REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 22.10.2018
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91, u b’mod partikolari l-Artikolu 22(1) tiegħu,
Billi:
(1)L-Artikolu 25l(3)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 jippermetti li fl-istadji tat-tismin l-għalf naturali tal-gambli u tal-gambli tal-ilma ħelu (Macrobrachium spp.) jiġi supplimentat kif imsemmi fit-Taqsima 7 tal-Anness XIIIa ta’ dak ir-Regolament. Għal dawk il-gambli fl-istadji tal-ħajja aktar bikrin fil-mixtliet u fil-mafqsiet, is-supplimentazzjoni tal-għalf, b’mod partikolari l-ħtieġa ta’ kolesterol, hija essenzjali għall-iżvilupp tagħhom. Għalhekk huwa meħtieġ li s-supplimentazzjoni tal-għalf bil-kolesterol tiġi estiża għal dawk il-gambli fl-istadji aktar bikrin tal-ħajja tagħhom ukoll.
(2)Skont l-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 il-minerali (oligo-elementi inklużi), il-vitamini, l-aminoaċidi u l-mikronutrijenti, jistgħu jintużaw fl-ipproċessar tal-ikel organiku biss sakemm l-użu tagħhom ikun legalment meħtieġ fl-oġġetti tal-ikel li fihom huma inkorporati. Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-137/13, l-użu ta’ dawn is-sustanzi fl-ipproċessar tal-ikel organiku huwa legalment meħtieġ biss meta dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali kompatibbli miegħu tirrikjedi direttament li tiġi miżjuda sustanza f’oġġett tal-ikel sabiex dan l-oġġett tal-ikel jitqiegħed fis-suq.
(3)Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill se jippermetti l-użu tal-minerali (oligo-elementi inklużi), tal-vitamini, tal-aminoaċidi jew tal-mikronutrijenti fil-formula tat-trabi u fil-formula ta’ prosegwiment u fl-ikel organiku pproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u fl-ikel tat-trabi meta l-użu tagħhom ikun awtorizzat mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Sabiex jiġi evitat li jkun hemm diskrepanza bejn l-interpretazzjoni attwali tal-użu ta’ dawn is-sustanzi fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-leġiżlazzjoni organika li jmiss, huwa xieraq li l-użu tagħhom jiġi permess fil-produzzjoni tal-ikel tat-trabi organiku għat-trabi u għat-tfal żgħar.
(4)L-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 jippermetti, f’ċerti kundizzjonijiet u meta ma jkunx hemm disponibbli għattuq imkabbar b’mod organiku, li jintuża għattuq imkabbar b’mod mhux organiku għall-produzzjoni tal-bajd ta’ mhux aktar minn 18-il ġimgħa biex jiddaħħal f’unità ta’ bhejjem organiċi sal-31 ta’ Diċembru 2018.
(5)Il-produzzjoni tal-għattuq imkabbar b’mod organiku għall-produzzjoni tal-bajd mhijiex disponibbli fi kwantità u bi kwalità suffiċjenti fis-suq tal-Unjoni biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-bdiewa tat-tiġieġ li jbidu. Sabiex ikun hemm aktar ħin għall-produzzjoni ta’ għattuq imkabbar b’mod organiku għall-produzzjoni tal-bajd u sabiex jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-produzzjoni ta’ għattuq imkabbar b’mod organiku, il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ produzzjoni eċċezzjonali għall-għattuq imkabbar b’mod mhux organiku għall-produzzjoni tal-bajd ta’ mhux aktar minn 18-il ġimgħa jenħtieġ li jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2020.
(6)L-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 jippermetti l-użu ta’ massimu ta’ 5 % tal-għalf tal-proteini mhux organiku għall-ispeċijiet tal-ħnieżer u tat-tjur għal kull perjodu ta’ 12-il xahar għas-sena kalendarja 2018.
(7)Il-provvista tal-proteini organiċi mhijiex disponibbli fis-suq tal-Unjoni fi kwantità u bi kwalità suffiċjenti biex tissodisfa l-ħtiġijiet nutrizzjonali tal-ħnieżer u tat-tjur imrobbija fl-irziezet organiċi. Il-produzzjoni tal-għelejjel organiċi tal-proteini għadha lura meta mqabbla mad-domanda. Għalhekk huwa xieraq li l-perjodu li fih huwa permess li jintuża proporzjon limitat ta’ għalf tal-proteini mhux organiku għall-ispeċijiet tal-ħnieżer u tat-tjur jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2020.
(8)L-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jipprevedi l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar każijiet ta’ irregolaritajiet jew ksur li jaffettwaw l-istatus organiku ta’ prodott. L-esperjenza turi li l-għodod attwali għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni fil-każ li Stat Membru jsib xi irregolaritajiet jew ksur fir-rigward ta’ prodott li ġej minn dak l-Istat Membru, jridu jitjiebu. Sabiex jissaħħu l-effiċjenza u l-effettività, it-tali komunikazzjonijiet jenħtieġ li jsiru permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008.
(9)Skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, bosta Stati Membri ppreżentaw dossiers dwar ċertu sustanzi lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jiġu awtorizzati u inklużi fl-Annessi I, II u VIIIa tar-Regolament (KE) Nru 889/2008. Dawk id-dossiers ġew eżaminati mill-Grupp ta’ Esperti għall-Parir Tekniku dwar il-Produzzjoni Organika (EGTOP) u mill-Kummissjoni.
(10)Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-fertilizzanti l-EGTOP ikkonkluda, inter alia, li s-sustanzi “ġibs industrijali mill-produzzjoni taz-zokkor” fuq il-bażi tal-kannamiela u l-“ksilit” jikkonformaw mal-objettivi u l-prinċipji tal-produzzjoni organika. Għalhekk, dawk is-sustanzi jenħtieġ li jiġu inklużi fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 889/2008.
(11)Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu rigward il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti l-EGTOP ikkonkluda, inter alia, li s-sustanzi “Allium sativum (estratt tat-tewm)”, “COS-OGA”, “Salix spp. Cortex (magħruf ukoll bħala estratt tal-qoxra tas-siġra taż-żafżafa)” u l-“karbonat tal-idroġenu tas-sodju” jikkonformaw mal-objettivi u l-prinċipji tal-produzzjoni organika. Għalhekk, dawk is-sustanzi jenħtieġ li jiġu inklużi fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 889/2008.
(12)Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-prodotti u s-sustanzi li jintużaw jew jiżdiedu fil-prodotti organiċi matul ċerti stadji tal-proċess ta’ produzzjoni u bħala tip ta’ trattament skont l-Anness I A tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 fis-settur tal-inbid l-EGTOP ikkonkluda, inter alia, li s-sustanzi “proteini tal-patata”, “estratti tal-proteina tal-ħmira” u “Kitosan derivat mill-Aspergillus niger” għall-kjarifika (il-punt 10 tal-Anness I A tar-Regolament (KE) Nru 606/2009), “ħmira inattivata, awtoliżati tal-ħmira u qxur tal-ħmira” għaż-żieda (il-punt 15 ta’ dak l-Anness), “mannoproteini tal-ħmira”, u “Kitosan derivat mill-Aspergillus niger” għall-użu (il-punti 6, 35 u 44 ta’ dak l-Anness) jikkonformaw mal-objettivi u l-prinċipji tal-produzzjoni tal-produzzjoni organika. Għalhekk, dawk is-sustanzi jenħtieġ li jiġu inklużi fl-Anness VIIIa tar-Regolament (KE) Nru 889/2008.
(13)Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward ta’ prodotti għat-tindif u għad-diżinfezzjoni, l-EGTOP ikkonkluda, inter alia, li l-idrossidu tas-sodju jenħtieġ li jkun disponibbli wkoll għat-trobbija tan-naħal organika.
(14)Ghalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 889/2008 jiġi emendat skont dan.
(15)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:
(1) fl-Artikolu 25, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Għall-iskopijiet tat-tindif u d-diżinfezzjoni tal-kaxxi, tal-ġebħiet u tax-xehdiet, jista’ jintuża l-idrossidu tas-sodju.
Għall-iskop tal-protezzjoni tal-kaxxi, tal-ġebħiet u tax-xehdiet, b’mod partikolari minn organiżmi ta’ ħsara, rodentiċidi biss (għall-użu biss fin-nases), u prodotti xierqa elenkati fl-Anness II, huma permessi.
(2) fl-Artikolu 25l(3), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b) il-porzjon tal-għalf għall-gambli u għall-gambli tal-ilma ħelu (Macrobrachium spp.) imsemmi fit-Taqsima 7 tal-Anness XIIIa jista’ jinkludi massimu ta’ 25 % ta’ ħut mitħun u 10 % ta’ żejt tal-ħuta derivat mis-sajd sostenibbli. Sabiex ikunu żgurati l-ħtiġijiet tad-dieta kwantitattivi ta’ dawk il-gambli, il-kolesterol organiku jista’ jintuża biex jissupplimenta d-dieta tagħhom. Fejn ma jkunx disponibbli l-kolesterol organiku, jista’ jintuża l-kolesterol mhux organiku derivat mis-suf, mill-frott tal-baħar bil-qoxra jew minn sorsi oħrajn. L-opzjoni biex id-dieta tagħhom tiġi supplimentata bil-kolesterol tapplika fl-istadju tat-tismin kif ukoll fl-istadji aktar bikrin tal-ħajja fil-mixtliet u fil-mafqsiet.”;
(3) fl-Artikolu 27(1), il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(f) minerali (oligo-elementi inklużi), vitamini, aminoaċidi u mikronutrijenti, sakemm:
(i) l-użu tagħhom fl-ikel għall-konsum normali jkun ‘rekwiżit legali dirett’ fis-sens li jkun meħtieġ direttament mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, bil-konsegwenza li l-ikel ma jkun jista’ b’ebda mod jitqiegħed fis-suq bħala ikel għall-konsum normali jekk ma jiżdidux dawk il-minerali, il-vitamini, l-aminoaċidi jew il-mikronutrijent; jew
(ii) fir-rigward tal-ikel imqiegħed fis-suq bħala li għandu karatteristiċi jew effetti partikolari fir-rigward tas-saħħa jew in-nutrizzjoni jew fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi ta’ konsumaturi:
- f’prodotti imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, l-użu tagħhom ikun awtorizzat minn dak ir-Regolament u l-atti adottati abbażi tal-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament għall-prodotti kkonċernati,
- f’prodotti rregolati mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE**, l-użu tagħhom ikun awtorizzat minn dik id-Direttiva, jew
- f’prodotti rregolati mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE***, l-użu tagħhom ikun awtorizzat minn dik id-Direttiva.
*Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).
** Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE tal-5 ta’ Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar (ĠU L 339, 6.12.2006, p. 16).
*** Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE tat- 22 ta’ Diċembru 2006 dwar formuli tat-trabi u formuli tal-prosegwiment u li temenda d-Direttiva 1999/21/KE (ĠU L 401, 30.12.2006, p. 1). ”;
(4) fl-Artikolu 42(b), id-data l-“31 ta’ Diċembru 2018” hija sostitwita bid-data l-“31 ta’ Diċembru 2020”;
(5) fl-Artikolu 43, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Il-perċentwal massimu ta’ għalf mhux organiku tal-proteini awtorizzat għal kull perjodu ta’ 12-il xahar għal dawk l-ispeċijiet għandu jkun ta’ 5 % għas-snin kalendarji 2018, 2019 u 2020.”;
(6) fl-Artikolu 92a, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:
“1a Meta Stat Membru jsib irregolaritajiet jew ksur rigward l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ prodott li ġej minn dak l-Istat Membru u li jkollu indikazzjonijiet kif imsemmi fit-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 u t-Titolu III ta’ dan ir-Regolament jew fl-Anness XI ta’ dan ir-Regolament, u jekk it-tali irregolaritajiet jew ksur ikollhom implikazzjonijiet għal Stat Membru wieħed jew aktar, għandu jinnotifika lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri kkonċernati, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-Regolament.”;
(7) L-Anness I huwa sostitwit mit-test stipulat fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;
(8) L-Anness II huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;
(9) L-Anness VIIIa huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 22.10.2018
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER