MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) il-ġdida huwa li bil-mod il-mod, fis-sajd kollu tal-Unjoni Ewropea, il-ħut ma jibqax jiġi skartat, permezz tal-introduzzjoni ta’ obbligu ta’ ħatt l-art skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-PKS. Dan huwa maħsub biex isir użu aħjar mir-riżorsi disponibbli, u biex tindirizza l-aspettazzjonijiet tal-pubbliku li tispiċċa l-prassi li jintrema lura fil-baħar ħut li jista’ jiġi kkummerċjalizzat. Fil-valutazzjoni tal-impatti li twettqet biex issir l-iktar riforma riċenti tal-PKS, il-livelli għoljin ta’ skartar ġew identifikati bħala aspett importanti tan-nuqqas ta’ sostenibbiltà ambjentali tal-PKS.
L-obbligu ta’ ħatt l-art fil-Baltiku skont l-Artikolu 15(1)(a) tal-PKS ikopri l-ispeċijiet kollha li huma suġġetti għal limitu ta’ qbid fis-sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir, li fih jinstadu l-aringa u l-laċċa kaħla, u fis-sajd għal skopijiet industrijali fil-Baltiku, mill-1 ta’ Jannar 2015. Minn dik id-data, bi qbil mal-Artikolu 15(1)(b) tal-PKS il-ġdida, japplika wkoll għall-qabdiet fis-sajd tas-salamun. Barra minn hekk, skont l-istess dispożizzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2015 japplika għall-ispeċijiet li jiddefinixxu s-sajd, u mill-1 ta’ Jannar 2017 għall-ispeċijiet l-oħrajn kollha li huma suġġetti għal limitu ta’ qbid fis-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar Baltiku. Il-bakkaljaw huwa meqjus bħala speċi li tiddefinixxi ċertu sajd fil-Baħar Baltiku. Il-barbun tat-tbajja’ jinqabad b’mod ewlieni bħala qabda aċċessorja f’ċertu sajd tal-bakkaljaw u huwa suġġett għal limitu ta’ qbid. Għalhekk, l-obbligu ta’ ħatt l-art japplika għall-bakkaljaw mill-1 ta’ Jannar 2015, u għall-barbun tat-tbajja’ mill-1 ta’ Jannar 2017.
Il-PKS tipprevedi wkoll sensiela ta’ dispożizzjonijiet biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art. Il-PKS tipprevedi mekkaniżmi ta’ flessibbiltà speċifiċi li jeħtieġu li jiġu attivati permezz ta’ pjanijiet pluriennali, jew jekk dawn ma jkunux jeżistu, fl-hekk imsejħa pjanijiet ta’ skartar. Huwa previst li dawn il-pjanijiet ta’ skartar ikunu miżura temporanja li ddum massimu ta’ tliet snin. Dawn il-pjanijiet ta’ skartar jiġu żviluppati fuq rakkomandazzjonijiet konġunti miftiehma minn gruppi ta’ Stati Membri tal-istess reġjun jew baċir ta’ baħar.
Ir-Regolament (UE) Nru 1396/2014 stabbilixxa l-ewwel pjan ta’ skartar li jkopri l-obbligu ta’ żbark għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, tal-aringa, tal-laċċa kaħla, tas-salamun u tal-barbun tat-tbajja’ fil-Baħar Baltiku. Ir-Regolament ġie adottat fl-2014 u japplika sa tmiem l-2017.
Ir-Regolament (UE) 2016/1139 li jistabbilixxi l-ewwel pjan pluriennali ta’ ġestjoni wara r-riforma tal-PKS ġie adottat fl-2016 għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, tal-aringi u tal-laċċ ikħal. Dan ir-Regolament fih id-dispożizzjonijiet li japplikaw ukoll għall-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja’.
Ir-Regolament (UE) 2016/1139 ippreveda li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati bi qbil mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi b’rabta mal-obbligu ta’ ħatt l-art, jiġifieri:
(1)L-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art għall-ispeċijiet li għandhom rati ta’ sopravivenza għoljin meta jintefgħu lura l-baħar.
(2)L-eżenzjonijiet de minimis mill-obbligu ta’ ħatt l-art: a) sakemm il-parir xjentifiku jindika li aktar żidiet fis-selettività tal-irkaptu tas-sajd ikunu diffiċli biex jinkisbu; jew b) biex jiġu evitati spejjeż sproporzjonati fl-immaniġġar tal-qabdiet aċċessorji.
(3)Id-dispożizzjonijiet dwar id-dokumentazzjoni tal-qabdiet.
(4)L-iffissar tad-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni biex tkun żgurata l-protezzjoni taż-żgħar tal-organiżmi tal-baħar.
Il-pjan pluriennali ta’ ġestjoni (ir-Regolament (UE) 2016/1139) ma jkoprix l-istokkijiet tas-salamun, għaldaqstant, għal dawn l-istokkijiet, l-obbligu ta’ ħatt l-art għandu jibqa’ jiġi implimentat bl-adozzjoni tal-att delegat separat ibbażat fuq l-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL MA JIĠI ADOTTAT L-ATT
Biex jiġi implimentat l-approċċ reġjonalizzat, l-Istati Membri tad-dawra tal-Baħar Baltiku waqqfu Forum reġjonali dwar is-Sajd fil-Baħar Baltiku (BALTFISH). Il-prinċipji u l-metodi ta’ ħidma tal-BALTFISH twaqqfu f’Memorandum ta’ Qbil (MtQ), li ġie ffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2013 mill-ministri responsabbli mis-sajd f’kull wieħed mill-Istati Membri tal-UE ta’ madwar il-Baħar Baltiku.
Waqt il-ħidma tiegħu fuq żewġ rakkomandazzjonijiet konġunti, il-BALTFISH ikkonsulta mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Baltiku (BSAC) u ma’ partijiet ikkonċernati oħra. Waqt laqgħa teknika f’Kopenħagen fit-13 ta’ Ġunju 2013 kif ukoll waqt Seminars tal-forum BALTFISH li saru f’Riga fid-29 ta’ April 2014 u f’Berlin fis-26 ta’ April 2017, ġew diskussi elementi tal-pjan ta’ skartar tal-Baħar Baltiku mal-BSAC.
Il-BALTFISH ħa nota wkoll tal-parir tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku dwar is-Sajd (STECF) li ta pariri lill-Istati Membri dwar l-elementi kollha tal-pjanijiet ta’ skartar waqt laqgħat ta’ Gruppi ta’ Ħidma Esperti magħmulin apposta (EWG 13-23, EWG 13-17, EWG 14-06, u EWG 17-03) li saru f’Settembru u f’Diċembru tal-2013, fl-2014 u fl-2017. F’dawn il-laqgħat ipparteċipaw esperti mistiedna flimkien ma’ osservaturi mill-Kunsilli Konsultattivi u mill-Istati Membri.
L-elementi ewlenin tar-rakkomandazzjonijiet konġunti finali marbutin mad-definizzjoni taż-żoni tas-sajd involuti, li tressqu lill-Kummissjoni, eżenzjonijiet ibbażati fuq livelli ta’ sopravivenza għoljin, u l-istabbiliment ta’ daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni għall-bakkaljaw ġew evalwati mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd waqt il-laqgħa plenarja tiegħu bejn is-7 u l-14 ta’ Lulju 2014 u bejn l-10 u l-14 ta’ Lulju 2017.
Dwar l-elementi speċifiċi, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkonkluda li b’mod ġenerali l-biċċa l-kbira tal-informazzjoni meħtieġa biex jiġu evalwati l-elementi li jispeċifikaw l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art ingħatat fiż-żewġ rakkomandazzjonijiet konġunti.
Għall-eżenzjoni fuq il-bażi ta’ livell għoli ta’ sopravivenza tas-salamun u tal-bakkaljaw li jinqabdu fix-xbieki tad-tidwir, fil-kavetti u fin-nases, fix-xbieki fyke u fix-xbieki nasba, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkonkluda li dawn it-tipi ta’ rkaptu jaħdmu billi jaqbdu l-ħut fi struttura ta’ xbieki fissa, u mhux, pereżempju, billi l-ħut jitgħaqqad f’xibka jew jibla’ sunnara, għaldaqstant huwa raġonevoli li wieħed jassumi li b’dawn it-tipi ta’ apparat il-mortalità tkun baxxa, tipikament inqas minn 10%. Madankollu, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd kien tal-parir li għandu jsir aktar xogħol fuq il-prattiki tal-immaniġġar, fuq il-kundizzjonijiet ambjentali prevalenti, u biex jiġi kkonfermat li dan il-ħsieb huwa validu. Barra minn hekk, fil-każ tal-eżenzjoni b’rabta tal-iskartar tal-barbun tat-tbajja’, tkun utli aktar informazzjoni biex jiġu vvalutati r-rappreżentattività u l-kwalità tal-istima tas-sopravivenza tal-ħut skartat miksuba.
Ir-Rakkomandazzjoni Konġunta semmiet ukoll il-ħtieġa li ċerti qabdiet jiġu eżentati minħabba leġiżlazzjoni li għandha x’taqsam ma’ prodotti tas-sajd li mhumiex tajbin għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali, jiġifieri ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 u r-Regolament (KE) Nru 1881/2006. Madankollu, din l-eżenzjoni tidher li mhijiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjanijiet għall-iskartar skont l-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għar-rakkomandazzjonijiet konġunti fil-kuntest tal-Politika Komuni tas-Sajd. Għalhekk, din l-eżenzjoni ma ddaħħlitx f’dan ir-Regolament.
Dwar id-daqs minimu tal-konservazzjoni tal-bakkaljaw, l-STECF ikkonkluda li jista’ jkun hemm raġunijiet bijoloġiċi tajbin li dan id-daqs minimu jitnaqqas biex jitnaqqsu l-livelli attwali ta’ skartar. Skont l-obbligu ta’ ħatt l-art, jekk id-daqs minimu tal-konservazzjoni għall-bakkaljaw jiġi ffissat għal 35 cm, dan inaqqas l-għadd ta’ qabdiet li ma jistgħux jinbiegħu għall-konsum mill-bniedem. Ma kienx hemm raġunijiet marbutin mal-ewwel riproduzzjoni li jsostnu daqs minimu tal-konservazzjoni ta’ 38 cm fil-Baltiku.
Abbażi tal-evalwazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd u ta’ valutazzjoni interna tas-servizzi tal-Kummissjoni, u wara l-kjarifika ta’ għadd ta’ punti fir-rakkomandazzjonijiet konġunti, il-Kummissjoni hija tal-fehma li ż-żewġ rakkomandazzjonijiet konġunti ppreżentati jikkonformaw mal-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, kif deskritt hawn fuq.
3.L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
Sommarju tal-azzjoni proposta
L-azzjoni legali ewlenija hija l-adozzjoni ta’ miżuri li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art.
Ir-regolament jispeċifika l-ispeċijiet u s-sajd li għalihom ikunu japplikaw miżuri speċifiċi, jispeċifika l-eżenzjonijiet ibbażati fuq livelli għoljin ta’ sopravivenza, u jistabbilixxi d-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-bakkaljaw.
Il-bażi legali
L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2016/1139.
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà
Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.
Il-prinċipju tal-proporzjonalità
Il-proposta hija fil-kamp tal-applikazzjoni tas-setgħat delegati mogħtija lill-Kummissjoni bl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139 u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni.
L-għażla tal-istrument
L-istrument li qed jiġi propost: Regolament Delegat tal-Kummissjoni.
Ma jkunux xierqa mezzi oħra għar-raġuni li ġejja: Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħat biex tadotta pjan għall-iskartar permezz ta’ atti delegati. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett ippreżentaw ir-rakkomandazzjoni konġunta. Il-miżuri li ngħataw fir-rakkomandazzjoni konġunta u li ddaħħlu f’din il-proposta huma bbażati fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti kollha stabbiliti fl-Artikolu 18(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 18.12.2017
li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fir-rigward tal-bakkaljaw u tal-barbun tat-tbajja’ fis-sajd fil-Baħar Baltiku
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,
Billi:
(1)L-għan tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa li bil-mod il-mod jelimina l-iskartar tal-ħut fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu tal-iżbark għall-qabdiet ta’ speċijiet li huma suġġetti għal limitu ta’ qbid.
