Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2022-02042-AC

Opinjoni - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2022

EESC-2022-02042-AC

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2022

_____________

Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2022

[Opinjoni fuq inizjattiva proprja]

Rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro

[COM(2021) 742 final]

ECO/590

Relatur: Juraj SIPKO

MT

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

22/03/2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

06/10/2022

Adozzjoni fil-plenarja

27/10/2022

Sessjoni plenarja Nru

573

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

170/1/2//

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jinnota li l-iżvilupp ekonomiku attwali taż-żona tal-euro u tal-Unjoni Ewropea huwa kkaratterizzat minn livell partikolarment għoli ta’ inċertezza ekonomika, ġeoekonomika u politika. Din l-inċertezza tirriżulta minn żewġ xokkijiet sistemiċi li għaddejjin bħalissa, jiġifieri l-prevalenza kontinwa tal-COVID-19 u l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Hemm ukoll riskju ġdid assoċjat mal-frammentazzjoni fis-setturi tal-kummerċ internazzjonali, il-pagamenti, il-kapital u s-swieq finanzjarji, inklużi l-manifattura, ir-riċerka u t-trasport. Ir-riskji sistemiċi wasslu għal akkumulazzjoni enormi ta’ dejn pubbliku u żieda fl-inflazzjoni. Madankollu, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima għadu l-akbar sfida li qed jiffaċċjaw iż-żona tal-euro u l-Istati Membri tal-UE.

1.2Il-KESE jtenni li l-ġlieda kontra l-prevalenza kontinwa tal-COVID-19 għadha ’l bogħod milli tiġi fi tmiemha. Għalhekk, jenħtieġ li jittieħdu l-miżuri sostantivi u sistemiċi kollha biex tiġi indirizzata l-marda, filwaqt li fl-istess ħin issir tħejjija għal epidemiji u pandemiji potenzjali oħra. Il-KESE jenfasizza, kif ikkonfermat mill-esperjenza ta’ dawn l-aħħar sentejn, li l-ogħla rata ta’ redditu fuq l-investiment hija fis-settur tas-saħħa.

1.3Il-KESE jappoġġja t-tmiem tal-aggressjoni Russa u tal-gwerra fl-Ukrajna u r-restawr tal-integrità territorjali tal-Ukrajna. Dan jista’ joħloq il-kundizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku reżiljenti, inklużiv u sostenibbli fil-pajjiżi taż-żona tal-euro u fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

1.4Il-KESE qed isegwi mill-qrib ix-xejriet inflazzjonarji sfavorevoli ħafna, li jirriżultaw prinċipalment miż-żieda fil-prezzijiet tal-komoditajiet, tal-ikel u tal-enerġija, inkluż it-tfixkil fil-katina tal-provvista. F’din is-sitwazzjoni, iż-żieda fir-rati tal-imgħax mhijiex għodda partikolarment effettiva. Politika monetarja li tkun rigoruża wisq tista’ żżid ukoll ir-riskji ta’ reċessjoni u tista’ ddewwem l-investimenti privati fit-tranżizzjoni tal-enerġija li huma tant meħtieġa b’mod urġenti. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-BĊE jwettaq valutazzjoni adegwata tal-proporzjonalità, li tanalizza bir-reqqa l-effetti sekondarji ta’ politika monetarja aktar rigoruża u l-konsegwenzi tagħha għal miri ta’ stabbiltà fil-prezzijiet fit-tul. Madankollu, il-KESE jħeġġeġ lill-Bank Ċentrali Ewropew biex inaqqas l-inflazzjoni bażi mingħajr ma jikkomprometti l-irkupru ekonomiku tal-UE. Minħabba r-riskji msemmija hawn fuq, il-BĊE għandu jipproċedi b’kawtela biex jinnormalizza l-politika monetarja.

1.5Fid-dawl taż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, il-KESE jirrakkomanda li dawk li jfasslu l-politika ekonomika nazzjonali jistabbilixxu xibka ta’ sikurezza soċjali li tiffunzjona u tkun effettiva għall-gruppi tal-popolazzjoni l-aktar vulnerabbli, inklużi s-segmenti l-aktar affettwati tal-klassi medja, b’mod li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.

1.6Il-KESE huwa mħasseb dwar l-akkumulazzjoni kontinwa fid-dejn pubbliku. Għalhekk jirrakkomanda li jittieħdu passi lejn konsolidazzjoni fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien. Bl-għan li jiġu rikostitwiti l-baġits nazzjonali, il-KESE jara li hemm lok għal tassazzjoni ekwa, u flimkien magħha l-użu effettiv tal-fondi pubbliċi.

1.7Il-KESE jirrimarka li l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali minħabba l-COVID-19 kienet id-deċiżjoni t-tajba. Għalkemm ġiet estiża sal-2023, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata estensjoni oħra f’każ li jippersistu r-riskji sistemiċi. Għalhekk, il-KESE jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tħejji, mingħajr dewmien, passi konkreti għar-riforma tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

1.8Minkejja l-progress li sar lejn l-istabbiliment ta’ unjoni finanzjarja, jeħtieġ li jiġu adottati u implimentati l-miżuri sostantivi u sistemiċi kollha għall-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. F’dan ir-rigward, il-KESE jistieden lill-organizzazzjonijiet responsabbli u lill-istituzzjonijiet kompetenti biex jingħaqdu flimkien biex tinħoloq unjoni finanzjarja.

1.9Il-KESE jenfasizza l-impatt negattiv tal-frammentazzjoni. Huwa jindika l-instabbiltà tas-suq tal-bonds sovrani fis-swieq taż-żona tal-euro. Għalhekk, il-KESE jilqa’ t-tħabbira tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-15 ta’ Ġunju 2022 dwar it-tħejjija ta’ miżuri biex jindirizzaw il-frammentazzjoni fiż-żona tal-euro.

1.10Il-KESE jappoġġja t-trasformazzjoni tal-ekonomiji taż-żona tal-euro. Fl-istess ħin, jindika r-riskju eżistenzjali assoċjat mat-tibdil fil-klima. Fid-dawl ta’ dan, u minkejja l-iżviluppi ġeoekonomiċi kumplessi mhux previsti, huwa jirrakkomanda tranżizzjoni lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-użu ta’ riżorsi finanzjarji disponibbli taħt il-pjan ta’ rkupru kif ukoll riżorsi finanzjarji oħra, inkluż l-appoġġ għall-finanzjament tas-settur privat.

1.11Bħal pajjiżi oħra tal-UE, il-pajjiżi taż-żona tal-euro bħalissa qed jiffaċċjaw xokkijiet, riskji u theddid sistemiċi. Għalhekk, minħabba l-perjodu kritiku li fih tinsab l-umanità, il-KESE jappella lill-pajjiżi u lill-istituzzjonijiet internazzjonali kompetenti kollha biex jaħdmu flimkien u jindirizzaw ix-xokkijiet, ir-riskji u t-theddid sistemiċi kollha storikament mingħajr preċedent li qed tiffaċċja bħalissa d-dinja. Id-dewmien fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri jista’ jkollu konsegwenzi estensivi, mhux biss f’termini ta’ telf materjali, iżda wkoll – u fuq kollox – f’termini ta’ ħajja umana.

2.Kuntest

2.1Bħalissa hemm żewġ xokkijiet reali sistemiċi – il-COVID-19 u l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja – li, flimkien mal-frammentazzjoni ġeoekonomika sussegwenti, irriżultaw fi grad għoli ta’ inċertezza. Barra minn hekk, iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u tal-ikel wasslet għal riskji soċjoekonomiċi sinifikanti kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll fl-UE. Fid-dawl tat-theddida eżistenzjali li jġib miegħu t-tibdil fil-klima, waħda mill-akbar sfidi għaż-żona tal-euro u għall-Istati Membri tal-UE hija t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika.

2.2L-iżviluppi ekonomiċi tal-lum qed jiġu akkumpanjati minn xokkijiet esterni reali mingħajr preċedent fil-pajjiżi taż-żona tal-euro. Għalhekk, mill-perspettiva tal-indikaturi makroekonomiċi sottostanti, dawn l-iżviluppi ma jistgħux jitqiesu bħala stabbli. Barra minn hekk, xi Stati Membri speċifiċi taż-żona tal-euro jiffaċċjaw sfidi strutturali persistenti fil-perkors tagħhom lejn il-bini ta’ ekonomiji sostenibbli, reżiljenti u inklużivi.

2.3Qabel dawn iż-żewġ xokkijiet sistemiċi, l-inflazzjoni kienet relattivament baxxa fi kważi l-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro. Rati ta’ inflazzjoni relattivament aktar baxxi ġew irreġistrati saħansitra qabel il-bidu tal-kriżi klimatika, u xi pajjiżi taż-żona tal-euro saħansitra esperjenzaw deflazzjoni. Id-dinamika tal-inflazzjoni tal-lum titlob li jsir użu estensiv mis-sett ta’ għodod tal-BĊE. Bħalissa, l-inflazzjoni hija waħda mill-akbar riskji għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, reżiljenti u inklużiv fiż-żona tal-euro. It-tnaqqis u l-istabbilizzazzjoni tal-inflazzjoni u ż-żamma tagħha taħt il-mira tal-inflazzjoni, jiġifieri taħt it-2 %, ma jistgħux jinkisbu mingħajr bidliet adatti fil-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew. F’dan il-kuntest, il-Kunsill Governattiv ħa l-azzjoni meħtieġa biex jissodisfa l-mandat tal-BĊE li jsegwi l-istabbiltà tal-prezzijiet u li jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja. Fil-futur qrib, huwa importanti li l-BĊE jipproċedi b’kawtela biex jinnormalizza l-politika monetarja.

2.4L-inflazzjoni hija l-ogħla li qatt kienet minn mindu nħolqot l-unjoni monetarja Ewropea. Dan jirriżulta minn sensiela sħiħa ta’ fatturi li wasslu għal żieda gradwali fir-rati tal-inflazzjoni anke matul il-kriżi globali tal-COVID-19 li sejra għall-agħar. L-irkupru ekonomiku fiż-żona tal-euro li għaddej bħalissa kompla jaggrava din ix-xejra negattiva minħabba provvisti mnaqqsa. L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja kkontribwiet ukoll għal prezzijiet ogħla. Huwa leġittimu li wieħed jistaqsi sa liema punt il-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew, bl-użu tal-istrumenti kollha disponibbli għad-dispożizzjoni tiegħu, tista’ tnaqqas iż-żieda fl-inflazzjoni u treġġagħha lura gradwalment għall-mira ddikjarata tal-inflazzjoni u żżommha fil-mira, mingħajr ma tipperikola l-istabbiltà tal-munita unika u l-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID‑19.

2.5Ix-xejriet attwali tal-inflazzjoni la huma temporanji u lanqas għal żmien qasir (kif innotat fil-ħarifa tal-2021), iżda juru livell għoli ta’ inċertezza. Fit-tieni nofs tas-sena l-oħra, iż-żidiet fil-prezzijiet kienu prinċipalment xprunati minn prezzijiet tal-enerġija, tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, żieda eċċezzjonalment qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u kostijiet ogħla tat-trasport. Minħabba li r-raġunijiet għad-dinamika attwali tal-prezzijiet huma kumplessi, il-politika monetarja waħedha mhux se jirnexxielha tnaqqas l-inflazzjoni. Dak li huwa meħtieġ huwa d-diversifikazzjoni tal-importazzjonijiet tal-enerġija biex b’hekk titnaqqas id-dipendenza mill-provvisti mir-Russja. Id-diversifikazzjoni toffri wkoll lill-Istati Membri taż-żona tal-euro opportunità storika biex iniedu riformi strutturali urġenti (pereżempju riformi amministrattivi, riformi ġudizzjarji, riformi biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt) u jnaqqsu d-dipendenza mill-importazzjonijiet ta’ inputs tal-enerġija tradizzjonali. Barra minn hekk, huwa meħtieġ intervent fis-suq biex tiġi kkontrollata d-dinamika attwali tal-prezzijiet volatili fis-suq tal-enerġija. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija.

2.6Fl-istess ħin, hemm evidenza li ħafna kumpaniji rnexxielhom jespandu l-profitti unitarji tagħhom minkejja ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. L-analiżi tal-BĊE turi li l-profitti kienu kontributur ewlieni għall-inflazzjoni domestika ġenerali hekk kif il-kumpaniji għaddew lil oħrajn il-kostijiet ogħla u pproteġew u wessgħu l-marġnijiet tal-profitt. L-interventi fis-suq fis-settur tal-enerġija jistgħu wkoll irażżnu d-dinamika tal-prezzijiet.

2.7Iż-żidiet attwali fil-prezzijiet huma prinċipalment marbuta mal-provvista. Din ix-xejra qed tolqot ħażin il-kompetittività taż-żona tal-euro, qed twassal għal spejjeż ogħla, u qed tpoġġi pressjoni ’l fuq fuq il-pagi u s-salarji fi żmien ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Jekk din ix-xejra negattiva tissokta, din tista’ potenzjalment twassal għal staġflazzjoni (staġnar ekonomiku fi żmien ta’ inflazzjoni) (għalkemm bħalissa mhux preżenti fil-pajjiżi taż-żona tal-euro b’mod ġenerali). F’termini storiċi, l-staġflazzjoni ġiet irreġistrata kważi 40 sena ilu. Ma jistax jiġi eskluż li jekk ix-xokkijiet sistemiċi esterni jkomplu, dan jista’ jirriżulta fi staġflazzjoni mhux mixtieqa. Min-naħa l-oħra, il-KESE jindika l-effetti negattivi possibbli fuq id-domanda jekk dawk b’introjtu baxx u medju jiġu affettwati mit-telf fil-pagi reali.

2.8Fl-2021, kien hemm xejra relattivament favorevoli fit-tkabbir ekonomiku madwar l-Istati Membri taż-żona tal-euro, mingħajr ebda aspettattiva ta’ tnaqqis qawwi fil-flussi ta’ investiment u kummerċ minħabba livelli għoljin ta’ inċertezza ekonomika. Il-kriżi globali tal-COVID-19 tista’ tapprofondixxi d-distakk fit-tkabbir ekonomiku fiż-żona tal-euro jekk ir-riformi strutturali ma jiġux adottati u implimentati. Din ix-xejra lejn id-diverġenza jista’ jkollha impatt kbir fuq il-konverġenza u taggrava dan l-iżvilupp negattiv madwar l-Istati Membri taż-żona tal-euro.

2.9Fuq medda qasira ta’ żmien, il-prospettiva għal tkabbir potenzjali fl-investiment mhijiex inkoraġġanti. L-istrumenti adottati għall-irkupru ta’ wara l-COVID (Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) bdew jiġu kemxejn imrażżna minħabba l-inċertezza tal-investiment ikkawżata mill-gwerra fl-Ukrajna. Għalhekk huwa importanti li l-ekonomiji individwali jkunu kapaċi jlaħħqu mat-tfixkil kontinwu tal-flussi tal-kummerċ u tal-investiment u mal-inċertezza kontinwa tal-ekonomija globali, iżda prinċipalment mal-livell għoli ta’ inċertezza fl-Istati Membri taż-żona tal-euro.

2.10It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jirriżulta wkoll miż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-enerġija li qed jiffaċċjaw l-unitajiet domestiċi. Xi Stati Membri ħadu miżuri biex jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet permezz ta’ sussidji, bidliet fil-VAT, inklużi kontribuzzjonijiet soċjali addizzjonali, u tariffi tal-enerġija soċjali għall-unitajiet domestiċi bid-dħul l-aktar baxx. Għalhekk hemm bżonn li jiġi kkunsidrat mill-ġdid l-użu effiċjenti tal-enerġija fid-djar u li jinbidlu d-drawwiet tal-konsum tal-enerġija. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija wasslet għal spostament gradwali ta’ oġġetti oħra mill-basket tal-konsumaturi, li għalihom issa kien hemm tnaqqis fid-domanda. Barra minn hekk, il-prezzijiet ogħla tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi qed iwasslu għal bidla fix-xejra tal-konsum tal-unitajiet domestiċi u għal tnaqqis sinifikanti fil-konsum ta’ ċerti oġġetti tal-konsum. Madankollu, l-enerġija hija oġġett bażiku u l-użu tagħha jista’ jitnaqqas biss sa ċertu punt, li jfisser li familji ifqar b’mod partikolari se jsofru minn dawn iż-żidiet fil-prezzijiet.

2.11Il-COVID-19 kellha impatt negattiv ħafna fuq il-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri taż-żona tal-euro. Il-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ġiet attivata f’Marzu 2020 biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19. Ġie stabbilit ukoll il-Qafas Temporanju għall-Għajnuna mill-Istat, biex jippermetti l-użu fuq skala kbira ta’ stimolu fiskali biex jappoġġja s-settur tan-negozju iżda wkoll biex tinżamm l-istabbiltà soċjali.

2.12Ir-rispons fiskali u t-tnaqqis fl-output irriżultaw f’żieda sinifikanti fil-proporzjonijiet tad-dejn pubbliku, b’mod partikolari f’xi Stati Membri b’dejn għoli. Huwa importanti ħafna li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku permezz ta’ tnaqqis gradwali tad-dejn pubbliku. Minħabba li l-prezzijiet tal-enerġija se jibqgħu f’livell għoli fit-terminu medju, se jkunu meħtieġa rieżami tas-suq u tal-mekkaniżmi taż-żieda fil-prezzijiet, flimkien ma’ aktar miżuri ta’ appoġġ fiskali, sabiex jiġu appoġġjati l-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji partikolarment milqutin miż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija.

2.13Żieda fl-infiq fuq is-sigurtà u prijoritajiet kritiċi oħra tista’ twassal għal tnaqqis temporanju fil-pożizzjoni ekonomika taż-żona tal-euro fl-ekonomija dinjija. F’dan l-isfond, l-Istati Membri taż-żona tal-euro qed jiffaċċjaw l-isfida ewlenija ta’ tranżizzjoni lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli u ż-żamma tas-sehem tal-ekonomija taż-żona tal-euro fil-konfront ta’ kompetituri globali oħra, bl-użu tal-għodod kollha disponibbli flimkien ma’ politiki individwali effettivi, inklużi għodod diplomatiċi.

2.14Aktar reċentement, ir-rata tal-kambju tal-euro tbaxxiet kontra d-dollaru Amerikan minħabba żviluppi ġeopolitiċi negattivi, tnaqqis li beda f’Mejju 2021. Id-deprezzament tal-euro, it-tieni l-akbar valuta ta’ riżerva, ġej prinċipalment mill-politiki monetarji differenti segwiti mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-Federal Reserve System (FED).

2.15Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-prospettiva ekonomika tagħha (Lulju 2022), li hija prinċipalment determinata mill-iżviluppi fl-Ukrajna. Din il-prospettiva tassumi li, din is-sena, it-tkabbir ekonomiku se jkun ta’ 2,7 % fl-Istati Membri tal-UE u 2,6 % fiż-żona tal-euro, u jinżel għal 1,5 % u 1,4 % s-sena d-dieħla, skont it-tbassir tal-Kummissjoni. Ir-rata medja tal-inflazzjoni hija mbassra li tilħaq 7,6 % fl-UE u 7,6 % fiż-żona tal-euro din is-sena filwaqt li, is-sena d-dieħla, l-inflazzjoni hija mistennija li tonqos għal 4,6 % u 4 % rispettivament.

3.Kummenti ġenerali

3.1Il-KESE jenfasizza li l-iżvilupp ekonomiku fuq terminu qasir iżda anke fuq terminu medju tal-pajjiżi taż-żona tal-euro huwa, u għandu l-potenzjal li jkun, influwenzat b’mod qawwi mill-impatt tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Dan l-iżvilupp negattiv huwa sistemiku u ma hemm l-ebda parallel fl-istorja ta’ wara l-gwerra. Għalhekk huwa diffiċli ħafna li jitqabbel ma’ xokkijiet oħra li storikament kellhom impatt negattiv fuq l-iżviluppi ekonomiċi fiż-żona tal-euro. Fi kwalunkwe każ, hemm livell għoli ħafna ta’ inċertezza li jagħmilha aktar diffiċli biex tiġi determinata l-prospettiva għal żviluppi futuri.

3.2Il-KESE jirrimarka li t-trajettorja tal-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi sottostanti fil-pajjiżi taż-żona tal-euro mhijiex inkoraġġanti. Il-livell ta’ inċertezza huwa partikolarment għoli. B’mod partikolari, hemm għadd ta’ varjabbli mhux magħrufa, prinċipalment ta’ natura ġeopolitika u ekonomika, li jistgħu jaffettwaw il-livelli diġà estremament għoljin ta’ inċertezza.

3.3Il-KESE jqis li x-xejra tal-inflazzjoni tippreżenta riskju għoli għall-progress soċjoekonomiku fil-pajjiżi taż-żona tal-euro. Ir-riskju attwali tal-inflazzjoni huwa prinċipalment marbut mal-provvista u t-tfixkil tal-ktajjen tal-valur. L-iżviluppi fl-Ukrajna, b’mod partikolari fil-qasam tal-inputs tal-enerġija, inklużi l-prezzijiet tal-komoditajiet, flimkien ma’ miżuri biex jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19, wasslu għal bidliet min-naħa tal-provvista.

3.4Id-dinamika tal-inflazzjoni tal-lum titlob li jsir użu estensiv mis-sett ta’ għodod tal-BĊE biex tinkiseb l-istabbiltà tal-prezzijiet bl-użu ta’ politika monetarja akkomodanti. Il-BĊE għandu jipproċedi b’kawtela fil-proċess ta’ normalizzazzjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, huwa mistenni li l-politika monetarja se tkompli tappoġġja l-politika ekonomika fil-pajjiżi membri taż-żona tal-euro.

3.5Il-KESE jenfasizza li r-riskju tal-inflazzjoni ma ġiex imrażżan fl-Istati Membri u li t-tentattivi biex jiġi eliminat huma biss parzjali. Minħabba x-xejra sfavorevoli kontinwa fl-inflazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-unitajiet domestiċi, flimkien mal-iżviluppi fil-kompetittività, il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet kompetenti u responsabbli kollha biex jadottaw u jimplimentaw il-miżuri urġenti kollha biex jikkumpensaw għax-xokkijiet negattivi fil-prezzijiet. Fl-istess ħin, għandu jiġi evitat it-taqlib fis-suq tal-bonds sovrani fiż-żona tal-euro 1 .

3.6Il-KESE jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-programm REPowerEU. Huwa jistenna li dan il-programm jikkontribwixxi għal tnaqqis gradwali tad-dipendenza mill-inputs tal-enerġija mill-Federazzjoni Russa. Joffri wkoll il-possibbiltà li gradwalment jiġu eliminati l-akbar riskji ta’ kostijiet li huma theddida kbira għall-istabbiltà tal-prezzijiet fil-pajjiżi taż-żona tal-euro.

3.7Il-KESE jistenna li REPowerEU jagħmel żewġ kontributi ewlenin oħra: (i) RePowerEU jista’ jistimola żieda kbira fl-investiment f’setturi u oqsma partikolari, u b’hekk titwettaq l-idea li tmur lura għal qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. L-idea bażika hija li din is-sena se tkun sinifikanti f’termini ta’ tkabbir fl-investiment, speċjalment f’oqsma partikolari ta’ interess pubbliku; (ii) REPowerEU għandu jagħti wkoll kontribut sostanzjali għall-aktar bidliet strutturali importanti li qed tiffaċċja l-ġenerazzjoni attwali u b’hekk jilħaq l-objettivi ewlenin li l-ekonomiji taż-żona tal-euro jsiru aktar kompetittivi, sostenibbli u reżiljenti, sabiex jintlaħqu l-miri ewlenin stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku.

3.8Il-KESE qed jimmonitorja mill-qrib kif l-investiment qed jiġi riallokat b’mod fundamentali, meta mqabbel mal-pjani ta’ investiment oriġinali. It-tkabbir tal-investiment huwa mistenni li jkun aktar baxx f’setturi marbuta mar-ristrutturar tal-enerġija u mal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku għall-pajjiżi tal-UE. Mhuwiex ċar x’se tkun il-prospettiva f’setturi u oqsma li mhumiex marbuta direttament. F’dan l-isfond, se jkun importanti li jseħħ l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju f’setturi ekonomiċi tradizzjonali (mhux bilfors żviluppi strateġiċi jew li jfittxu eċċellenza ta’ klassi dinjija), bl-użu tal-opportunitajiet potenzjali f’reġjuni individwali.

3.9Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ li tingħata kunsiderazzjoni xierqa mhux biss biex jintlaħqu l-prijoritajiet kritiċi attwali iżda wkoll biex tiġi żgurata prestazzjoni tal-innovazzjoni uniformi madwar ir-reġjuni, iż-żona tal-euro u l-UE kollha kemm hi. Jekk dan l-għan jiġi sottovalutat jista’ jaggrava x-xejriet diverġenti bejn ir-reġjuni fiż-żona tal-euro u l-Istati Membri tal-UE.

3.10Il-KESE jilqa’ l-possibbiltà ta’ konverġenza aktar qawwija bis-saħħa tat-tkabbir fl-Istati Membri taż-żona tal-euro li qabel kienu inqas żviluppati, li fuq medda twila ta’ żmien kienu qed jikbru b’rata ogħla mill-medja taż-żona tal-euro. F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li l-COVID-19 u l-gwerra attwali fl-Ukrajna jistgħu jwasslu għal proċess diverġenti li jaggrava fl-Istati Membri taż-żona tal-euro, li ma jwassalx għall-kisba tal-ideat bażiċi stabbiliti fit-Trattat ta’ Maastricht.

3.11Il-KESE jilqa’ u jappoġġja d-dibattitu li għaddej dwar it-tfassil tal-qafas istituzzjonali l-ġdid għall-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jirrimarka li l-aġġornament tar-regoli fiskali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa assoċjat fuq kollox mal-isfida tar-rikonċiljazzjoni tas-sostenibbiltà finanzjarja ma’ ħtiġijiet ċari ta’ investiment pubbliku.

3.12Il-KESE jara li hemm lok għal koordinazzjoni reċiproka u rabtiet bejn tipi differenti ta’ politiki mmirati lejn l-iżgurar ta’ dejn pubbliku sostenibbli. Barra minn hekk, f’każijiet ġustifikati hemm il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-istrateġiji fiskali f’konformità mal-approċċ fuq terminu medju għall-korrezzjoni fiskali maħsuba għall-irkupru u r-reżiljenza. Il-Kumitat jistenna li jinstabu soluzzjonijiet realistiċi u fattibbli għal pjattaforma dwar il-finanzi pubbliċi li għandha tiġi implimentata mingħajr dewmien.

3.13Minħabba li l-baġits pubbliċi jinsabu taħt pressjoni wara l-kriżi tal-COVID-19, il-miżuri l-oħra ta’ kumpens biex jappoġġjaw lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji biex ilaħħqu mal-kriżi tal-enerġija jridu jkunu mmirati u effettivi. Il-KESE ġustament jifhem u jirrispetta r-raġunijiet attwali għas-salvagwardja tas-sigurtà, il-ħtiġijiet umanitarji u soċjali u l-impatt tagħhom fuq il-baġits nazzjonali fiż-żona tal-euro. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttawwal iż-żmien tal-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti ta’ riforma għall-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir malajr kemm jista’ jkun.

3.14Il-KESE qal ripetutament li, bħal fil-passat, u aktar u aktar illum, huma meħtieġa sforzi akbar biex tissaħħaħ il-pożizzjoni taż-żona tal-euro fil-kuntest internazzjonali. Bħalissa, l-ekonomiji taż-żona tal-euro qed jiffaċċjaw sfidi ġodda marbutin mar-riskju ġenerali għas-sigurtà u l-bidliet strutturali. Barra minn hekk, l-iżviluppi ekonomiċi u politiċi jistgħu jaffettwaw il-pożizzjoni tal-euro fis-sistema monetarja u ta’ pagament internazzjonali. It-tmiem tal-aggressjoni Russa u tal-gwerra fl-Ukrajna u r-restawr tal-integrità territorjali tal-Ukrajna jistgħu jwasslu għal qawmien mill-ġdid tal-ekonomija dinjija u għal ekonomija taż-żona tal-euro aktar b’saħħitha.

4.Kummenti speċifiċi

4.1Il-KESE huwa konvint li, sabiex tiġi żgurata stabbiltà soċjoekonomika relattiva fl-Istati Membri taż-żona tal-euro, fl-isfond prevalenti ta’ livelli għoljin ta’ inċertezza ġeopolitika u ekonomika, marbuta mar-riskji ta’ inflazzjoni li qed tiżdied u dejn pubbliku li qed jikber, se jkun importanti li ssir enfasi fuq il-prijoritajiet it-tajba meta jintużaw il-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dan l-istrument jippermetti lill-Istati Membri tal-UE joħorġu bonds b’mod konġunt fis-swieq kapitali, u s’issa kien effettiv ħafna. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-użu prattiku tiegħu fil-futur ukoll. F’dan ir-rigward, il-KESE jara li hemm lok għall-użu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza lil hinn mill-2026.

4.2Il-KESE jenfasizza li l-invażjoni kontinwa tal-Ukrajna mir-Russja tista’ twassal għal reċessjoni mhux mixtieqa u saħansitra staġflazzjoni f’ċerti pajjiżi taż-żona tal-euro. Għalhekk, issa huma meħtieġa aktar minn qatt qabel il-monitoraġġ bir-reqqa ta’ dawn l-iżviluppi negattivi u l-azzjoni preventiva biex jiġu indirizzati.

4.3Il-KESE jinnota li l-qgħad u x-xejriet tas-suq tax-xogħol jindikaw stabbiltà relattiva. Fl-istess ħin, il-Kumitat jenfasizza diskrepanzi relattivament kbar bejn ir-rati tal-qgħad nazzjonali meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel l-2008. Il-qgħad strutturali huwa prevalenti f’xi Stati Membri taż-żona tal-euro, flimkien ma’ nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati. Huwa dan in-nuqqas relattiv ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati ħafna li mhux jippermetti ambitu suffiċjenti biex tiżdied il-kompetittività f’setturi u oqsma partikolari. F’dan il-kuntest, il-KESE jinnota li għad hemm biżżejjed opportunità, u li għadha mhix sfruttata, għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid fl-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-UE.

4.4Il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar ix-xejriet negattivi fl-inugwaljanza u ż-żieda fil-faqar fl-Istati Membri taż-żona tal-euro u madwar l-UE. L-inugwaljanza fl-aktar sens wiesa’ tagħha hija, fil-biċċa l-kbira, ukoll il-legat tal-kriżi finanzjarja globali. Il-COVID-19 kompliet taggrava din ix-xejra negattiva. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel bħalissa qed taffettwa lill-gruppi tal-popolazzjoni l-aktar vulnerabbli, kif ukoll lill-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju. Għal din ir-raġuni, il-KESE jistieden b’mod urġenti lill-istituzzjonijiet kompetenti kollha biex jistabbilixxu xibka ta’ sikurezza soċjali li taħdem b’mod effettiv u fejn ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.

4.5Il-KESE jerġa’ jiġbed l-attenzjoni għall-iżvilupp possibbli u mhux previst ta’ aktar mutazzjonijiet, pandemiji u epidemiji. It-tfiġġija u t-tixrid rapidu tal-COVID-19 żvelaw li s-settur tas-saħħa ma kienx ippreparat ħafna għall-pandemija. Hija għalhekk essenzjali tħejjija aktar fil-fond, iżda fuq kollox politika aktar responsabbli mill-korpi u l-istituzzjonijiet kompetenti kollha f’dan il-qasam. Il-KESE jinnota li, kif urew l-iżviluppi matul dawn l-aħħar sentejn, l-akbar redditu fuq l-investiment ġej mill-investiment fis-saħħa u l-prevenzjoni.

4.6Il-KESE jenfasizza li l-appoġġ għall-għoti ta’ likwidità addizzjonali sa mit-tifqigħa tal-COVID-19 kien id-deċiżjoni t-tajba. Madankollu, minħabba li xi operazzjonijiet partikolari ġew sospiżi, issa se jkun meħtieġ li wieħed jiffoka biex tiġi żgurata s-solvenza ta’ ċerti negozji. Se tkun meħtieġa wkoll likwidità addizzjonali biex jiġi appoġġjat it-tkabbir ta’ wara l-pandemija. Għalhekk, il-KESE jqis li huwa kruċjali li jsir progress fl-istabbiliment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Unjoni Bankarja.

4.7Il-KESE jirrimarka li għaddej proċess ta’ frammentazzjoni fl-ekonomija dinjija. L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja wasslet għal frammentazzjoni fil-kummerċ internazzjonali, il-pagamenti internazzjonali, ir-relazzjonijiet internazzjonali finanzjarji, it-trasport internazzjonali, ix-xjenza u r-riċerka internazzjonali, il-ktajjen tal-valur globali, u f’oqsma oħra wkoll. Dan il-proċess kellu impatt negattiv ħafna fuq l-iżviluppi soċjoekonomiċi fil-pajjiżi taż-żona tal-euro.

4.8Il-KESE jinnota li l-livell għoli attwali ta’ inċertezza ekonomika u ġeoekonomika, akkumpanjat minn riskji għoljin, huwa l-aktar sitwazzjoni kumplessa fl-istorja kollha tal-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea. Minħabba n-nuqqas ta’ prevedibbiltà tal-iżviluppi soċjoekonomiċi futuri, hemm ħtieġa qawwija li l-istituzzjonijiet kompetenti jadottaw u jimplimentaw firxa sħiħa ta’ miżuri biex inaqqsu u jeliminaw ix-xokkijiet esterni għall-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro.

Brussell, 27 ta’ Ottubru 2022

Christa Schweng

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)    Għalhekk, il-KESE jilqa’ t-tħabbira tal-BĊE tal-15 ta’ Ġunju 2022 li biħsiebu jaħdem fuq strument għall-ġlieda kontra l-frammentazzjoni fiż-żona tal-euro.
Top