet ta' tħejjija, ta' segwitu, ta' monitoraġġ, ta' verifika u ta' evalwazzjoni direttament meħtieġa għall-ġestjoni tal-programm u għall-kisba ta' l-objettivi tiegħu, b'mod partikolari studji, laqgħat, attivitajiet ta' informazzjoni u ta' pubblikazzjoni, nefqa assoċjata man-netwerks ta' l-IT għall-iskambju ta' informazzjoni u kwalunkwe nefqa ta' appoġġ amministrattiv u tekniku oħra dwar liema l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi għall-ġestjoni tal-programm.
In-nefqa amministrattiva globali tal-programm għandha tkun proporzjonata mal-kompiti previsti fil-programm ikkonċernat u, bħala indikazzjoni, għandha tirrappreżenta madwar 10 % tal-baġit totali allokati lill-programm.
Il-Kummissjoni tista' twettaq attivitajiet ta' informazzjoni, ta' pubblikazzjoni u ta' disseminazzjoni skond ma jkun il-każ, u b'hekk tiżgura konoxxenza wiesgħa u impatt għoli ta' l-attivitajiet appoġġati mill-programm.
III. KONTROLLI U VERIFIKI
Għall-proġetti magħżulin bi qbil ma' din id-Deċiżjoni, ser tkun stabbilita verifika b'teħid ta' kampjuni.
Il-benefiċjarju ta' l-għotja għandu jqiegħed għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti kollha ta' appoġġ li għandhom x'jaqsmu man-nefqa għal perijodu ta' ħames snin mid-data tal-ħlas finali. Il-benefiċjarju ta' l-għotja għandu jiżgura li, fejn applikabbli, id-dokumenti ta' appoġġ fil-pussess ta' sħab jew membri jitqiegħdu għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni jista' jkollha verifika dwar l-użu magħmul mill-għotja mwettqa jew direttament mill-persunal tagħha jew minn kwalunkwe korp kwalifikat ieħor minn barra li tkun għażlitu hi. Tali verifiki jistgħu jitwettqu matul il-perijodu kollu tal-kuntratt kif ukoll matul perjodu ta' ħames snin li jibda mid-data ta' pagament tal-bilanċ. Fejn xieraq, is-sejbiet tal-verifika jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta' rkupru mill-Kummissjoni.
Il-persunal tal-Kummissjoni u l-persunal barrani awtorizzat mill-Kummissjoni għandu jkollhom l-aċċess xieraq għall-uffiċċji tal-benefiċjarju u għall-informazzjoni kollha, inkluża l-informazzjoni f'format elettroniku, meħtieġa għal dawn il-verifiki.
Il-Qorti ta' l-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) se jkollhom l-istess drittijiet, b'mod speċjali dawk ta' aċċess, bħall-Kummissjoni.