(2)Skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta’ ħatt l-art japplika mill-1 ta’ Jannar 2015 fis-sajd tal-aringa u tal-laċċa kaħla fis-sajd għal skopijiet industrijali.
(3)Skont l-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fis-sajd tal-Baħar Baltiku minbarra dak kopert mill-Artikolu 15(1)(a) ta’ dak ir-Regolament, l-obbligu ta’ ħatt l-art japplika mill-1 ta’ Jannar 2015 għall-ispeċijiet li jiddefinixxu s-sajd u mill-1 ta’ Jannar 2017 għall-ispeċijiet kollha li huma suġġetti għal limitu ta’ qbid. Il-bakkaljaw huwa meqjus bħala speċi li tiddefinixxi ċerti żoni tas-sajd fil-Baħar Baltiku. Il-barbun tat-tbajja’ jinqabad l-iktar bħala qabda aċċessorja f’ċerti żoni tas-sajd tal-bakkaljaw u huwa suġġett għal limitu ta’ qbid. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta’ ħatt l-art għandu japplika għall-bakkaljaw mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2015 u għall-barbun tat-tbajja’, mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2017.
(4)L-Artikolu 15(6) tar-Regolament Nru 1380/2013 jipprevedi li, meta ma jkunx hemm adottat pjan pluriennali għas-sajd ikkonċernat, il-Kummissjoni tista’ tadotta pjan ta’ skartar li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fuq bażi temporanja.
(5)Ir-Regolament (UE) Nru 1396/2014 stabbilixxa pjan ta’ skartar għas-sajd tas-salamun, tal-aringa, tal-laċċa kaħla, u tal-bakkaljaw, fil-Baħar Baltiku. Fost affarijiet oħra, dak il-pjan ta’ skartar jinkludi eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art tal-bakkaljaw u tas-salamun minħabba li ntwerew rati ta’ sopravivenza għoljin għal dawk l-ispeċijiet, kif previst fl-Artikolu (15)(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Ir-Regolament (UE) Nru 1396/2014 jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2017.
(6)Ir-Regolament (UE) 2016/1139 jwaqqaf pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, tal-aringa, u tal-laċċa kaħla fil-Baħar Baltiku u fis-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet. Il-pjan pluriennali fih ukoll dispożizzjonijiet li japplikaw għall-istokk tal-barbun tat-tbajja’. L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1139 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta d-dispożizzjonijiet b’rabta mal-obbligu ta’ ħatt l-art permezz ta’ att delegat ibbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b’konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.
(7)Id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fil-Baħar Baltiku. Fil-31 ta’ Mejju 2017 dawk l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni wara kkonsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Baltiku u wara li ngħataw l-opinjoni xjentifika mill-korpi xjentifiċi rilevanti.
(8)Ir-rakkomandazzjoni konġunta tipproponi li l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art għall-bakkaljaw u għall-barbun tat-tbajja’ li jinqabdu bix-xbieki tad-tidwir, bil-kavetti jew bin-nases, bix-xbieki fyke, u bix-xbieki nases, kif ukoll id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-bakkaljaw, stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1396/2014 jibqgħu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2017.
(9)Din l-eżenzjoni hija bbażata fuq evidenza xjentifika ta’ livell għoli ta’ sopravivenza, li ngħatat mill-Forum dwar is-Sajd fil-Baltiku (BALTFISH) u li ġiet analizzata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF).
(10) Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd qal li tkun utli aktar informazzjoni dettaljata dwar il-barbun tat-tbajja’ biex jiġu vvalutati r-rappreżentattività u l-kwalità tal-istima tas-sopravivenza tal-ħut skartat. Madankollu l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkonkluda li peress li dawn it-tipi ta’ rkapti jaħdmu billi jaqbdu l-ħut fi struttura ta’ xbieki fissa, u mhux, pereżempju, billi l-ħut jitgħaqqad f’xibka jew jibla’ sunnara, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li b’dawn it-tipi ta’ apparat il-mortalità tkun baxxa.
(11)Il-miżuri li ddaħħlu fir-rakkomandazzjoni konġunta jikkonformaw mal-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għaldaqstant, b’konformità mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandhom jiddaħħlu f’dan ir-Regolament.
(12)Skont l-Artikolu 15(10) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-Artikolu 7(d) tar-Regolament (UE) 2016/1139, jistgħu jiġu stabbiliti daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni biex jiżguraw il-protezzjoni taż-żgħar tal-organiżmi tal-baħar. Għandu jibqa’ japplika daqs minimu ta’ 35cm għall-bakkaljaw, li kien introdott mir-Regolament (UE) Nru 1396/2014, meta jitqies li l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkonkluda li jista’ jkun hemm raġunijiet bijoloġiċi sodi li d-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni jiġi ffissat għal 35cm.
(13)Ir-Regolament (UE) 2016/1139 ma jiffissax limitu ta’ żmien għall-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet minħabba s-sopravivenza mill-obbligu ta’ ħatt l-art. Madankollu jixraq li jkun żgurat li l-impatt ta’ din l-eżenzjoni jiġi evalwat b’mod regolari abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli. Jekk ikun hemm evidenza ġdida, ikun jenħtieġ li l-eżenzjoni tiġi riveduta skont din l-evidenza.
(14)Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2016/1139, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta l-atti delegati dwar l-obbligu ta’ ħatt l-art għal perjodu ta’ ħames snin mill-20 ta’ Jannar 2016. Għaldaqstant jixraq li l-impatt tal-eżenzjonijiet minħabba s-sopravivenza mill-obbligu ta’ ħatt l-art jiġi evalwat fit-tielet sena tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
(15)Billi r-Regolament (UE) Nru 1396/2014 jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2017, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2018.
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jispeċifika d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għall-bakkaljaw u għall-barbun tat-tbajja’ li jinqabad fis-sajd tal-aringa, tal-laċċa kaħla u tal-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “Il-Baħar Baltiku” huwa d-diviżjonijiet tal-ICES IIIb, IIIc u IIId, kif speċifikat fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Artikolu 3
Eżenzjoni minħabba s-sopravivenza
1.B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta’ ħatt l-art ma għandux japplika għall-bakkaljaw u għall-barbun tat-tbajja’ li jinqabad bix-xbieki tad-tidwir, bil-kavetti jew bin-nases, bix-xbieki fyke u bix-xbieki nases fis-sajd tal-aringa, tal-laċċa kaħla u tal-bakkaljaw.
2. Dawn l-ispeċijiet li jinqabdu mingħajr ma jkun hemm kwota disponibbli, jew jekk ikunu iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni fiċ-ċirkostanzi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jinħelsu fil-baħar.
Artikolu 4
Id-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni
Id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku għandu jkun ta’ 35 cm.
Artikolu 5
Dispożizzjonijiet finali
1. Sal-1 ta’ Marzu 2019, l-Istati Membri li jkollhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jibagħtu l-informazzjoni li tippermetti l-evalwazzjoni tar-rappreżentattività u tal-kwalità tal-istima tas-sopravivenza tal-barbun tat-tbajja’ skartat wara li jinqabad bix-xbieki tad-tidwir, bil-kavetti jew bin-nases, bix-xbieki fyke u bix-xbieki nases, lill-Kummissjoni.
2. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jivvaluta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Awwissu tal-2019.
Artikolu 6
Evalwazzjoni tal-eżenzjoni minħabba s-sopravivenza
Abbażi tal-parir tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt tal-eżenzjoni minħabba s-sopravivenza fuq l-istokkijiet ikkonċernati u fuq is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet fit-tielet sena tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2018.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 18.12.2017
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER