NAT/933
Lejn proposta leġiżlattiva għal tranżizzjoni ġusta u għodod ta’ politika tal-UE
li jippermettu Patt Ekoloġiku Ewropew aktar soċjali
OPINJONI
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
Lejn proposta leġiżlattiva għal tranżizzjoni ġusta u għodod ta’ politika tal-UE li jippermettu Patt Ekoloġiku Ewropew aktar soċjali
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Kuntatt
|
nat@eesc.europa.eu
|
Amministraturi
|
Judit CARRERAS GARCIA, Nicolas STENGER, Caroline VERHELST
|
Data tad-dokument
|
13/11/2024
|
Relatur: Dirk BERGRATH
Konsulenti
|
Christiny MILLER (għar-relatur)
Anna KWIATKIEWICZ (għall-Grupp I)
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja
|
15/2/2024
|
Bażi legali
|
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
|
Adozzjoni fis-sezzjoni
|
13/11/2024
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
58/0/2
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja
|
D/M/YYYY
|
Sessjoni plenarja Nru
|
…
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
…/…/…
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
Il-KESE:
1.1Jenfasizza l-importanza tat-tranżizzjoni ġusta fl-UE f’konformità mal-prijoritajiet strateġiċi u mal-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni Ewropea għall-2024-2029. It-tranżizzjoni ġusta se jkollha impatt partikolari fuq id-dinja tax-xogħol, li taffettwa s-setturi, ir-reġjuni, l-impjiegi u l-ħiliet (inklużi l-aspetti tal-ġeneru, l-aspett interġenerazzjonali, u l-gruppi vulnerabbli), il-protezzjoni soċjali, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-governanza, in-negozju u l-intrapriżi (b’mod partikolari l-SMEs), u l-finanzjament u l-investiment.
1.2Jenfasizza l-ħtieġa ta’ pakkett ta’ politika komprensiv għad-dinja tax-xogħol li jintegra l-għodod eżistenti fil-livell tal-UE u jagħti biżżejjed flessibbiltà lill-Istati Membri biex jadottaw soluzzjonijiet adegwati fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Dan jista’ jinkludi riformi u reviżjonijiet tal-leġiżlazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet eżistenti.
1.3Jappella għal pakkett ta’ politika dwar it-tranżizzjoni ġusta għad-dinja tax-xogħol permezz ta’ antiċipazzjoni u ġestjoni tal-bidla, bid-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv bħala prinċipji ewlenin.
Dan il-pakkett ta’ politika għandu jinkludi miżuri bħal li:
·isir immappjar tal-ħtiġijiet u l-istrateġiji tal-ħiliet;
·jiġu stabbiliti u implimentati programmi adegwati għall-iżvilupp tal-ħiliet;
·jiġi stabbilit aċċess sinifikanti u infurzabbli għal sigħat ta’ taħriġ li jkunu kkumpensati kompletament għall-ħaddiema kollha;
·jiġi żgurat li jiġu stabbiliti sistemi effettivi ta’ parteċipazzjoni u informazzjoni u konsultazzjoni effettivi għall-ħaddiema fil-livell tal-kumpanija f’konformità mar-regoli applikabbli;
·jiġu integrati inizjattivi ta’ tranżizzjoni ġusta fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u s-Semestru Ewropew;
·jinħolqu inizjattivi b’saħħithom għall-kumpaniji biex: tingħata prijorità lit-titjib tal-ħiliet tal-impjegati attwali sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet; jiġu żviluppati, ippubblikati u aġġornati b’mod regolari pjani ta’ tranżizzjoni tal-kumpaniji li jantiċipaw il-bidla u jiġu żviluppati strateġiji biex jimmaniġġjaw l-impatti possibbli; u tiġi mħeġġa żieda fil-kontribuzzjonijiet tal-imposti fuq l-apprendistati u t-taħriġ f’konformità mal-mudelli nazzjonali biex jiġi ffinanzjat parzjalment it-taħriġ tal-ħaddiema fil-livell reġjonali.
1.4Jirrakkomanda attivitajiet ta’ mmappjar granulari biex tiġi żgurata s-sensibilizzazzjoni dwar l-isfidi u l-opportunitajiet tat-tranżizzjoni fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali issa u fil-futur. Dawk li jfasslu l-politika f’livelli adegwati u l-kumpaniji jridu jibnu fuq dan l-għarfien biex jiżviluppaw pjani komprensivi ta’ tranżizzjoni u strateġiji għall-ħiliet f’kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali u ma’ partijiet ikkonċernati oħra u jimmonitorjaw il-progress. L-Osservatorju għal Tranżizzjoni Ġusta, stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea, jista’ jmexxi l-immappjar tal-politiki u tal-aħjar prattiki u jappoġġja lill-Istati Membri bid-data u l-monitoraġġ.
1.5Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament adegwat billi jsaħħu l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Soċjali għall-Klima, jallinjawhom ma’ fondi oħra tal-UE li jikkontribwixxu għal objettivi ta’ tranżizzjoni ġusta, u jsaħħu u jorbtu metodi oħra ta’ finanzjament, u jimmobilizzaw finanzjament privat għat-tranżizzjoni.
