Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2018)2205

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 fir-rigward tar-regoli proċedurali li jiffaċilitaw it-twaqqif tal-oriġini preferenzjali tal-merkanzija fl-Unjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 3510/80 u (KE) Nru 209/2005

C/2018/2205 final

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 18.4.2018

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 fir-rigward tar-regoli proċedurali li jiffaċilitaw it-twaqqif tal-oriġini preferenzjali tal-merkanzija fl-Unjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 3510/80 u (KE) Nru 209/2005

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 66(a) tiegħu,

Billi:

(1)Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 2 fost l-oħrajn jistabbilixxi regoli proċedurali, imsemmija fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (“il-Kodiċi”), li jiffaċilitaw it-twaqqif tal-oriġini preferenzjali tal-merkanzija fl-Unjoni.

(2)L-aħħar sentenza tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 bħalissa tirreferi għal applikazzjoni mutatis mutandis tas-Subtaqsimiet 2 sa 9 tat-Taqsima 2 ta’ dak ir-Regolament, li jikkonċernaw ir-regoli tal-oriġini għall-iskema tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (GSP) tal-Unjoni. Iżda wħud biss mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn is-subtaqsimiet huma rilevanti fil-kuntest tar-reġistrazzjoni tal-esportaturi barra mill-qafas tal-iskema tal-GSP tal-Unjoni. Għaldaqstant dawk id-dispożizzjonijiet jixraq jiġu speċifikati. Peress li l-obbligu tal-Kummissjoni li lill-pajjiżi terzi li l-Unjoni jkollha arranġament preferenzjali magħhom tipprovdilhom l-indirizzi tal-awtoritajiet doganali responsabbli għall-verifika ta’ dokument tal-orġini mimli minn esportatur irreġistrat joħroġ, fi kwalunkwe każ, mid-dispożizzjonijiet tal-arranġament ikkonċernat, jenħtieġ li dan ma jibqax jiġi stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 li jippermetti b’mod proviżorju li esportatur approvat fl-Unjoni li ma jkunx irreġistrat jimla dokument tal-orġini sar obsolit u jenħtieġ jitneħħa. Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u konsistenza fost l-arranġamenti preferenzjali, jenħtieġ li l-merkanzija żgħira li ma tiġix importata bil-kummerċ tkun eżentata mill-preżentazzjoni ta’ dokument tal-oriġini meta din l-eżenzjoni tkun permessa iżda ma tkunx stabbilita direttament fl-arranġament preferenzjali. Meta wieħed iqis li hemm modi oħra li jidentifikaw l-esportatur u li l-firma fl-Unjoni ma tikkontribwix għall-istatus ġuridiku ta’ dokument tal-oriġini, jenħtieġ li l-esportaturi ma jintalbux jiffirmaw dan id-dokument, meta dan ikun permess iżda ma jkunx stabbilit direttament fl-arranġament preferenzjali.

(3)Jenħtieġ li r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 69 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 dwar is-sostituzzjoni tal-provi tal-oriġini preferenzjali maħruġa jew magħmula barra mill-qafas tal-iskema tal-GSP tal-Unjoni japplikaw b’mod usa’ għad-dokumenti tal-oriġini. Barra minn hekk, jenħtieġ tiġi ċċarata l-forma kif dokument ta’ sostituzzjoni tal-oriġini jista’ jinħareġ jew isir.

(4)Jenħtieġ jiġu stabbiliti regoli bil-għan li jiffaċilitaw it-twaqqif tal-oriġini preferenzjali fl-Unjoni ta’ prodotti pproċessati miksuba minn oġġetti bi status ta’ oriġini preferenzjali. Peress li dawk ir-regoli għandhom l-għan li jevitaw li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jġarrbu konsegwenzi negattivi u mhux intenzjonati minħabba li fil-Kodiċi l-proċedura ta’ proċessar bil-kontroll doganali titwaħħad mal-proċedura ta’ proċessar attiv, dawn jenħtieġ japplikaw b’mod retroattiv mid-data tal-applikazzjoni tal-Kodiċi.

(5)L-Artikolu 80(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 jenħtieġ jinkludi referenza għal Anness 22-06A ġdid li jkun fih il-formola tal-applikazzjoni li jridu jużaw l-esportaturi tal-Istati Membri biex jirreġistraw fis-sistema REX, ħalli l-Anness 22-06 jitħalla għar-reġistrazzjoni tal-esportaturi fil-pajjiżi benefiċjarji tal-GSP. Għaldaqstant, dan l-Anness 22-06A il-ġdid jenħtieġ jiddaħħal fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447, filwaqt li l-Anness 22-06 ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ jiġi emendat skont dan. Anki l-Artikoli 82, 83 u 86 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2447 jenħtieġ jiġu emendati minħabba l-introduzzjoni tal-Anness 22-06A il-ġdid. Meta wieħed iqis li hemm modi oħra li jidentifikaw l-esportatur u li l-firma fl-Unjoni ma tikkontribwix għall-istatus ġuridiku tad-dokument, jenħtieġ li l-esportaturi ma jintalbux jiffirmaw id-dikjarazzjoni tal-oriġini msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447. Jenħtieġ li l-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu japplikaw mutatis mutandis għad-dikjarazzjonijiet tal-oriġini magħmula mill-esportaturi fl-Unjoni, mhux biss għall-finijiet tal-akkumulazzjoni bilaterali msemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446, iżda anki biex tiġi dikjarata l-oriġini tal-merkanzija esportata lejn pajjiż benefiċjarju tal-iskemi tal-GSP tan-Norveġja, tal-Iżvizzera jew tat-Turkija għall-finijiet tal-akkumulazzjoni ma’ materjali li joriġinaw fl-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-Artikolu 92 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 jiġi emendat skont dan.

(6)Jenħtieġ li l-Anness 22-07 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 jiġi emendat biex jispeċifika s-simbolu li għandu juri l-esportatur meta d-dikjarazzjoni tal-oriġini jkollha x’taqsam ma’ prodotti li joriġinaw f’Ceuta u Melilla. Jenħtieġ jiġi emendat ukoll biex ikun jirrifletti li meta d-dikjarazzjoni tal-oriġini jkollha x’taqsam ma’ prodotti li joriġinaw fl-Unjoni, l-esportatur għandu jindika l-oriġini bis-simbolu “EU”.

(7)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3510/80 3 sar obsolit għax id-dispożizzjonijiet previsti f’dak ir-Regolament inbidlu b’dispożizzjonijiet previsti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447. Għalhekk jenħtieġ li dan jitħassar għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt u trasparenza.

(8)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 209/2005 4 jagħti derogi mill-obbligu stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1541/98 5 li tiġi ppreżentata l-prova tal-oriġini għall-prodotti tat-tessuti li jidħlu fit-Taqsima XI tan-Nomenklatura Magħquda. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1541/98 inbidel bir-Regolament (KE) Nru 955/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 . Għalhekk ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 209/2005 sar obsolit u jenħtieġ jitħassar għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt u trasparenza.

(9)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 hu emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 68 hu emendat kif ġej:

(a)l-aħħar sentenza tal-paragrafu 1 tinbidel b’dan li ġej:

“L-Artikoli 80, 82, 83, 84, 86, 87, 89 u 91 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

(b)fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 2, il-kliem “Artikoli 10 u 15” jinbidlu bil-kliem “Artikoli 10(1) u 15”.

(c)jitħassru l-paragrafi 3 u 5.

(d)jiddaħħlu dawn il-paragrafi 6 u 7 ġodda li ġejjin:

“6.    Meta arranġament preferenzjali jippermetti lill-Unjoni teżenta prodotti oriġinarji mir-rekwiżit li jipprovdu dokument tal-oriġini, dik l-eżenzjoni għandha tapplika skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 103, sa fejn dawk il-kundizzjonijiet ma jkunux previsti fl-arranġament preferenzjali kkonċernat.

7.    Meta arranġament preferenzjali jippermetti li l-Unjoni tirrinunzja r-rekwiżit li d-dokument tal-oriġini jkollu l-firma tal-esportatur, din il-firma ma għandhiex tintalab.”

(2)L-Artikolu 69 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 69

Is-sostituzzjoni tad-dokumenti tal-oriġini maħruġa jew magħmula barra mill-qafas tal-iskema tal-GSP tal-Unjoni

(l-Artikolu 64(1) tal-Kodiċi)

1.Meta l-prodotti oriġinarji koperti b’dokument tal-oriġini maħruġ jew magħmul preċedentement għall-finijiet ta’ miżura ta’ tariffa preferenzjali kif imsemmi fl-Artikolu 56(2)(d) jew (e) tal-Kodiċi, għajr l-iskema tal-GSP tal-Unjoni, ikunu għadhom ma ġewx rilaxxati fiċ-ċirkolazzjoni libera u jitqiegħdu fil-kontroll ta’ uffiċċju doganali fl-Unjoni, id-dokument inizjali tal-oriġini jista’ jinbidel b’dokument wieħed jew aktar ta’ sostituzzjoni tal-oriġini għall-finijiet biex dawk il-prodotti kollha jew uħud minnhom jintbagħtu band’oħra fl-Unjoni.

2.Id-dokument ta’ sostituzzjoni tal-oriġini msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jinħareġ jew isir b’xi waħda minn dawn li ġejjin, bl-istess għamla tad-dokument inizjali tal-oriġini jew bl-għamla ta’ dokument ta’ sostituzzjoni tal-oriġini, imfassal mutatis mutandis skont l-Artikolu 101 u l-Anness 22-20:

(a)    esportatur approvat jew irreġistrat fl-Unjoni u li jikkonsenja l-prodotti mill-ġdid;

(b)     rikonsenjatur tal-merkanzija fl-Unjoni meta l-valur totali tal-prodotti oriġinarji fil-kunsinna inizjali li trid tinqasam ma jkunx jaqbeż il-limitu tal-valur applikabbli;

(c)    rikonsenjatur tal-merkanzija fl-Unjoni meta l-valur totali tal-prodotti oriġinarji fil-kunsinna inizjali li trid tinqasam ikun jaqbeż il-limitu tal-valur applikabbli u rikonsenjatur jehmeż kopja tad-dikjarazzjoni inizjali tal-oriġini mad-dokument ta’ sostituzzjoni tal-oriġini.

Meta s-sostituzzjoni tad-dokument inizjali tal-oriġini ma tkunx tista’ ssir skont l-ewwel subparagrafu, id-dokument ta’ sostituzzjoni tal-oriġini msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jinħareġ jew isir bil-għamla ta’ ċertifikat tal-moviment EUR.1 mill-uffiċċju doganali li fil-kontroll tiegħu jitqiegħdu l-oġġetti.

3.Meta d-dokument ta’ sostituzzjoni tal-oriġini jkun ċertifikat tal-moviment EUR.1, l-approvazzjoni tal-uffiċċju doganali li joħroġ iċ-ċertifikat tal-moviment ta’ sostituzzjoni EUR.1 għandha titqiegħed fil-kaxxa 11 taċ-ċertifikat. Id-dettalji fil-kaxxa 4 taċ-ċertifikat dwar il-pajjiż tal-oriġini għandhom ikunu l-istess bħad-dettalji fid-dokument inizjali tal-oriġini. Il-kaxxa 12 għandha tiġi ffirmata mir-rikonsenjatur. Ir-rikonsenjatur li jiffirma l-kaxxa 12 b’bona fede ma għandux ikun responsabbli għall-preċiżjoni tad-dettalji mniżżla fid-dokument inizjali tal-oriġini.

L-uffiċċju doganali li jintalab joħroġ iċ-ċertifikat tal-moviment ta’ sostituzzjoni EUR.1 għandu jniżżel fid-dokument inizjali tal-oriġini jew fuq dokument mehmuż miegħu, il-piżijiet, l-għadd, in-natura tal-prodotti kkonsenjati u l-pajjiż tad-destinazzjoni tagħhom u jindika fuqhom in-numri tas-serje taċ-ċertifikat jew ċertifikati ta’ sostituzzjoni korrispondenti. Dan għandu jżomm id-dokument inizjali tal-oriġini għal mill-inqas 3 snin.”

(3)Għandu jiddaħħal dan l-Artikolu 69a.

“Artikolu 69a

L-oriġini preferenzjali ta’ prodotti pproċessati miksuba minn oġġetti bi status ta’ oriġini preferenzjali

(l-Artikolu 64(1) tal-Kodiċi)

1.Meta merkanzija li mhix tal-Unjoni u li jkollha status ta’ oriġini preferenzjali fil-qafas ta’ arranġament preferenzjali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, titqiegħed fil-proċedura ta’ proċessar attiv, il-prodotti pproċessati miksuba minnha għandhom jitqiesu, meta jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera, li għandhom l-istess status ta’ oriġini preferenzjali bħal dawk l-oġġetti.

2.Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

(a)l-operazzjoni ta’ proċessar tinvolvi wkoll il-merkanzija li mhix tal-Unjoni għajr dik imsemmija fil-paragrafu 1, inkluż l-oġġetti bi status ta’ oriġini preferenzjali skont arranġament preferenzjali differenti;

(b)il-prodotti proċessati jkunu nkisbu minn oġġetti ekwivalenti kif imsemmi fl-Artikolu 223 tal-Kodiċi;

(c)l-awtoritajiet doganali jkunu awtorizzaw esportazzjoni mill-ġdid temporanja tal-oġġetti għal aktar proċessar skont l-Artikolu 258 tal-Kodiċi.

3.Meta jkun japplika l-paragrafu 1, id-dokument tal-oriġini maħruġ jew magħmul għal merkanzija mqiegħda fil-proċedura ta’ proċessar attiv għandu jitqies bħala dokument tal-oriġini maħruġ jew magħmul għall-prodotti proċessati.”;

(4)L-Artikolu 80 hu emendat kif ġej:

il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2. Mal-wasla tal-formola tal-applikazzjoni mimlija li tissemma fl-Anness 22-06, l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi benefiċjarji għandhom jassenjaw mingħajr dewmien in-numru tal-esportatur reġistrat lill-esportatur, u fis-sistema REX iniżżlu n-numru tal-esportatur reġistrat, id-dejta tar-reġistrazzjoni u d-data minn meta r-reġistrazzjoni tkun valida skont l-Artikolu 86(4).

Mal-wasla tal-formola tal-applikazzjoni mimlija li tissemma fl-Anness 22-06A, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jassenjaw mingħajr dewmien in-numru tal-esportatur reġistrat lill-esportatur jew, meta xieraq, lir-rikonsenjatur tal-merkanzija, u fis-sistema REX iniżżlu n-numru tal-esportatur reġistrat, id-dejta tar-reġistrazzjoni u d-data minn meta r-reġistrazzjoni tkun valida skont l-Artikolu 86(4).

L-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż benefiċjarju jew l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru għandhom jgħarrfu lill-esportatur jew, meta xieraq, lir-rikonsenjatur tal-merkanzija dwar in-numru tal-esportatur reġistrat assenjat lil dak l-esportatur jew ir-rikunsinnant tal-merkanzija u dwar id-data minn meta r-reġistrazzjoni tkun valida.

(5)L-Artikolu 82 hu emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 7 jinbidel b’dan li ġej:

“7. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din id-dejta li ġejja disponibbli għall-pubbliku bil-kundizzjoni li l-esportatur ikun ta l-kunsens bil-firma fil-kaxxa 6 tal-formola stabbilita fl-Anness 22-06 jew fl-Anness 22-06A, kif applikabbli:

(a)isem l-esportatur reġistrat kif speċifikat fil-kaxxa 1 tal-formola stabbilita fl-Anness 22-06 jew tal-Anness 22-06A, kif xieraq;

(b)l-indirizz ta’ fejn hu stabbilit l-esportatur reġistrat kif speċifikat fil-kaxxa 1 tal-formola stabbilita fl-Anness 22-06 jew fl-Anness 22-06A, kif xieraq;

(c)id-dettalji tal-kuntatt kif speċifikat fil-kaxxa 1 u fil-kaxxa 2 tal-formola stabbilita fl-Anness 22-06 jew fl-Anness 22-06A, kif xieraq;

(d)deskrizzjoni indikattiva tal-oġġetti li jikkwalifikaw għal trattament preferenzjali, inkluż lista indikattiva ta’ intestaturi jew kapitoli tas-Sistema Armonizzata, kif speċifikat fil-kaxxa 4 tal-formola stabbilita fl-Anness 22-06 jew fl-Anness 22-06A, kif xieraq;

(e)in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI) tal-esportatur reġistrat kif speċifikat fil-kaxxa 1 tal-formola stabbilita fl-Anness 22-06A, jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-kummerċjant (TIN) tal-esportatur reġistrat kif speċifikat fil-kaxxa 1 tal-formola stabbilita fl-Anness 22-06;

(f)jekk l-esportatur reġistrat hux kummerċjant jew produttur kif speċifikat fil-kaxxa 3 tal-formola stabbilita fl-Anness 22-06 jew fl-Anness 22-06A, kif xieraq.

Ir-rifjut tal-iffirmar tal-kaxxa 6 ma għandux jikkostitwixxi raġuni għal rifjut tar-reġistrazzjoni tal-esportatur.

(b)fil-paragrafu 8, jiddaħħal dan il-punt (b) li ġej wara l-punt (a), u l-punti (b) sa (e) attwali jingħataw enumerar ġdid kif xieraq:

“(b)    id-data tar-reġistrazzjoni tal-esportatur reġistrat;”

(6)L-Artikolu 83 hu emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 2, jiżdied il-kliem “jew fl-Anness 22-06A” wara l-kliem “fl-Anness 22-06”.

(b)fil-paragrafu 4, jiżdied il-kliem “jew fl-Anness 22-06A” wara l-kliem “fl-Anness 22-06”.

(7)Fl-Artikolu 86(2), il-kliem “fl-Anness 22-06” jinbidel bil-kliem “fl-Anness 22-06A”.

(8)L-Artikolu 92 hu emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 3 jiżdied dan is-subparagrafu li ġej:

“L-esportatur ma għandux jintalab jiffirma d-dikjarazzjoni tal-oriġini.”;

(b)il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan li ġej:

(a)    id-dikjarazzjonijiet tal-oriġini magħmula fl-Unjoni għall-finijiet tal-akkumulazzjoni bilaterali kif imsemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446;

(b)    id-dikjarazzjonijiet tal-oriġini tal-merkanzija esportata lejn pajjiż benefiċjarju tal-iskemi tal-GSP tan-Norveġja, tal-Iżvizzera jew tat-Turkija għall-finijiet tal-akkumulazzjoni ma’ materjali li joriġinaw fl-Unjoni.”;

(9)L-Anness 22-06 jinbidel bit-test stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

(10)Wara l-Anness 22-06, jiddaħħal Anness 22-06A ġdid kif stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(11)Fl-Anness 22-07, in-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna tinbidel b’dan li ġej:

“(5) Il-pajjiż tal-oriġini tal-merkanzija li jrid jiġi indikat. Meta d-dikjarazzjoni tal-oriġini jkollha x’taqsam ma’ prodotti li joriġinaw fl-Unjoni, l-esportatur għandu jindika l-oriġini bis-simbolu “EU”. Meta d-dikjarazzjoni tal-oriġini jkollha x’taqsam, għalkollox jew parzjalment, mal-prodotti li joriġinaw minn Ceuta u Melilla kif imsemmi fl-Artikolu 112 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447, l-esportatur għandu jindika l-oriġini bis-simbolu “CM”.”.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KEE) Nru 3510/80 hu mħassar.

Artikolu 3

Ir-Regolament (KE) Nru 209/2005 hu mħassar.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt 3 tal-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18.4.2018

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Jean-Claude JUNCKER

(1)    ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).
(3)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3510/80 tat-23 ta’ Diċembru 1980 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti li joriġinaw għal skopijiet tal-applikazzjoni ta’ preferenzi tariffarji mogħtija mill-Komunità Ekonomika Ewropea fir-rigward ta’ ċerti prodotti minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (ĠU L 368, 31.12.1980, p. 1).
(4)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 209/2005 tas-7 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi l-lista tal-prodotti tat-tessuti li għalihom m’hemmx il-ħtieġa tal-prova tal-oriġini meta jinħarġu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità (ĠU L 34, 8.2.2005, p. 6.)
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1541/98 tat-13 ta’ Lulju 1998 dwar il-prova tal-oriġini ta’ ċerti prodotti tessili li jidħlu fit-Taqsima XI tan-Nomenklatura Magħquda u rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità, u dwar il-kundizzjonijiet tal-aċċettazzjoni ta’ din il-prova (ĠU L 202, 18.7.1998, p. 11).
(6)    Ir-Regolament (UE) Nru 955/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2011 li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1541/98 dwar il-prova tal-oriġini ta’ ċerti prodotti tessili li jidħlu fit-Taqsima XI tan-Nomenklatura Magħquda u rilaxxjati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità u dwar il-kundizzjonijiet tal-aċċettazzjoni ta’ din il-prova, u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3030/93 dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tat-tessuti minn pajjiżi terzi (ĠU L 259, 4.10.2011, p. 5).
Top

MT

ANNESS I

ANNESS II

“Anness 22-06

Applikazzjoni biex wieħed isir esportatur reġistrat

għall-fini tal-iskemi tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (GSP) tal-Unjoni Ewropea, tan-Norveġja, tal-Iżvizzera u tat-Turkija(1)

1. Isem l-esportatur, l-indirizz sħiħ u l-pajjiż, id-dettalji tal-kuntatt, u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-kummerċjant (TIN).

2. Dettalji tal-kuntatt addizzjonali inkluż in-numri tat-telefown u tal-feks, u l-email meta disponibbli (fakultattiv).

3. Speċifika jekk l-attività ewlenija hix produzzjoni jew kummerċ.

4. Deskrizzjoni indikattiva tal-merkanzija li tikkwalifika għal trattament preferenzjali, inkluż il-lista indikattiva tal-intestaturi tas-Sistema Armonizzata (jew il-kapitoli meta l-merkanzija kummerċjalizzata tkun taqa’ f’aktar minn għoxrin intestatura tas-Sistema Armonizzata).

5. L-impenji li jrid jagħmel esportatur

Il-firmatarju hawn taħt, b’dan:

- jiddikjara li d-dettalji ta’ hawn fuq huma korretti;

- jiċċertifika li ma ġiet revokata l-ebda reġistrazzjoni preċedenti; min-naħa l-oħra, jiċċertifika li ssolviet is-sitwazzjoni li wasslet għal din ir-revoka;

- jimpenja ruħu li jagħmel dikjarazzjonijiet tal-oriġini biss għall-merkanzija li tikkwalifika għal trattament preferenzjali u li tkun konformi mar-regoli tal-oriġini speċifikati għal dik il-merkanzija fis-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (GSP);

- jimpenja ruħu li jżomm reġistri xierqa tal-kontabbiltà kummerċjali għall-produzzjoni/provvista ta’ merkanzija li tikkwalifika għal trattament preferenzjali u li jżommhom għal mill-inqas tliet snin minn tmiem is-sena kalendarja li matulha tkun saret id-dikjarazzjoni tal-oriġini;

- jimpenja ruħu li jinnotifika minnufih lill-awtorità kompetenti bil-bidliet malli jsiru fid-data tar-reġistrazzjoni tiegħu minn meta jkun akkwista n-numru ta’ esportatur reġistrat;

- jimpenja ruħu li jikkopera mal-awtorità kompetenti;

- jimpenja ruħu li jaċċetta kwalunkwe kontroll dwar il-preċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet tiegħu tal-oriġini, inkluż verifiki tar-reġistri tal-kontabbiltà u żjarat fuq il-post tiegħu mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, kif ukoll mill-awtoritajiet tan-Norveġja, tal-Iżvizzera u tat-Turkija;

- jimpenja ruħu li jitlob ir-revoka tar-reġistrazzjoni tiegħu fis-sistema, jekk ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-esportazzjoni ta’ merkanzija skont l-iskema;

- jimpenja ruħu li jitlob ir-revoka tar-reġistrazzjoni tiegħu fis-sistema, jekk ma jkunx beħsiebu jesporta l-merkanzija skont l-iskema.

____________________________________________________

Il-post, id-data, il-firma tal-firmatarju awtorizzat, l-isem u t-titlu tal-impjieg (2)

6. Il-kunsens infurmat u speċifiku minn qabel tal-esportatur għall-pubblikazzjoni tad-dejta tiegħu fuq is-sit web pubbliku

Il-firmatarju hawn taħt, b’dan hu infurmat li l-informazzjoni mogħtija f’din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi żvelata lill-pubbliku permezz tas-sit web pubbliku. Il-firmatarju hawn taħt jaċċetta l-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni fuq is-sit web pubbliku. Il-firmatarju hawn taħt jista’ jirtira l-kunsens tiegħu għall-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni fuq is-sit web pubbliku billi jibgħat talba lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għar-reġistrazzjoni.

____________________________________________________

Il-post, id-data, il-firma tal-firmatarju awtorizzat, l-isem u t-titlu tal-impjieg (2)

7. Kaxxa għal użu uffiċjali mill-awtorità kompetenti

L-applikant hu rreġistrat b’dan in-numru li ġej:

In-numru tar-reġistrazzjoni ______________________________

Id-data tar-reġistrazzjoni _______________________________

Id-data minn meta r-reġistrazzjoni tkun valida _____________________________

Firma u timbru (2)_______________________________

Avviż informattiv

dwar il-protezzjoni u l-ipproċessar tad-dejta personali inkorporata fis-sistema

1.Meta l-Kummissjoni Ewropea tipproċessa d-dejta personali inkluża f’din l-applikazzjoni biex wieħed isir esportatur reġistrat, se japplika r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż benefiċjarju jew ta’ pajjiż terz li jimplimentaw id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, jipproċessaw id-dejta personali li jkun hemm f’applikazzjoni biex wieħed isir esportatur reġistrat, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw dik id-Direttiva.

2.Id-dejta personali fejn tidħol l-applikazzjoni biex wieħed isir esportatur reġistrat tiġi pproċessata għall-finijiet tar-regoli dwar l-oriġini tal-GSP tal-Unjoni kif definit fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Din il-leġiżlazzjoni li tipprevedi r-regoli dwar l-oriġini tal-GSP tal-Unjoni tifforma l-bażi ġuridika għall-ipproċessar tad-dejta personali fejn tidħol l-applikazzjoni biex wieħed isir esportatur reġistrat.

3.L-awtorità kompetenti f’pajjiż fejn tkun ġiet preżentata l-applikazzjoni hi l-kontrollur tal-ipproċessar tad-dejta fis-sistema REX.

Il-lista tal-awtoritajiet kompetenti hi ppubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

4.L-aċċess għad-dejta kollha ta’ din l-applikazzjoni jingħata b’ID u password lill-utenti fil-Kummissjoni, lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi benefiċjarji u lill-awtoritajiet doganali fl-Istati Membri, fin-Norveġja, fl-Iżvizzera u fit-Turkija.

5.Id-dejta ta’ reġistrazzjoni revokata għandhom iżommuha l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż benefiċjarju fis-sistema REX għal għaxar snin kalendarji. Dan il-perjodu għandu jibda minn tmiem is-sena meta tkun saret ir-revoka tar-reġistrazzjoni.

6.Is-suġġett tad-dejta għandu d-dritt ta’ aċċess għad-dejta dwaru li tiġi pproċessata fis-sistema REX u, meta xieraq, id-dritt li jirrettifika, iħassar jew jibblokka d-dejta skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 jew il-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE. Kull talba għal dritt għal aċċess, rettifika, tħassir jew blokkar għandha ssir lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż benefiċjarju responsabbli mir-reġistrazzjoni, kif xieraq, u għandha tiġi pproċessata minnhom. Meta l-esportatur reġistrat jippreżenta talba lill-Kummissjoni biex jeżerċita dak id-dritt, il-Kummissjoni għandha tibgħat dawn it-talbiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż benefiċjarju kkonċernat. Jekk l-esportatur reġistrat ma jirnexxilux jikseb id-drittijiet tiegħu mingħand il-kontrollur tad-dejta, l-esportatur reġistrat għandu jibgħat din it-talba lill-Kummissjoni li tkun qed taġixxi bħala kontrollur. Il-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt li tirrettifika, tħassar jew tibblokka d-dejta.

7.L-ilmenti jistgħu jiġu indirizzati lill-awtorità nazzjonali rilevanti għall-protezzjoni tad-dejta. Id-dettalji tal-kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea, fil-paġna tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:
( http://ec.europa.eu/justice/data-protection/ bodies/authorities/eu/index_en.htm#h2-1). 
Meta l-ilment jikkonċerna l-ipproċessar tad-dejta mill-Kummissjoni Ewropea, dan jenħtieġ jindirizzah il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (il-KEPD) ( http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/ ).

(1)    Din il-formola tal-applikazzjoni hi komuni għall-iskemi tal-GSP ta’ erba’ entitajiet: l-Unjoni (l-UE), in-Norveġja, l-Iżvizzera u t-Turkija (“l-entitajiet”). Iżda nnota li l-iskemi tal-GSP rispettivi ta’ dawn l-entitajiet jistgħu jvarjaw mil-lat ta’ kopertura tal-pajjiżi u tal-prodotti. Għaldaqstant, reġistrazzjoni partikolari se tkun effettiva biss għall-finijiet tal-esportazzjonijiet skont l-iskema/i tal-GSP li jikkunsidraw lil pajjiżek bħala pajjiż benefiċjarju.

(2)    Meta l-applikazzjonijiet biex wieħed isir esportatur reġistrat jew skambji oħrajn ta’ informazzjoni bejn l-esportaturi reġistrati u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi benefiċjarji jew l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jsiru bit-tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-dejta, il-firma u t-timbru msemmija fil-kaxxi 5, 6 u 7 għandhom jinbidlu b’awtentikazzjoni elettronika.”

“Anness 22-06A

Applikazzjoni biex wieħed isir esportatur reġistrat

għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ esportaturi tal-Istati Membri

1. Isem l-esportatur, l-indirizz sħiħ u l-pajjiż, id-dettalji tal-kuntatt, u n-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI).

2. Dettalji tal-kuntatt addizzjonali inkluż in-numri tat-telefown u tal-feks, u l-email meta disponibbli (fakultattiv).

3. Speċifika jekk l-attività ewlenija hix produzzjoni jew kummerċ.

4. Deskrizzjoni indikattiva tal-merkanzija li tikkwalifika għal trattament preferenzjali, inkluż il-lista indikattiva tal-intestaturi tas-Sistema Armonizzata (jew il-kapitoli meta l-merkanzija kummerċjalizzata tkun taqa’ f’aktar minn għoxrin intestatura tas-Sistema Armonizzata).

5. L-impenji li jrid jagħmel esportatur

Il-firmatarju hawn taħt, b’dan:

- jiddikjara li d-dettalji ta’ hawn fuq huma korretti;

- jiċċertifika li ma ġiet revokata l-ebda reġistrazzjoni preċedenti; min-naħa l-oħra, jiċċertifika li ssolviet is-sitwazzjoni li wasslet għal din ir-revoka;

- jimpenja ruħu li jagħmel dikjarazzjonijiet tal-oriġini u dokumenti oħra tal-oriġini għall-merkanzija biss li tikkwalifika għal trattament preferenzjali u li tkun konformi mar-regoli tal-oriġini speċifikati għal dik il-merkanzija fl-arranġament preferenzjali kkonċernat;

- jimpenja ruħu li jżomm reġistri xierqa tal-kontabbiltà kummerċjali għall-produzzjoni/provvista ta’ merkanzija li tikkwalifika għal trattament preferenzjali u li jżommhom għal kemm jeżiġi l-arranġament preferenzjali kkonċernat, u għal mill-inqas tliet snin minn tmiem is-sena kalendarja li matulha jkunu saru d-dikjarazzjoni tal-oriġini jew id-dokument l-ieħor tal-oriġini;

- jimpenja ruħu li jinnotifika minnufih lill-awtorità doganali bil-bidliet malli jsiru fid-data tar-reġistrazzjoni tiegħu minn meta jkun akkwista n-numru ta’ esportatur reġistrat;

- jimpenja ruħu li jikkopera mal-awtorità doganali;

- jimpenja ruħu li jaċċetta kwalunkwe kontroll dwar il-preċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet tiegħu tal-oriġini jew tad-dokumenti l-oħra tal-oriġini, inkluż verifiki tar-reġistri tal-kontabbiltà u żjarat fuq il-post tiegħu mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-awtoritajiet tal-Istati Membri;

- jimpenja ruħu li jitlob ir-revoka tar-reġistrazzjoni tiegħu fis-sistema, jekk ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-sistema REX;

- jimpenja ruħu li jitlob ir-revoka tar-reġistrazzjoni tiegħu fis-sistema, jekk ma jkunx beħsiebu juża s-sistema REX.

