Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document Ares(2025)8965254

Proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL amending Regulation (EU) 2018/848 as regards the labelling of imported organic products, the recognition of third countries under Regulation (EC) No 834/2007 and the simplification of certain rules

SEJĦA GĦAL EVIDENZA

GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt)

Titolu tal-inizjattiva

Regoli dwar il-produzzjoni organika – emenda mmirata (ir-Regolament (UE) 2018/848)

DĠ ewlieni – unità responsabbli

Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali – Unità B.4 – Il-prodotti organiċi

Tip probabbli ta’ inizjattiva

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Żmien indikattiv

Ir-raba’ trimestru tal-2025

Informazzjoni addizzjonali

Biedja organika – il-Kummissjoni Ewropea

Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil.

A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà

Kuntest politiku

Il-biedja organika hija parti ewlenija tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE. Il-proporzjon ta’ art maħduma b’mod organiku, li ilu definit fil-livell tal-UE mill-1992, kiber b’mod kostanti biex illum laħaq il-11 %. Kulma jmur, il-konsumaturi qed jixtru aktar ikel organiku, li jingħaraf bis-saħħa ta’ logo tal-UE u ta’ tikketta komuni. Biex tippromwovi s-settur organiku, il-Kummissjoni, minbarra li tappoġġa s-settur finanzjarjament permezz tal-PAK, nediet Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Iżvilupp tal-Produzzjoni Organika, li wassal lill-pajjiżi tal-UE biex jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-biedja organika. Dan l-aħħar, ir-rwol ewlieni tal-biedja organika ġie enfasizzat aktar fil-viżjoni għall-agrikoltura u għall-ikel tal-Kummissjoni, adottata fl-2025, li tafferma mill-ġdid ukoll l-importanza ta’ appoġġ kontinwu għal dan is-settur fl-ambitu tal-PAK.

Il-produzzjoni u t-tikkettar tal-prodotti organiċi huma rregolati mir-Regolament (UE) 2018/848, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati li jirfdu l-produzzjoni organika bħala l-ogħla standard tal-UE ta’ produzzjoni agrikola ambjentalment sostenibbli. Dan ir-Regolament jistabbilixxi standards għoljin għall-produzzjoni organika fl-UE, u dawn l-istandards iridu jinżammu. Madankollu, biex jiġu ffaċilitati t-tkabbir u l-kompetittività tas-settur organiku, u f’konformità mal-objettiv li jiġi ssimplifikat il-qafas regolatorju li jaffettwa lill-bdiewa u l-katina tal-valur agroalimentari kollha kif sottolinjat fil-viżjoni għall-agrikoltura u għall-ikel, huwa essenzjali li jiġi rieżaminat għadd limitat ta’ elementi tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza

Sabiex il-produzzjoni organika tal-UE ssir aktar kompetittiva u jiġu żgurati regoli stabbli għall-kummerċ fil-prodotti organiċi, id-dispożizzjonijiet għas-settur li ilhom fis-seħħ mill-2022 (ir-Regolament (UE) 2018/848) jirrikjedu aġġustament immirat biex jinħoloq qafas regolatorju li jkun aktar effiċjenti u aktar faċli biex jiġi implimentat.

L-ewwel nett, b’segwitu għall-kawża tal-Qorti Herbaria II, huwa importanti li l-operaturi jiġu pprovduti b’ċarezza u ċertezza dwar ir-regoli fis-seħħ għall-importazzjoni ta’ prodotti organiċi fl-ambitu tal-iskema ta’ ekwivalenza . Dan huwa meħtieġ ukoll biex jiġi żgurat li l-logo organiku tal-UE jinforma b’mod affidabbli lill-konsumaturi dwar ir-regoli u l-metodu ta’ produzzjoni għall-prodotti introdotti fis-suq tal-UE.

It-tieni, importanti li jiġi evitat tfixkil potenzjali fil-kummerċ ta’ prodotti organiċi ma’ 11-il pajjiż mhux tal-UE ekwivalenti li l-iskadenza għar-rikonoxximent tagħhom mistennija tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026. Fil-fatt, il-waqfien tas-sistemi ta’ rikonoxximent rispettivi li minnhom jibbenefika s-settur organiku kollu tal-UE jrid jiġi evitat permezz ta’ estensjoni ta’ din l-iskadenza.

