Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2019)1847

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidderoga mir-regoli dwar il-ħatra ta’ punti ta’ kontroll u mir-rekwiżiti minimi għall-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera

C/2019/1847 final

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Ir-Regolament (UE) 2017/625 dwar il-Kontrolli Uffiċjali 1 (OCR) jistabbilixxi qafas leġiżlattiv uniku armonizzat għall-organizzazzjoni u t-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra għall-verifika tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari. Dan jinkludi sett komuni ta’ regoli għal dawk l-annimali u l-prodotti li jridu jkunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera meta jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi. Fost dawk ir-regoli, hemm l-obbligu li l-Istati Membri jaħtru postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, sakemm dawk il-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti, u li jirtiraw il-ħatra b’mod sħiħ jew parzjali fejn dawk ir-rekwiżiti ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

Dan ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-għoti tas-setgħat stabbiliti fl-Artikoli 62 (3), 64(2) u 64(5) tal-OCR, li jagħtu s-setgħat lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jispeċifikaw il-każijiet fejn u l-kundizzjonijiet li taħthom ċerti derogi u eżenzjonijiet mill-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera jistgħu jingħataw għall-ħatra tagħhom.

Dan ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni ma kienx preċedut minn valutazzjoni tal-impatt peress li mhuwiex se jkollu impatt fuq il-prattiki attwali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera. Għall-kuntrarju, huwa jintegra r-regoli eżistenti mhux ikkontestati li se jitħassru mill-OCR meta jidħol fis-seħħ u, billi jipprovdi ċertu flessibbiltà lill-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, għandu l-għan li jippermetti prestazzjoni aktar faċli u effiċjenti tal-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom diversi laqgħat u skambji mal-Grupp ta’ Esperti “kontrolli uffiċjali” (E00911), li jinvolvi esperti mill-Istati Membri u osservaturi mill-Parlament Ewropew. Saru għadd ta’ laqgħat ma’ firxa ta’ partijiet interessati fejn ġew spjegati u diskussi l-elementi ewlenin tal-att.

Il-possibbiltà li jingħata feedback pubbliku dwar l-abbozz tar-Regolament Delegat permezz tas-sit web tal-Kummissjoni (https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say_mt) ma wasslet għall-ebda kumment miċ-ċittadini.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

Dan ir-Regolament Delegat jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 billi jistabbilixxi regoli:

·għall-każijiet u għall-proċeduri għall-ħatra mill-ġdid ta’ post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, fil-każ li l-ħatra tiegħu tkun ġiet irtirata parzjalment permezz ta’deroga minn ċerti rekwiżiti ta’ ħatra;

·għall-każijiet u għall-kundizzjonijiet li skonthom il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jista’ jkun jinsab f’distanza mbiegħda mill-punt tad-dħul fl-Unjoni minħabba limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi;

·biex jiġu eżentati l-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, maħtura għall-importazzjonijiet ta’ zkuk mhux ipproċessati u injam isserrat u mqatta’, minn ċerti rekwiżiti minimi sabiex jitqiesu l-limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi li fihom joperaw l-awtoritajiet kompetenti.

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 12.3.2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidderoga mir-regoli dwar il-ħatra ta’ punti ta’ kontroll u mir-rekwiżiti minimi għall-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 62(3) u l-Artikolu 64(2) u (5) tiegħu,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi fost l-oħrajn il-qafas għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u l-attivitajiet uffiċjali l-oħra fuq l-annimali u l-prodotti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi għall-verifika tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex jipproteġi s-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali u tal-pjanti, il-benessri tal-annimali u, fir-rigward tal-organiżmi ġenetikament modifikati (OGM) u l-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti, l-ambjent ukoll. Huwa jistipula li għandhom jitwettqu kontrolli uffiċjali fuq ċerti kunsinni ta’ annimali u prodotti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jaħtru postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

(2)Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistipula li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni qabel jaħtru l-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, biex b’hekk il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika u, fejn meħtieġ, twettaq kontrolli biex tivverifika jekk jikkonformawx mar-rekwiżiti minimi għall-ħatra stabbilita hemmhekk. Ir-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi ċerti regoli ddettaljati dwar dawn ir-rekwiżiti minimi. Dawk ir-regoli ddettaljati ġew stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti minimi għall-postijiet ta’ kontroll [C(2019)2011]. Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistipula wkoll li l-Istati Membri jridu jirtiraw il-ħatra tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fejn dan ma jibqax jikkonforma mar-rekwiżiti tal-ħatra fil-kategoriji kollha ta’ annimali u prodotti li għalihom tkun saret il-ħatra jew f’xi wħud minnhom.

(3)Madankollu, meta l-irtirar tal-ħatra jkun parzjali minħabba li jkun jikkonċerna kategorija speċifika ta’ annimali jew kategorija speċifika ta’ prodotti, jew il-kategoriji kollha ta’ annimali jew il-kategoriji kollha ta’ prodotti fejn il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkun ġie maħtur għall-kategoriji ta’ annimali jew prodotti, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jerġgħu jaħtru l-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għal dawk il-kategoriji ta’ annimali jew prodotti li għalihom tkun ġiet irtirata l-ħatra mingħajr ma jkunu meħtieġa l-ewwel li jagħtu lill-Kummissjoni l-opportunità li twettaq il-kontrolli sabiex tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti minimi. F’tali każijiet, jenħtieġ li l-indirizzar tan-nuqqas ta’ konformità ma jinvolvix azzjonijiet estensivi daqs dawk neċessarji biex jinħatar post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għall-ewwel darba. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli li permezz tagħhom l-Istati Membri jitħallew jerġgħu jaħtru l-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għal dawk il-kategoriji ta’ annimali jew prodotti mingħajr ma jkunu meħtieġa li l-ewwel jagħtu lill-Kummissjoni l-opportunità li twettaq il-kontrolli sabiex tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti minimi.

(4)Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru biex jindirizza n-nuqqas ta’ konformità li jkun ikkawża l-irtirar parzjali tal-ħatra, jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw dawk il-miżuri lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li huma jipproċedu bil-ħatra mill-ġdid biss meta l-Kummissjoni tqis li l-miżuri meħuda jkunu suffiċjenti biex jirrimedjaw għan-nuqqas ta’ konformità.

(5)Id-deroga mir-regoli tar-Regolament (UE) 2017/625 dwar il-ħatra tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera jenħtieġ li tapplika biss fejn il-ħatra mill-ġdid issir fi żmien sentejn mid-data tal-irtirar parzjali tal-ħatra. Jekk il-ħatra mill-ġdid issir aktar minn sentejn qabel id-data tal-irtirar parzjali, sabiex jiġu vvalutati l-bidliet li seħħew fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm il-possibbiltà li twettaq kontrolli biex tivverifika li l-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jikkonforma mar-rekwiżiti minimi.

(6)F’ċerti każijiet, ir-Regolament (UE) 2017/625, jippermetti li jitwettqu kontrolli uffiċjali f’punti ta’ kontroll oħra li mhumiex postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera u jirrikjedi li dawk il-punti ta’ kontroll ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi u r-rekwiżiti għall-ħatra u l-irtirar tal-ħatra ta’ postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera. Għalhekk, huwa xieraq li r-regoli ta’ dan ir-Regolament, dwar il-ħatra mill-ġdid tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera japplikaw ukoll għall-punti ta’ kontroll.

(7)Ir-Regolament (UE) 2017/625 jirrekjedi li l-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkunu jinsabu fil-viċinanza immedjata tal-punt tad-dħul fl-Unjoni. Madankollu, sabiex jippermettu l-organizzazzjoni u l-prestazzjoni effiċjenti ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jispeċifikaw il-każijiet ta’ limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi u l-kundizzjonijiet li skonthom il-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera jistgħu jkunu jinsabu f’distanza li ma tkunx fil-viċinanza immedjata tal-punt tad-dħul fl-Unjoni. Il-limitazzjonijiet ġeografiċi jenħtieġ li jkunu dawk li jirriżultaw mill-karatteristiċi naturali u l-pajsaġġ tal-punt tad-dħul, u d-distanza mill-punt tad-dħul m’għandhiex teċċedi dak li huwa strettament meħtieġ biex jingħelbu d-diffikultajiet ikkawżati mil-limitazzjonijiet ġeografiċi. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-distanza ma tkunx tali li toħloq riskju għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, għall-benessri tal-annimali u għall-ambjent. Il-limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi jenħtieġ li jinkludu dawk li jistgħu jikkawżaw limitazzjonijiet tat-transport kbar bħal, pereżempju, passaġġi għoljin b’toroq li mhumiex adattati għall-moviment tal-annimali u tal-prodotti jew li jikkawżaw dewmien sinifikanti fil-moviment tagħhom.

(8)Il-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera għall-importazzjonijiet ta’ kunsinni ta’ zkuk mhux ipproċessati u injam isserrat u mqatta’ ta’ spiss joperaw taħt limitazzjonijiet ġeografiċi li jirriżultaw mill-kosti jew mill-fruntieri twal ta’ ċerti Stati Membri. Bħala riżultat tal-limitazzjonijiet ġeografiċi msemmija qabel, ġeneralment huma jkunu operattivi biss fiż-żmien waqt li jkunu qed iwettqu l-kontrolli uffiċjali. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti eżenzjonijiet mir-rekwiżiti minimi għall-ħatra tagħhom bħala postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera stabbiliti fl-Artikolu 64(3) tar-Regolament (UE) 2017/625. Madankollu, sabiex jippermettu l-effettività tal-kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra, jenħtieġ li l-konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi tiġi ssodisfata matul it-twettiq ta’ dawk il-kontrolli u l-attivitajiet minn tim għall-kontrolli uffiċjali mobbli tal-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera. B’mod partikolari, tim għall-kontrolli uffiċjali mobbli jenħtieġ li jkun jista’ jipprovdi persunal suffiċjenti u bi kwalifiki xierqa u jkollu aċċess għat-tagħmir meħtieġ matul it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra.

(9)Ir-regoli li l-Kummissjoni meħtieġa tistabbilixxi f’konformità mal-Artikolu 62(3), l-Artikolu 64(2) u l-Artikolu 64(5) tar-Regolament (UE) 2017/625 huma marbuta mill-qrib peress li kollha jikkonċernaw derogi jew eżenzjonijiet minn ċerti rekwiżiti applikabbli għall-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera. Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni korretta u komprensiva ta’ dawk ir-regoli, li jenħtieġ li japplikaw ukoll mill-istess data, huwa xieraq li jiġu stabbiliti f’att wieħed.

(10)Billi s-setgħat speċifiċi mogħtija lill-Kummissjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/625 jibdew japplikaw mill-14 ta’ Diċembru 2019, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll mill-istess data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw:

(a)il-ħatra mill-ġdid ta’ post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew punt ta’ kontroll li mhuwiex post ta’ kontroll fuq il-fruntiera meta l-ħatra tiġi irtirata parzjalment;

(b)il-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera li jinsabu f’distanza li mhix fil-viċinanza immedjata tal-punt tad-dħul fl-Unjoni minħabba limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi;

(c)il-ħatra ta’ postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera għall-importazzjonijiet ta’ zkuk mhux ipproċessati u injam isserrat u mqatta’ biex jitqiesu l-limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi.

Artikolu 2
Il-ħatra mill-ġdid ta’ post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew punt ta’ kontroll li mhuwiex post ta’ kontroll fuq il-fruntiera wara l-irtirar parzjali tal-ħatra

1.B’deroga mill-Artikolu 59(3), (4) u (5) tar-Regolament (EU) 2017/625, meta Stat Membru jirtira l-ħatra ta’ post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew punt ta’ kontroll li mhuwiex post ta’ kontroll fuq il-fruntiera kif imsemmi fl-Artikolu 53(1)(a) ta’ dak ir-Regolament, għal ċerti kategoriji ta’ annimali jew prodotti bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti minimi msemmija fl-Artikolu 64(3) ta’ dak ir-Regolament jew mar-regoli ddettaljati dwar ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni [C(2019)2011] (minn hawn 'il quddiem imsejħa kollettivament bħala “ir-rekwiżiti minimi”), l-Istat Membru jista’ jaħtar mill-ġdid dak il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew dak il-punt ta’ kontroll (minn hawn 'il quddiem “il-ħatra mill-ġdid”) f’konformità mal-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

2.Qabel il-ħatra mill-ġdid imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri li jkun ħa biex jirrimedja n-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti minimi msemmija fil-paragrafu 1.

3.F’perjodu ta’ xahar sa mid-data tal-wasla tan-notifika, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-miżuri meħuda humiex suffiċjenti biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti minimi u, f’dak il-perjodu, għandha tinforma lill-Istat Membru bir-riżultat tal-valutazzjoni tagħha.

4.L-Istat Membru għandu jipproċedi bil-ħatra mill-ġdid biss meta jiġi infurmat mill-Kummissjoni, skont il-paragrafu 3, li l-miżuri meħuda mill-Istat Membru huma biżżejjed biex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti minimi.

5.Il-ħatra mill-ġdid f’konformità mal-paragrafu 4 tista’ sseħħ biss fi żmien sentejn li jibdew mid-data tal-irtirar parzjali tal-ħatra msemmija fil-paragrafu 1.

Wara dak il-perjodu ta’ sentejn, il-ħatra mill-ġdid tista’ sseħħ biss f’konformità mal-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 3
Il-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera li jinsabu f’distanza
li mhix fil-viċinanza immedjata tal-punt tad-dħul fl-Unjoni

1.B’deroga mill-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera jistgħu jkunu jinsabu f’distanza li mhix fil-viċinanza immedjata tal-punt tad-dħul fl-Unjoni, sakemm:

(a)dan ikun meħtieġ minħabba limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi skont il-paragrafu 2, u

(b)jintlaħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

2.Il-limitazzjonijiet ġeografiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu tali li jipprevjenu jew jirrestrinġu t-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra.

Dawk il-limitazzjonijiet ġeografiċi għandhom jikkonsistu f’waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)punti tad-dħul b’konfigurazzjoni ġeografika li timponi limitazzjonijiet kbar fuq is-sistema tat-trasport;

(b)punti tad-dħul soġġetti għal għargħar rikorrenti f’ċerti perjodi tas-sena;

(c)mollijiet marittimi mdawra bl-irdumijiet;

(d)toroq tal-fruntieri li jaqsmu passaġġi għoljin;

(e)trasport ferrovjarju ta’ annimali u prodotti li jkun jeħtieġ li l-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkun jinsab fl-ewwel waqfa fi stazzjoni; jew

(f)punti ta’ dħul mingħajr art xierqa li tippermetti li l-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera u l-faċilitajiet tiegħu jkunu jistgħu jitqiegħdu fil-viċinanza immedjata tagħha.

3.Meta Stat Membru jiddeċiedi li jaħtar post ta’ kontroll fuq il-fruntiera wieħed jew aktar kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-ħatra għandha tkun soġġetta għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin: 

(a)id-distanza tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera mill-punt tad-dħul fl-Unjoni tkun proporzjonata mal-ħtieġa li jingħelbu l-limitazzjonijiet ġeografiċi u ma tmurx lil hinn minn dak il-bżonn; kif ukoll

(b)il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera u l-punt tad-dħul huma taħt il-kompetenza tal-istess awtorità doganali sabiex il-kunsinni jkunu jistgħu jiċċaqilqu mill-punt tad-dħul għall-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera mingħajr ma jitqiegħdu taħt proċedura doganali u jgħaddu minnha.

4.Il-post ta’ kontroll għandu jkun jinsab f’distanza suffiċjenti minn stabbilimenti jew postijiet fejn jinżammu jew jitkabbru annimali, pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra li huma suxxettibbli li jiġu infettati minn mard jew pesti trażmissibbli.

Artikolu 4
Eżenzjonijiet għal postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri għall-importazzjonijiet ta’ zkuk mhux ipproċessati u injam isserrat u mqatta’

1.L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 2 għandha tapplika għall-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera li, minħabba l-kosta jew il-fruntieri twal tal-Istat Membru kkonċernat, joperaw biss fil-ħin li jitwettqu l-kontrolli fuq il-kunsinni ta’ zkuk mhux ipproċessati u injam isserrat u mqatta’ (“il-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera kkonċernati”).

2.L-Istati Membri jistgħu jaħtru l-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera kkonċernati u jeżentawhom mill-obbligi msemmija fl-Artikolu 64(3)(a), (c) u (f) tar-Regolament (UE) Nru 2017/625, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)ikun hemm fis-seħħ arranġamenti li f’kull ħin jipprevjenu kwalunkwe dħul mhux identifikat fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ zkuk mhux ipproċessati u injam isserrat u mqatta’;

(b)il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera kkonċernat ikollu aċċess għal numru ta’ persunal suffiċjenti bi kwalifiki xierqa fl-għamla ta’ tim għall-kontrolli uffiċjali mobbli tal-awtoritajiet kompetenti, li jkun jista’ jasal fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera kkonċernata qabel il-wasla tal-kunsinni biex iwettaq kontrolli uffiċjali fuq zkuk mhux ipproċessati u injam isserrat u mqatta’;

(c)it-tim għall-kontrolli uffiċjali mobbli tal-awtoritajiet kompetenti jipprovdi jew ikollu aċċess immedjat għal:

(i)it-tagħmir, il-binjiet u l-faċilitajiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 64(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 2017/625; kif ukoll

(ii)it-teknoloġija u t-tagħmir tal-IT imsemmija fl-Artikolu 64(3)(f) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 5
Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 12.3.2019

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Jean-Claude JUNCKER

(1)    IR-REGOLAMENT (UE) 2017/625 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali).
(2)    ĠU L 93, 7.4.2017, p. 3.
Top