____________________________________________________

Il-post, id-data, il-firma tal-firmatarju awtorizzat, l-isem u t-titlu tal-impjieg (1)

6. Il-kunsens infurmat u speċifiku minn qabel tal-esportatur għall-pubblikazzjoni tad-dejta tiegħu fuq is-sit web pubbliku

Il-firmatarju hawn taħt, b’dan hu infurmat li l-informazzjoni mogħtija f’din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi żvelata lill-pubbliku permezz tas-sit web pubbliku. Il-firmatarju hawn taħt jaċċetta l-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni fuq is-sit web pubbliku. Il-firmatarju hawn taħt jista’ jirtira l-kunsens tiegħu għall-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni fuq is-sit web pubbliku billi jibgħat talba lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għar-reġistrazzjoni.

____________________________________________________

Il-post, id-data, il-firma tal-firmatarju awtorizzat, l-isem u t-titlu tal-impjieg (1)

7. Kaxxa għal użu uffiċjali mill-awtorità doganali

L-applikant hu rreġistrat b’dan in-numru li ġej:

In-numru tar-reġistrazzjoni ______________________________

Id-data tar-reġistrazzjoni _______________________________

Id-data minn meta r-reġistrazzjoni tkun valida _____________________________

Firma u timbru (1)_______________________________

Avviż informattiv

dwar il-protezzjoni u l-ipproċessar tad-dejta personali inkorporata fis-sistema

1.Meta l-Kummissjoni Ewropea tipproċessa d-dejta personali inkluża f’din l-applikazzjoni biex wieħed isir esportatur reġistrat, se japplika r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta.

2.Id-dejta personali fejn tidħol l-applikazzjoni biex wieħed isir esportatur reġistrat tiġi pproċessata għall-finijiet tar-regoli dwar l-oriġini tal-arranġamenti kummerċjali preferenzjali rilevanti tal-Unjoni. Ir-regoli dwar l-oriġini stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 jifformaw il-bażi ġuridika għall-ipproċessar tad-dejta personali fejn tidħol l-applikazzjoni biex wieħed isir esportatur reġistrat.

3.L-awtorità doganali f’pajjiż fejn tkun ġiet preżentata l-applikazzjoni hi l-kontrollur tal-ipproċessar tad-dejta fis-sistema REX.

Il-lista tad-dipartimenti doganali tinsab fuq is-sit web tal-Kummissjoni:

4.L-aċċess għad-dejta kollha ta’ din l-applikazzjoni jingħata b’ID u password lill-utenti fil-Kummissjoni, u lill-awtoritajiet doganali fl-Istati Membri, fin-Norveġja, fl-Iżvizzera u fit-Turkija.

5.Id-dejta ta’ reġistrazzjoni revokata għandha tinżamm mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fis-sistema REX għal għaxar snin kalendarji. Dan il-perjodu għandu jibda minn tmiem is-sena meta tkun saret ir-revoka tar-reġistrazzjoni.

6.Is-suġġett tad-dejta għandu d-dritt ta’ aċċess għad-dejta dwaru li tiġi pproċessata fis-sistema REX u, meta xieraq, id-dritt li jirrettifika, iħassar jew jibblokka d-dejta skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 jew il-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta. Kull talba għal dritt għal aċċess, rettifika, tħassir jew blokkar għandha ssir lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri responsabbli mir-reġistrazzjoni, kif xieraq, u għandha tiġi pproċessata minnhom. Meta l-esportatur reġistrat jippreżenta talba lill-Kummissjoni biex jeżerċita dak id-dritt, il-Kummissjoni għandha tibgħat dawn it-talbiet lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kkonċernati, rispettivament. Jekk l-esportatur reġistrat ma jirnexxilux jikseb id-drittijiet tiegħu mingħand il-kontrollur tad-dejta, l-esportatur reġistrat għandu jibgħat din it-talba lill-Kummissjoni li tkun qed taġixxi bħala kontrollur. Il-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt li tirrettifika, tħassar jew tibblokka d-dejta.

7.L-ilmenti jistgħu jiġu indirizzati lill-awtorità nazzjonali rilevanti għall-protezzjoni tad-dejta. Id-dettalji tal-kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea, fil-paġna tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:
( http://ec.europa.eu/justice/data-protection/ bodies/authorities/eu/index_en.htm#h2-1). 
Meta l-ilment jikkonċerna l-ipproċessar tad-dejta mill-Kummissjoni Ewropea, dan jenħtieġ jindirizzah il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (il-KEPD) ( http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/ ).

(1)    Meta l-applikazzjonijiet biex wieħed isir esportatur reġistrat jew skambji oħrajn ta’ informazzjoni bejn l-esportaturi reġistrati u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi benefiċjarji jew l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jsiru bit-tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-dejta, il-firma u t-timbru msemmija fil-kaxxi 5, 6 u 7 għandhom jinbidlu b’awtentikazzjoni elettronika.”

Top