Fl-aħħar nett, filwaqt li r-Regolament (UE) 2018/848 huwa rikonoxxut bħala bażi soda għal settur organiku affidabbli u li qed jikber fl-UE, f’diversi okkażjonijiet l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati indikaw li l-qafas regolatorju attwali huwa kumpless għalxejn. It-tneħħija ta’ din il-kumplessità b’mod immirat għandha l-għan li tagħmel il-produzzjoni organika tal-UE aktar kompetittiva u li tnaqqas il-piż regolatorju. Diġà ġiet identifikata kumplessità fir-rigward ta’:

·regoli dwar il-produzzjoni tal-bhejjem għas-summien, dwar il-perjodu ta’ stennija wara trattament mediċinali veterinarju allopatiku, dwar il-gallinari tal-pollam għat-tismin u dwar l-aċċess għal spazji miftuħa għall-pollam sa ċerta età;

·prodotti u sustanzi għat-tindif u d-diżinfezzjoni fil-faċilitajiet tal-ipproċessar u tal-ħżin;

·kriterji ta’ eliġibbiltà għal gruppi ta’ operaturi u bejjiegħa żgħar ta’ prodotti organiċi mhux ippakkjati. 

Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà)

Bażi legali

L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huwa l-bażi legali biex il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal din l-emenda ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, skont id-dritt ta’ inizjattiva tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE

Ir-regoli li jirregolaw il-produzzjoni organika u t-tikkettar huma stabbiliti f’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. Skema organika unifikata fil-livell tal-UE hija essenzjali għall-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku. Din tiżgura l-aċċess tal-konsumaturi Ewropej għal ikel organiku ġenwin prodott madwar l-UE skont l-istess standards u tippermetti lill-UE tadotta pożizzjoni komuni fin-negozjati kummerċjali. L-objettivi tar-Regolament (UE) 2018/848 jeħtieġu approċċ armonizzat fil-livell tal-UE, li huwa aktar effettiv minn 27 skema nazzjonali. Kif jiddikjara l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-UE tinsab f’pożizzjoni tajba biex tipprovdi qafas unifikat bħal dan. Dan se jiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi, se jiffaċilita l-moviment liberu tal-prodotti organiċi, u se jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fil-kummerċ internazzjonali.

B. X’objettivi għandha l-inizjattiva u kif se tiksibhom

L-inizjattiva għandha l-għan li tipprovdi ċertezza dwar l-oġġetti organiċi importati fl-ambitu tal-iskema ta’ ekwivalenza, billi tiżgura regoli ċari dwar il-kummerċ mal-pajjiżi mhux tal-UE fi prodotti organiċi u fiduċja fil-logo organiku tal-UE. L-emendi mmirati se jkollhom l-għan li jneħħu l-piżijiet bla bżonn u jissimplifikaw xi regoli tal-produzzjoni restrittivi żżejjed, pereżempju fir-rigward tal-oqsma tal-produzzjoni tal-bhejjem, tat-tindif u d-diżinfezzjoni tal-faċilitajiet tal-ipproċessar u tal-ħżin, tal-kompożizzjoni ta’ gruppi ta’ operaturi u tar-regoli għall-bejjiegħa ż-żgħar deskritti hawn fuq. L-inizjattiva għandha l-għan li żżomm l-istandards għoljin ħafna tal-biedja organika tal-UE billi tinkoraġġixxi l-iżvilupp tagħha.

Impatti probabbli

L-inizjattiva mistennija jkollha impatt immirat fuq is-settur organiku, b’benefiċċji għall-bdiewa, għan-negozji u għall-konsumaturi. Minbarra li tipprovdi ċ-ċertezza meħtieġa għall-oġġetti organiċi importati fl-ambitu ta’ skemi ta’ ekwivalenza u li testendi l-iskadenza għar-rikonoxximent ta’ pajjiżi mhux tal-UE ekwivalenti, l-inizjattiva mistennija tkun ta’ benefiċċju għas-settur organiku u tnaqqas il-kostijiet kif ukoll il-piż amministrattiv. L-inizjattiva tista’ tiffaċilita wkoll l-investimenti u twassal għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg fis-settur organiku, b’mod partikolari fiż-żoni rurali, u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ prattiki agrikoli sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Fl-istess ħin, se tħalli impatti minimi fuq is-sħab kummerċjali tal-UE.

L-inizjattiva mhijiex mistennija tħalli impatti sinifikanti fuq id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza. Madankollu, tista’ twassal biex il-konsumaturi jkollhom aċċess aħjar għall-prodotti organiċi. Se tikkontribwixxi wkoll għall-kisba ta’ diversi Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs, Sustainable Development Goals), inkluż l-SDG 2: Inxejnu l-ġuħ, l-SDG 8: Xogħol diċenti u tkabbir ekonomiku, l-SDG 12: Konsum u produzzjoni responsabbli, u l-SDG 13: Azzjoni klimatika.

Monitoraġġ futur

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress u l-iżviluppi fis-settur fir-rigward tal-emendi mmirati fil-laqgħat regolari tagħha mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati (grupp ta’ esperti u grupp ta’ djalogu ċivili dwar il-produzzjoni organika). Fir-rigward tal-ekwivalenzi mal-pajjiżi mhux tal-UE, il-Kummissjoni se tkompli tiżgura s-superviżjoni xierqa tagħhom, kif diġà stabbilit fl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) 2018/848.

C. Regolamentazzjoni aħjar

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba l-ħtieġa urġenti għal azzjoni, se jiġi ppubblikat Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-proposta. Dan id-dokument se jiddeskrivi l-miżuri proposti u l-impatti tagħhom u se jippreżenta l-evidenza li tiġġustifika l-miżuri abbażi tal-feedback estensiv miġbur permezz ta’ konsultazzjonijiet immirati mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, u tal-feedback dwar din is-sejħa għal evidenza. Il-miżuri proposti se jkunu mmirati u mhux se jbiddlu l-funzjonament kumplessiv tal-leġiżlazzjoni jew jaffettwaw l-objettivi tal-leġiżlazzjoni organika jew dawk tal-PAK. Dan l-approċċ jiżgura proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet proporzjonat u effiċjenti, filwaqt li xorta jipprovdi trasparenza u responsabbiltà.

Strateġija ta’ konsultazzjoni

Il-Kummissjoni regolarment tiskambja informazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati u tiġbor ukoll il-fehmiet tagħhom dwar l-aspetti li jistgħu jinbidlu fil-leġiżlazzjoni organika. Anke l-pjattaforma Fit for Future (F4F) tat opinjoni fl-2024 dwar is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni organika. B’segwitu għal dan, fl-ewwel u t-tieni trimestru tal-2025 il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri (grupp ta’ esperti dwar il-produzzjoni organika (GREX, group of experts)) u lill-partijiet ikkonċernati (grupp ta’ djalogu ċivili dwar il-biedja organika (CDG, civil dialogue group)) dwar din il-kwistjoni sabiex tikseb feedback prattiku.

Fl-24 ta’ Settembru 2025 saret laqgħa kkombinata tal-GREX-CDG biex ir-Regolament (UE) 2018/848 isirlu test tal-istress. Għal Novembru 2025 huwa ppjanat djalogu ta’ implimentazzjoni dwar il-politika organika, ippresedut mill-Kummissarju għall-Agrikoltura u għall-Ikel Christophe Hansen.

Fl-aħħar nett, saru wkoll konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati dwar il-biedja organika. Dawn iffukaw fuq is-simplifikazzjoni tal-aspetti tal-biedja organika fil-kuntest tal-PAK Din l-inizjattiva hija bbażata fuq ir-rilevanza, il-proporzjonalità u l-adegwatezza għall-użu.

Min iwieġeb għal din is-sejħa għal evidenza mistieden jaqsam informazzjoni fattwali u evidenza dokumentarja (kwantitattiva jew kwalitattiva) dwar il-kejl tat-tnaqqis tal-piż u tal-kostijiet u l-benefiċċji fir-rigward tal-aspetti msemmija hawn fuq. Mistieden ukoll jaqsam il-fehmiet tiegħu dwar aspetti oħra tal-qafas leġiżlattiv organiku li jistgħu jiġu ssimplifikati. Kull attività ta’ konsultazzjoni, inkluż it-tweġibiet għal din is-sejħa għal evidenza, se tiġi kkonsolidata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-proposta legali tal-Kummissjoni.

Top