2.Introduzzjoni
2.1Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi l-impenn legalment vinkolanti tal-Unjoni Ewropea ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ 55 % sal-2030 u n-newtralità klimatika sal-2050. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew tiddikjara li t-tranżizzjoni trid tkun ġusta u inklużiva u trid tpoġġi lin-nies fl-ewwel post, b’attenzjoni speċjali fuq ir-reġjuni, l-industriji u l-ħaddiema li se jiffaċċjaw l-akbar sfidi. Li “naħdmu għal tranżizzjoni klimatika ġusta u ekwa, bl-għan li nibqgħu kompetittivi globalment u nżidu s-sovranità tal-enerġija tagħna” hija wkoll waħda mill-prijoritajiet tal-Kunsill Ewropew għall-2024-2029.
2.2Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mira klimatika tal-Ewropa għall-2040 tippreżenta tnaqqis nett ta’ 90 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Il-KESE jappoġġja l-mira rakkomandata ta’ 90 % sal-2040, peress li din tallinja max-xjenza dwar is-sehem ġust tal-Ewropa tal-mira ta’ 1,5 °C, iżda jenfasizza li azzjoni koordinata fis-setturi kollha hija kruċjali biex tintlaħaq il-mira tal-2040. Fl-istess waqt, jenfasizza li l-mira hija eżiġenti u tista’ tinkiseb biss jekk ikun hemm fis-seħħ politiki abilitanti sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industriji Ewropej kif ukoll tranżizzjoni ġusta, permezz tal-użu b’mod kosteffettiv tat-teknoloġiji kollha b’emissjonijiet żero u baxxi. Miżuri ridistributtivi se jkunu essenzjali biex jiġu indirizzati l-impatti soċjali ħalli ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.
2.3It-tranżizzjoni se ġġib magħha opportunitajiet u sfidi kbar ġodda għan-negozju u l-ħolqien tal-impjiegi, għall-ħaddiema fil-livelli kollha tal-ħiliet, iżda se tkun ta’ benefiċċju għal xi reġjuni aktar minn oħrajn. Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE u l-miżuri nazzjonali se jkomplu jaqdu rwol essenzjali fl-appoġġ tar-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni. Huwa stmat li 40 % tal-ħaddiema fl-UE se jiġu affettwati direttament mit-tranżizzjoni.
2.4Fl-istess ħin, hemm ir-riskju ta’ rigress fl-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku tal-UE b’rispons pubbliku u politiku dejjem akbar kontra l-politiki ekoloġiċi minħabba perċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġustizzja fit-tranżizzjoni kif inhi , u dan iżid l-obbligi għall-intrapriżi u jikkontribwixxi għan-nuqqas ta’ prerekwiżiti ewlenin għal argument aktar b’saħħtu għall-vijabbiltà ta’ negozju fl-Ewropa. Madankollu, l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika juri li l-maġġoranza tal-Ewropej jappoġġjaw tranżizzjoni ekoloġika ġusta.
2.5Huwa essenzjali li din it-tranżizzjoni tkun ġusta. Il-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol għal tranżizzjoni ġusta jiddikjaraw li tranżizzjoni ġusta għal kulħadd lejn ekonomija ambjentalment sostenibbli jeħtieġ li tkun ġestita tajjeb u tikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ xogħol deċenti għal kulħadd, inklużjoni soċjali, u qerda tal-faqar.
3.Limitazzjonijiet tal-istrumenti ta’ politika kurrenti tal-UE
3.1Il-KESE jilqa’ u jirrikonoxxi d-diversi strumenti ta’ politika eżistenti fil-livell Ewropew li jittrattaw it-tranżizzjoni ġusta direttament jew indirettament, iżda jinnota wkoll il-kontradizzjonijiet u d-distakki bejn xi politiki.
3.2Il-KESE jilqa’ r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika, iżda jinnota li din ir-rakkomandazzjoni mhux vinkolanti ma toffrix il-pjattaforma ta’ politika komprensiva li l-UE teħtieġ sabiex tindirizza l-impatti kollha. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri għandhom jiġu appoġġjati fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni f’konformità mal-kuntesti nazzjonali.
3.3Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Soċjali għall-Klima propost se jkunu ta’ valur għat-tisħiħ u l-ġestjoni ta’ tranżizzjoni ġusta fil-livell reġjonali u settorjali. Madankollu, huma limitati fid-daqs u l-kamp ta’ applikazzjoni, billi jindirizzaw biss parti żgħira mill-proċess ta’ tranżizzjoni. Ir-riżorsi finanzjarji tal-Fond Soċjali għall-Klima u tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta mhux se jkunu biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi li tfasslu għalihom.
3.4Biex jixxejjen id-distakk bejn l-istrumenti tat-tranżizzjoni ġusta tal-UE, il-qafas ta’ politika għal tranżizzjoni ġusta għandu jippermetti l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Pariġi, l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Istrateġija tal-Kompetittività fit-Tul. Il-Linji Gwida tal-ILO għal tranżizzjoni ġusta għandhom jipprovdu għażliet speċifiċi għall-formulazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-qafas ta’ politika għal tranżizzjoni ġusta.
4.Pakkett ta’ politika tal-UE dwar tranżizzjoni ġusta għad-dinja tax-xogħol u għodod ta’ akkumpanjament
4.1It-tranżizzjoni ġusta hija proċess kumpless li jaffettwa parti kbira mis-soċjetà, u għodda politika waħda biss mhijiex biżżejjed biex tindirizza din l-isfida. Għaldaqstant, il-KESE jitlob li jiġu vvalutati d-distakki fl-istrumenti ta’ politika eżistenti u, kull meta jkun meħtieġ, li dawn jiġu kkomplementati b’miżuri ġodda biex jinħoloq pakkett ta’ politika koordinat għad-dinja tax-xogħol. Dan il-pakkett għandu jintegra l-għodod eżistenti fil-livell tal-UE u jagħti biżżejjed flessibbiltà lill-Istati Membri biex jadottaw soluzzjonijiet adegwati fil-livelli nazzjonali jew reġjonali. Il-proposti ta’ hawn taħt jiddeskrivu l-elementi ta’ pakkett ta’ politika bħal dan.
4.2Dan l-approċċ ta’ politika għandu jinkludi l-elementi tad-dinja tax-xogħol fi tranżizzjoni ġusta, u jeħtieġ li titqies id-diviżjoni tal-kompetenzi kif definiti fit-Trattati u r-rwol tal-imsieħba soċjali, jiġifieri: is-setturi, ir-reġjuni, l-impjiegi u l-ħiliet (inklużi d-dimensjonijiet tal-ġeneru, interġenerazzjonali u vulnerabbli tal-grupp), il-protezzjoni soċjali, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-governanza, in-negozju u l-intrapriżi (b’enfasi speċifika fuq l-SMEs), u l-finanzjament u l-investiment.
Setturi
4.3Approċċ settorjali għat-titjib u l-monitoraġġ tal-kwalità tal-impjiegi huwa kruċjali. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jiddikjara li t-tranżizzjoni hija meħtieġa fis-setturi kollha, fi żminijiet differenti u fi gradi differenti. Madankollu, is-setturi b’livelli ogħla ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – bħas-setturi tal-enerġija bbażati fuq il-fjuwils fossili bħaż-żejt, il-faħam u l-gass; l-industrija; u t-trasport – se jiffaċċjaw tranżizzjoni aktar diffiċli. Fl-istess ħin, hija meħtieġa innovazzjoni biex jiġu esplorati għażliet ta’ enerġija dekarbonizzati, il-ħżin tal-enerġija, il-qbid tal-karbonju u teknoloġiji oħra li jistgħu jiffaċilitaw it-tranżizzjoni. Dawn il-bidliet se jħallu impatt fuq in-negozji li joperaw f’dawn is-setturi, fuq il-ħaddiema tagħhom, u fuq ir-reġjuni fejn huma bbażati, kif ukoll fuq il-kompettività u fuq id-disponibbiltà tal-ikel.
Proposti:
·Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tikkoordina mmappjar granulari biex tifhem liema setturi strateġiċi se jespandu, jittrasformaw jew inaqqsu u jiġu eliminati gradwalment. Dan l-immappjar għandu jiddeskrivi miżuri ta’ appoġġ adegwati bħall-finanzjament tal-UE, l-għajnuna mill-Istat, il-protezzjoni soċjali, l-appoġġ soċjali temporanju u l-inizjattivi ta’ taħriġ mill-ġdid biex jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor. L-immappjar għandu jinkludi analiżi tal-impatti li t-tranżizzjoni se jkollha fuq l-impjieg u l-ħiliet fil-pajjiżi, fir-reġjuni u fis-setturi differenti, inkluż fuq is-sottokuntratturi u l-ktajjen tal-valur downstream. F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-linji gwida politiċi 2024-2029, l-immappjar għandu jinvestiga wkoll l-effetti konsegwenzjali negattivi potenzjali tat-tranżizzjoni tal-Ewropa fuq partijiet oħra tad-dinja biex jiġu mmitigati permezz tal-pjani ta’ tranżizzjoni settorjali u territorjali.
·Għandhom jiġu żviluppati perkorsi ta’ tranżizzjoni u pjani ta’ tranżizzjoni minn impjieg għal ieħor f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u n-negozjar kollettiv.
·Ir-reċiproċità u l-impenji globali, fosthom il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali, għandhom jitqiesu meta jiġu kkunsidrati l-pjani settorjali.
Territorji
4.4Peress li xi setturi qed jiġu eliminati gradwalment, it-territorji li jibbażaw fuqhom se jintlaqtu ħafna, f’mumenti differenti u fi gradi differenti. It-territorji affettwati se jkollhom bżonn jirristrutturaw u jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom lejn attivitajiet ekonomiċi ġodda, iħejju l-forza tax-xogħol għal tibdil emerġenti u impjiegi futuri u jżommu l-koeżjoni soċjali. Il-ħaddiema tal-UE għandu jkollhom il-libertà li jibqgħu u li jaċċessaw impjiegi lokali ta’ kwalità għolja u produttivi, u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-benesseri tal-komunitajiet lokali tagħhom, speċjalment fil-kuntest taż-żoni rurali. Dan jirrikjedi l-ħolqien ta’ ambjent favorevoli li jappoġġja l-bidliet strutturali fl-intrapriżi eżistenti kif ukoll l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi għat-tranżizzjoni ekoloġika.
Proposti:
·Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-territorji jkollhom perkorsi ta’ tranżizzjoni bbażati fuq il-post, żviluppati f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali u mal-imsieħba soċjali fil-livell adatt, u pjani ta’ tranżizzjoni settorjali li jiżguraw għażliet alternattivi ta’ impjieg u taħriġ. L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw inizjattivi mmexxija mill-komunità u jiżguraw konsultazzjoni wiesgħa mar-residenti lokali u s-soċjetà ċivili.
Impjiegi u ħiliet
4.5Fit-tranżizzjoni, se jkun hemm tnaqqis sostanzjali fl-impjiegi f’ċerti setturi u trasformazzjoni tal-profili tal-impjiegi u tar-rekwiżiti tal-ħiliet f’oħrajn. Jista’ jkun hemm effett pożittiv kumplessiv fuq l-għadd ta’ impjiegi b’politiki li jilħqu l-mira tal-2030 ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. L-aktar proċess notevoli jkun is-sostituzzjonijiet tal-impjiegi u/jew ir-ridefinizzjoni tal-impjiegi. Dan il-proċess se jiddependi mill-kuntest nazzjonali kif ukoll mill-punt tat-tluq.
Proposti:
·Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jaħdmu lejn fehim komuni u jiżviluppaw linji gwida għal impjiegi ta’ kwalità, sigurtà tal-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol f’impjiegi ekoloġiċi. Huma għandhom ukoll jiffaċilitaw l-iskambji fost l-Istati Membri biex jippromovu prattiki tajbin u juru kif l-acquis soċjali tal-UE jiġi implimentat fil-livell nazzjonali. Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa, flimkien mal-imsieħba soċjali, Pjan Direzzjonali għal Impjiegi ta’ Kwalità kif propost fil-linji gwida politiċi għall-2024-2029, u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-proposti li saru f’din l-Opinjoni.
·L-użu ta’informazzjoni u prospettiva aġġornati dwar is-suq tax-xogħol u l-ħiliet fil-livelli reġjonali, settorjali u okkupazzjonali jippermetti l-identifikazzjoni u t-tbassir tal-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet speċifiċi għall-okkupazzjoni u trażversali, u li jiġu adattati l-kurrikuli kif meħtieġ skont il-ħtiġijiet fuq medda qasira u twila ta’ żmien.
·L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jippromovu strateġiji ta’ titjib u tiġdid tal-ħiliet biex iżidu l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-taħriġ għall-ħiliet u l-impjiegi l-ġodda tat-tranżizzjoni. Huma għandhom jaġġornaw ukoll il-kurrikuli u l-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u jrawmu sħubijiet aktar mill-qrib bejn l-atturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-SMEs, l-Intrapriżi Soċjali għall-Integrazzjoni fix-Xogħol (WISEs) u l-imsieħba soċjali skont il-mudell nazzjonali tal-governanza u l-prattika tal-VET. Fl-aħħar nett, għandhom jintroduċu jew isaħħu skemi ta’ appoġġ għall-apprendistati, traineeships imħallsa u skemi ta’ job shadowing b’komponent ta’ taħriġ b’saħħtu, b’mod partikolari f’intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, inklużi dawk li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali u f’setturi li jiffaċċjaw nuqqasijiet ta’ ħiliet. Dawn l-iskemi għandhom ikunu soġġetti għal monitoraġġ u evalwazzjoni nazzjonali jew reġjonali u għandhom jimmiraw li jissalvagwardaw il-kwalità tal-impjiegi.
·Jipprovdu inċentivi adegwati għall-SMEs biex jinvestu fit-titjib u fit-tiġdid tal-ħiliet u biex irawmu kultura ta’ apprendiment tul il-ħajja għall-imprendituri u għall-ħaddiema, inkluż permezz ta’ mikrokredenzjali.
·Jippromovu n-networking bejn l-SMEs għall-kondiviżjoni tal-għarfien.
·Jippromovu djalogu soċjali abbażi ta’ prattiki tajbin biex jipprovdu lill-persuni li huma impjegati jew dawk li qed ifittxu xogħol b’appoġġ għal korsijiet ta’ taħriġ iqsar jew itwal biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Dan jista’ jiġi kkunsidrat għall-Patt il-ġdid għad-Djalogu Soċjali Ewropew propost għall-bidu tal-2025,.
·It-tranżizzjoni ġusta għandha tiġi integrata fl-istrateġiji nazzjonali għall-ħiliet, bl-integrazzjoni ta’ proposti mill-“Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa” tal-Kummissjoni u “Strateġija Industrijali Ġdida Aġġornata”. Is-sħubijiet għall-ħiliet skont il-Patt għall-Ħiliet se jkunu wkoll lieva importanti.
·L-istrateġiji għall-ħiliet għandhom jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri li kienu jeżistu minn qabel u jiżguraw li l-politiki għat-tranżizzjoni ġusta jtejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’mod attiv,. Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lill-impatti fil-bidliet jew fit-telf ta’ impjiegi għall-gruppi soċjali f’riskju ta’ esklużjoni mis-suq tax-xogħol, bħall-persuni b’diżabilità, persuni akbar fl-età, il-migranti jew il-persuni qiegħda fit-tul.
·Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tqis il-punti ta’ hawn fuq għar-reviżjoni li jmiss tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Sistemi tal-assistenza u l-protezzjoni soċjali
4.6Kull Stat Membru għandu jiġi mħeġġeġ jeżamina mill-ġdid is-sistemi tal-assistenza u l-protezzjoni soċjali tiegħu biex jiżgura li jkunu adattati biex jappoġġjaw lit-tranżizzjoni ekoloġika u lill-persuni affettwati bl-aktar mod effiċjenti lejn impjiegi sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanzi. Il-protezzjoni soċjali tikkontribwixxi għall-adattament u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u tappoġġja wkoll it-tranżizzjoni ġusta billi tipproteġi l-introjtu, is-saħħa u l-impjiegi tan-nies, kif ukoll tista’ tibni appoġġ pubbliku għat-tranżizzjoni.
Proposti:
·Il-Kummissjoni Ewropea għandha tintegra inizjattivi ta’ tranżizzjoni ġusta fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u s-Semestru Ewropew. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiggarantixxu l-libertà tal-moviment fir-rigward tas-sigurtà soċjali meta l-impjegati jittrasferixxu ruħhom fi Stat Membru differenti f’konformità mar-Regolament 883/2004.
·L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jeżaminaw mill-ġdid u jadattaw, jekk meħtieġ, is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom biex jilqgħu għall-isfidi soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-lum u jiżguraw li l-kostijiet u l-benefiċċji tat-tranżizzjoni ekoloġika jiġu kondiviżi b’mod ekwu u jiggarantixxu servizzi ta’ interess ġenerali ta’ kwalità għolja, affordabbli u aċċessibbli. Sistemi bħal dawn jistgħu jinkludu, fost affarijiet oħra, politiki attivi tas-suq tax-xogħol, benefiċċji tal-qgħad, appoġġ adegwat għal dawk li jinsabu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar, pagi minimi, eco-vouchers, appoġġ dirett għall-introjtu, skont il-kuntest nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jaħdmu mal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, mal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u ma’ fornituri oħra ta’ servizzi soċjali biex jidentifikaw unitajiet domestiċi u individwi vulnerabbli u jappoġġjawhom permezz ta’ miżuri temporanji.
·Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jistgħu jiġu adattati biex jipprovdu sigurtà tal-introjtu, b’mod partikolari matul tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor, servizzi tas-saħħa u tal-kura permezz ta’ infrastruttura soċjali adegwata, b’mod partikolari fit-territorji l-aktar affettwati u għall-gruppi soċjali l-aktar vulnerabbli sabiex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali u jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa u dawk relatati mal-klima.
·L-Istati Membri għandhom jużaw inċentivi mmirati u mfassla tajjeb għar-reklutaġġ u t-tranżizzjoni biex jakkumpanjaw il-mobilità tas-suq tax-xogħol fis-setturi, fir-reġjuni u fil-pajjiżi kollha.
Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri
4.7Il-kooperazzjoni hija essenzjali biex tappoġġja l-koeżjoni u l-kompetittività aktar milli ġirja lejn l-aktar livell baxx fl-UE. Ħafna mill-politiki meħtieġa għal Patt Ekoloġiku ġust huma stabbiliti fil-livell nazzjonali u se jirrikjedu sforzi kkoordinati mill-Istati Membri.
Proposti:
·Peress li t-telf u ż-żieda tal-impjiegi mhux se jinfirxu b’mod ugwali fl-UE kollha u, peress li territorji differenti għandhom kapaċitajiet differenti f’diversi teknoloġiji u ħiliet, il-politika industrijali u l-politika ta’ koeżjoni għandhom jiġu allinjati biex jagħtu spinta lill-pożizzjoni tal-UE bħala attur ekonomiku globali għal tranżizzjoni ġusta fl-UE kollha.
·L-UE għandha tadotta strateġija industrijali f’konformità ma’ objettivi ta’ tranżizzjoni ġusta li tiżgura kundizzjonijiet ekwi. Biex tagħmel dan, hija tista’ tidentifika l-industriji strateġiċi u l-ktajjen tal-valur u l-potenzjal ekonomiku ta’ kull reġjun u tikkoordina l-kontributi tagħhom għal ktajjen tal-valur fl-UE kollha,. Il-mudell tal-IPCEI jista’ jservi bħala pjan ta’ azzjoni.
·Il-politika ta’ koeżjoni trid tkompli tkun xprun importanti ta’ tranżizzjoni ġusta f’reġjuni li jibbażaw ħafna fuq l-infrastruttura bbażata fuq il-fjuwils fossili. Fond iddedikat fil-livell tal-UE, bħall-Fond Ewropew għall-Kompetittività propost, jista’ jipprovdi għotjiet u self għall-iżvilupp ta’ proġetti industrijali strateġiċi f’reġjuni li ma għandhomx il-kapaċità fiskali għal dan l-investiment. Għajnuna finanzjarja pubblika bħall-għotjiet, is-self u l-akkwist pubbliku għandha tikkonforma mal-kondizzjonalitajiet soċjali u ambjentali biex jiġi żgurat li l-finanzjament pubbliku jkun jiddependi mill-progress.
·Irid ikun hemm appoġġ speċifiku għall-Istati Membri li ma jużawx biżżejjed l-istrumenti strateġiċi ta’ finanzjament tal-UE fl-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp u għall-iskalar tal-industriji, speċjalment f’pajjiżi b’restrizzjonijiet fiskali.
·Fil-livell nazzjonali, il-pjani nazzjonali kkoordinati fost is-setturi u s-swieq tax-xogħol differenti jridu jimmiraw li jissalvagwardaw l-impjiegi ta’ kwalità għat-tranżizzjoni, u jipprovdu mekkaniżmi adegwati għall-imsieħba soċjali nazzjonali biex jikkontribwixxu għall-proċess.
Governanza
4.8Id-dimensjoni tal-governanza tat-tranżizzjoni ġusta ma tistax tiġi sottovalutata. Strument ta’ politika jew ġabra ta’ strumenti mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw il-kumplessità tat-tranżizzjoni ġusta. Il-kompromessi bejn l-istrumenti ta’ politika għandhom jiġu evitati jew imnaqqsa billi jiġu identifikati kmieni.
Proposti:
·Approċċ ta’ politika olistiku, koordinat u integrat huwa fil-qalba tal-qafas ta’ politika għal tranżizzjoni ġusta. Id-djalogu soċjali u ċiviku li jirrappreżentaw lis-soċjetà u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-pedament għat-twettiq tagħha.
·Il-bini ta’ għodod analitiċi u ta’ monitoraġġ biex jgħinu fit-tfassil ta’ pakketti ta’ politika komprensivi u biex isegwu l-effiċjenza tal-programmi ta’ tranżizzjoni minn impjieg għal ieħor (miżuri ta’ tiġdid u titjib tal-ħiliet, benefiċċji ta’ tranżizzjoni, eċċ.).
·L-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali fit-tul tal-politiki jeħtieġ li jiġu kkunsidrati sistematikament fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politika, speċjalment fl-evalwazzjonijiet ex ante. Dawk li jfasslu l-politika għandhom jippreżentaw b’mod regolari l-eżiti tal-evalwazzjonijiet u tal-eżerċizzji ta’ previżjoni u ta’ monitoraġġ lill-pubbliku, u jorganizzaw skambji mal-imsieħba soċjali, mas-soċjetà ċivili u ma’ partijiet ikkonċernati oħra dwar l-eżiti ewlenin u l-aġġustamenti possibbli.
·Dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha għandhom jipprevedu l-involviment sħiħ u sinifikattiv tal-ħaddiema fil-livelli kollha u tar-rappreżentanti tagħhom kif ukoll tal-kumpaniji fis-setturi kollha u ta’ kull daqs fir-rigward tal-antiċipazzjoni tal-bidla u l-ġestjoni tal-proċessi ta’ ristrutturar, inklużi dawk marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika fl-istadji kollha tat-tfassil tal-politika u tal-implimentazzjoni.
·Il-parteċipazzjoni fit-tfassil tal-politika għandha tagħti s-setgħa u tippermetti lill-individwi, lis-soċjetà ċivili, lill-imsieħba soċjali u lill-partijiet ikkonċernati jikkontribwixxu għat-tfassil u għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet rilevanti f’livelli adegwati. Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex tintalab l-opinjoni tar-rappreżentanti ta’ gruppi vulnerabbli/sottorappreżentati.
·L-approċċi ta’ politika jridu jikkoordinaw it-tfassil tal-politika fil-livelli kollha u fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha, inklużi r-riċerka u l-innovazzjoni. Fuq livell vertikali, dan ifisser li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġu mħeġġa li jkollhom rwol attiv fl-ippjanar u l-iżvilupp, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ ta’ politiki ta’ tranżizzjoni ġusta. Fuq livell orizzontali, dawk li jfasslu l-politika jeħtiġilhom jikkollaboraw f’oqsma ta’ suġġetti ta’ politika biex jidentifikaw distakki, trikkib, kompromessi u sinerġiji bejn l-għażliet ta’ politika. L-identifikazzjoni ta’ dawn l-elementi hija appoġġjata permezz tal-iżvilupp u l-integrazzjoni tal-użu ta’ valutazzjonijiet tal-impatt (ex ante) tal-impjiegi, soċjali u distributtivi robusti u trasparenti.
Proposti speċifikament fil-livell tal-UE:
·Filwaqt li jiġi rikonoxxut li dan l-aħħar ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Enerġija u l-Liġi Ewropea dwar il-Klima ġew adottati u aġġornati, reviżjonijiet futuri, kif indikat fl-ittra ta’ missjoni lill-Kummissarju nnominat għall-Enerġija u għall-Akkomodazzjoni, jistgħu jesploraw l-inkorporazzjoni ta’ objettivi ta’ tranżizzjoni ġusta fi strutturi ta’ governanza f’diversi livelli. Dan jinkludi l-iżgurar tal-allinjament tal-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) mad-djalogu soċjali u ċiviku dwar il-prijoritajiet ta’ tranżizzjoni ġusta, kif ukoll it-tisħiħ tal-integrazzjoni tagħhom ma’ oqsma oħra ta’ politika, bħall-Politika Agrikola Komuni.
·L-Osservatorju għal Tranżizzjoni Ġusta tal-UE għandu jimmonitorja l-proċess ta’ tranżizzjoni ġusta tal-UE, inklużi l-politiki u l-istrateġiji nazzjonali bbażati fuq linji gwida fil-livell tal-UE, eż. fis-Semestru Ewropew u fil-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili inklużi fl-iżvilupp ta’ sett ta’ indikaturi għall-monitoraġġ. L-Osservatorju għandu jikkontribwixxi wkoll informazzjoni u prospettiva aġġornati dwar is-suq tax-xogħol u l-ħiliet, li jidentifikaw u jipprevedu l-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet speċifiċi għall-professjoni u trażversali. Dan għandu jsir bi skambji regolari ma’ dawk li jfasslu l-politika fil-livelli nazzjonali u reġjonali.
·Sabiex tkun tista’ ssir koordinazzjoni orizzontali, il-KESE jipproponi l-użu ta’ Laboratorji tal-Politiki tal-UE mmexxija miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni biex jgħaqqad grupp varjat ta’ Direttorati Ġenerali fi stadju bikri fil-proċess tat-tfassil tal-politika biex jiġu indirizzati l-problemi ta’ politika b’perspettiva transdipartimentali.
·Sabiex il-parteċipazzjoni pubblika tiġi integrata b’mod aktar b’saħħtu u sinifikanti fil-proċess ta’ politika, il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita tabella ta’ valutazzjoni li turi liema proposti miċ-ċittadini ġew adottati u, meta ma jiġux adottati, ir-raġunijiet għaliex.
Proposti speċifikament fil-livell nazzjonali:
·Sabiex jitwettqu l-ħtiġijiet tat-tranżizzjoni ġusta deskritta fit-taqsimiet l-oħra, l-Istati Membri għandhom isaħħu l-kapaċitajiet operazzjonali tas-servizzi pubbliċi rilevanti biex jipprovdu gwida u appoġġ effettivi għall-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ tranżizzjoni ġusta.
·Il-leġiżlazzjoni eżistenti li tipprevedi d-drittijiet ta’ informazzjoni u konsultazzjoni jeħtieġ li tiġi implimentata b’mod effettiv fil-livell nazzjonali.
Negozji u intrapriżi
4.9In-negozji u l-intrapriżi (b’enfasi speċifika fuq l-SMEs) bħala xpruni tat-tranżizzjoni.
Proposti:
·Sabiex tiġi promossa l-intraprenditorija, b’mod partikolari fir-reġjuni li qed jiffaċċjaw sfidi ta’ tranżizzjoni u fis-setturi li jippromovu objettivi klimatiċi u ambjentali, waqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-intraprenditorija tan-nisa, l-appoġġ għandu jikkombina miżuri finanzjarji, inklużi għotjiet, self jew ekwità, ma’ miżuri mhux finanzjarji, inklużi servizzi ta’ taħriġ u konsulenza, imfassla għal kull fażi taċ-ċiklu tal-ħajja tan-negozju; l-appoġġ għandu jkun inklużiv u aċċessibbli għal gruppi sottorappreżentati u żvantaġġati. Huma essenzjali kundizzjonijiet adegwati għall-investiment u l-istabbiliment tan-negozji għal appoġġ effettiv għall-intraprenditorija.
·L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi u s-swieq għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, b’mod partikolari dawk li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali b’attenzjoni speċjali għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, biex jistimulaw il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għal kulħadd. Għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq it-territorji l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni u s-setturi li jappoġġjaw l-objettivi tat-tranżizzjoni.
·Il-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi li jirrappreżentaw lill-SMEs biex: 1) ikollhom ir-rwol ta’ konsulent dwar kif il-mudelli tan-negozju jsiru aktar ekoloġiċi u aktar sostenibbli; 2) ikollhom ir-rwol ta’ msieħeb soċjali fil-konfront ta’ dawk li jfasslu l-politika u fid-djalogu soċjali.
·Jistgħu jiġu mħeġġa mudelli ta’ negozju diversifikati, inklużi sistemi ċirkolari u kooperattivi bħall-isteward ownership, biex tissaħħaħ id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol.
·Il-promozzjoni tal-integrazzjoni tas-settur privat ta’ strateġiji ta’ tranżizzjoni ġusta fl-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni tagħhom bl-involviment f’waqtu u effettiv tat-trade unions. Bl-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji, il-kumpaniji jistgħu jantiċipaw l-effetti tat-tranżizzjoni ekoloġika fuq l-operazzjonijiet u l-forza tax-xogħol tagħhom u jidentifikaw opportunitajiet ġodda.
Finanzjament u investiment
4.10Il-KESE jinsab konvint li investiment adegwat huwa fundamentali għat-twettiq tal-Qafas ta’ Politika għal Tranżizzjoni Ġusta. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ allokazzjoni aħjar u użu effiċjenti tal-fondi disponibbli.
Proposti:
·Jenħtieġ pjan ta’ investiment Ewropew għal tranżizzjoni ekoloġika fuq skala kbira bil-ħtiġijiet ta’ investiment stmati fl-istrateġiji tal-Kummissjoni. Il-ħtiġijiet enormi ta’ investiment jirrikjedu wkoll enfasi aktar b’saħħitha fuq l-investimenti pubbliċi biex titħaffef it-tranżizzjoni. F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota b’interess il-Fond Ewropew għall-Kompetittività propost, imħabbar mill-Kummissjoni Ewropea.
·L-investiment jeħtieġ li jkun immirat lejn it-territorji u l-individwi u l-gruppi soċjali vulnerabbli li se jkunu l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni. Jeħtieġ li dawn l-investimenti jkunu produttivi u sostenibbli.
·Jistgħu jiġu kkunsidrati kondizzjonalitajiet biex jiġi żgurat li l-fondi jitqassmu sew. Dan jista’ japplika l-użu ex ante tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, il-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni”, u l-ħolqien u l-użu ta’ prinċipju “la tagħmilx ħsara soċjali”, segwit minn dimostrazzjoni ex post tal-kundizzjonijiet issodisfati għall-aċċess tal-fondi li jifdal. Id-diskussjoni dwar il-ħtieġa li jinħoloq prinċipju “la tagħmilx ħsara soċjali” tista’ ssir bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti.
·Il-fondi fil-livell tal-UE għandhom jiġu kkoordinati permezz ta’ qafas strateġiku li jgħaqqad l-għanijiet tagħhom u jissemplifika l-fehim tal-Istati Membri dwar l-għażliet. Barra minn hekk, f’konformità mal-linji gwida politiċi biex jiżdied il-finanzjament għal tranżizzjoni ġusta, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond għall-Klima Soċjali jistgħu jiġu estiżi, l-Istati Membri għandhom irawmu prattiki ta’ akkwist pubbliku soċjalment responsabbli, inkluż permezz ta’ kriterji għall-aġġudikazzjoni soċjali li joħolqu opportunitajiet għan-nies l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika, waqt li jippromovu wkoll kriterji ekoloġiċi ta’ għotja.
·L-Istati Membri se jkollhom bżonn ukoll ta’ kamp ta’ applikazzjoni baġitarju biex jinvestu fit-tranżizzjoni u jimplimentawha. Fir-rigward tal-qafas ta’ governanza ekonomika riformat reċentement, il-Kumitat jenfasizza li jistgħu jkunu meħtieġa aktar inizjattivi biex jiġi żgurat li jiġi mobilizzat biżżejjed kapital privat u pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-koeżjoni soċjali.
·L-Istati Membri għandhom jivvalutaw u jadattaw is-sistemi ta’ tassazzjoni fid-dawl tal-isfidi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni, b’mod partikolari billi jneħħu l-piż tat-taxxa minn fuq il-ħaddiema u jnaqqsu l-porzjon ta’ taxxa għall-gruppi b’introjtu baxx u medju lejn sorsi oħra li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali.
Pakkett ta’ politika ta’ tranżizzjoni ġusta għad-dinja tax-xogħol
4.11Il-KESE jappella għal pakkett ta’ politika Ewropea dwar it-tranżizzjoni ġusta fid-dinja tax-xogħol permezz ta’ antiċipazzjoni u ġestjoni tal-bidla, bid-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv bħala prinċipji ewlenin. Dan il-pakkett għandu jinkorpora l-proposti rilevanti diretti lejn l-Istati Membri u għandu jinkludi b’mod speċifiku:
·Immappjar tal-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet u l-istrateġiji għall-ħiliet flimkien ma’ valutazzjonijiet tal-impatt soċjoekonomiċi stretti fil-livell nazzjonali, settorjali, reġjonali, lokali b’esperti tal-ħiliet b’biżżejjed riżorsi, b’faċilitajiet ta’ monitoraġġ u appoġġ reġjonali biex jappoġġjaw lill-kumpaniji, b’mod partikolari lill-SMEs, u lill-ħaddiema biex jilħqu dawn l-għanijiet. Dan l-immappjar għandu jitwettaq mill-imsieħba soċjali u mill-gvernijiet fil-livelli rispettivi.
·L-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ programmi għall-iżvilupp tal-ħiliet adegwati f’kull wieħed mil-livelli ta’ hawn fuq li jippermettu lill-ħaddiema, liż-żgħażagħ, lill-persuni qiegħda, u lil gruppi vulnerabbli oħra (persuni akbar fl-età, persuni b’diżabilità, migranti, eċċ.) jeżaminaw mill-ġdid il-ħiliet tagħhom u jaġġornaw l-orjentazzjonijiet tal-karriera tagħhom, isaħħu l-impjegabbiltà u l-mobilità tagħhom u jagħmlu tranżizzjonijiet professjonali li huma fattibbli u mixtieqa.
·Jiġi stabbilit aċċess sinifikanti u infurzabbli għal sigħat ta’ taħriġ li jkunu kkumpensati kompletament għall-ħaddiema kollha, permezz ta’ miżuri bħal benefiċċji għas-sostituzzjoni tal-pagi u irrispettivament mit-tip ta’ kuntratt, matul il-ħin tax-xogħol, b’miżuri speċifiċi ta’ aċċess għan-nisa u l-gruppi vulnerabbli.
·Jiġi żgurat li jiġu stabbiliti sistemi effettivi ta’ parteċipazzjoni u informazzjoni u konsultazzjoni effettivi għall-ħaddiema fil-livell tal-kumpanija f’konformità mar-regoli applikabbli. Jiġi żgurat ukoll li tissaħħaħ il-kopertura tan-negozjar kollettiv, speċjalment f’setturi emerġenti u f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Paga Minima.
·L-integrazzjoni ta’ inizjattivi ta’ tranżizzjoni ġusta fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u s-Semestru Ewropew. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiggarantixxu l-libertà tal-moviment fir-rigward tas-sigurtà soċjali meta l-impjegati jittrasferixxu ruħhom fi Stat Membru differenti f’konformità mar-Regolament 883/2004.
·Il-ħolqien ta’ inizjattivi b’saħħithom għall-kumpaniji biex: tingħata prijorità lit-titjib tal-ħiliet tal-impjegati attwali sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet; jiġu żviluppati, ippubblikati u aġġornati b’mod regolari pjani ta’ tranżizzjoni tal-kumpaniji li jantiċipaw il-bidla u jiġu żviluppati strateġiji biex jimmaniġġjaw l-impatti possibbli; u tiġi mħeġġa żieda fil-kontribuzzjonijiet tal-imposti fuq l-apprendistati u t-taħriġ f’konformità mal-mudelli nazzjonali biex jiġi ffinanzjat parzjalment it-taħriġ tal-ħaddiema fil-livell reġjonali.
·L-antiċipazzjoni, it-tħejjija u l-ġestjoni tar-ristrutturar iridu jiġu kkoordinati mal-awtoritajiet pubbliċi u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, kull waħda minnhom fil-kapaċità u fil-kompetenza tagħha, u fil-mument adegwat. Dan għandu jiżgura l-iżvilupp ta’ perkorsi ta’ tranżizzjoni bejn impjieg u ieħor b’enfasi fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema biex jibqgħu fir-reġjun tagħhom u tiġi rrispettata l-għażla tagħhom li jibqgħu fis-settur tagħhom.
Brussell, it-13 ta’ Novembru 2024.
Il-President tas-Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
Peter SCHMIDT
_____________