Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2011_254_R_0001_01

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/640/PESK tat- 12 ta’ Lulju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju u dwar il-kondizzjonijiet tal-pirati ssuspettati wara t-trasferiment
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju u dwar il-kondizzjonijiet tal-pirati ssuspettati wara t-trasferiment

ĠU L 254, 30.9.2011, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/640/PESK

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju u dwar il-kondizzjonijiet tal-pirati ssuspettati wara t-trasferiment

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“RGħ”),

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 1816 (2008) li titlob lill-Istati kollha sabiex jikkoperaw fid-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, u fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ persuni responsabbli għall-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi fil-baħar ‘il barra mix-xtut tas-Somalja. Dawk id-dispożizzjonijiet ġew affermati mill-ġdid b’Riżoluzzjonijiet sussegwenti tal-KSNU.

(2)

Fl-10 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (1) (operazzjoni “Atalanta”).

(3)

L-Artikolu 12 tal-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK jipprevedi li persuni ssuspettati li kellhom l-intenzjoni li jwettqu, li qed iwettqu jew li wettqu atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja, li jiġu arrestati u miżmuma, bil-ħsieb tal-prosekuzzjoni tagħhom, u l-proprjetà li tkun intużat biex jitwettqu dawn l-atti, jistgħu jiġu trasferiti fi Stat terz li jixtieq jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq il-persuni u l-proprjetà msemmijin hawn fuq, dment li l-kondizzjonijiet għat-trasferiment kienu maqbula ma’ dak l-Istat terz b’mod konsistenti mal-liġi internazzjonali rilevanti, notevolment il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiġi garantit b’mod partikolari li ħadd ma jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal kwalunkwe trattament krudili, inuman jew degradanti.

(4)

Wara l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni mill-Kunsill fit-22 ta’ Marzu 2010 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, ir-RGħ, f’konformità mal-Artikolu 37 TUE, innegozjat Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju u dwar il-kondizzjonijiet tal-pirati ssuspettati wara t-trasferiment (“il-Ftehim”).

(5)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju u dwar il-kondizzjonijiet tal-pirati ssuspettati wara t-trasferiment (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat biex jinnomina l-persuna jew il-persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill, f’isem l-Unjoni, għandu jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 11(1) tal-Ftehim (2).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33.

(2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju u dwar il-kondizzjonijiet tal-pirati ssuspettati wara t-trasferiment

L-UNJONI EWROPEA (UE),

minn naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA TAL-MAWRIZJU,

minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Mawrizju”,

min-naħa l-oħra,

Minn hawn ‘il quddiem imsejħin flimkien il-“Partijiet”,

WARA LI KKUNSIDRAW:

Ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) (UNSCR) 1814 (2008), 1838 (2008), 1846 (2008), 1851 (2008) u r-riżoluzzjonijiet suċċessivi tal-KSNU,

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) tal-1982, b’mod partikolari l-Artikoli 100 sa 107 u l-Artikolu 110 tagħha,

L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill tal-UE 2008/851/PESK tal-10 ta’ Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (1) (Operazzjoni EUNAVFOR Atalanta), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/907/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2009 (2),

Il-Liġi Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra tal-1984,

li dan il-Ftehim ma jaffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skont ftehimiet internazzjonali u strumenti oħrajn li jistabbilixxu qrati u tribunali internazzjonali, inkluż l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

LAĦQU FTEHIM KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

Dan il-Ftehim jiddefinixxi l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet għal

(a)

it-trasferiment ta’ persuni ssuspettati li ppruvaw iwettqu, li qed iwettqu jew li wettqu atti ta’ piraterija fiż-żona ta’ operazzjoni tal-EUNAVFOR, fl-ibħra internazzjonali tal-Mawrizju, il-Madagaskar, il-Gżejjer Komoros, is-Seychelles u l-Gżira ta’ Réunion, u miżmuma mill-EUNAVFOR;

(b)

it-trasferiment ta’ proprjetà assoċjata ssekwestrata mill-EUNAVFOR mill-EUNAVFOR lejn il-Mawrizju, u

(c)

it-trattament tal-persuni ttrasferiti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea (EUNAVFOR)” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari tal-UE u l-kontinġenti nazzjonali li jikkontribwixxu għall-operazzjoni “Atalanta” tal-EU, il-bastimenti, l-inġenji tal-ajru u l-assi tagħhom;

(b)

Operazzjoni” għandha tfisser it-tħejjija, l-istabbiliment, it-twettiq u l-appoġġ tal-missjoni militari stabbilita mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill tal-UE 2008/851/PESK u/jew is-suċċessuri tagħha;

(c)

kontinġenti nazzjonali” għandha tfisser l-unitajiet u l-bastimenti li jappartjenu lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u, kif indikat mill-UE, lill-Istati l-oħrajn li jipparteċipaw fl-operazzjoni;

(d)

Stat Mittenti” għandha tfisser Stat li jipprovdi kontinġent nazzjonali għall-EUNAVFOR;

(e)

piraterija” għandha tfisser piraterija kif definita fl-Artikolu 101 tal-UNCLOS;

(f)

persuna ttrasferita” għandha tfisser kwalunke persuna ssuspettata li ppruvat twettaq, li qiegħda twettaq jew li wettqet atti ta piraterija ttrasferita mill-EUNAVFOR lejn il-Mawrizju skont dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

1.   Il-Mawrizju jista’ jaċċetta, fuq talba mill-EUNAVFOR, it-trasferiment ta’ persuni miżmuma mill-EUNAVFOR b’konnessjoni ma’ piraterija u proprjetà assoċjata ssekwestrata mill-EUNAVFOR u jressaq lil tali persuni u proprjetà lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu għall-fini ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni. Il-ftehim dwar l-aċċettazzjoni ta’ konsenja proposta ser isir fuq il-bażi ta’ każ b’każ mill-Mawrizju, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha inkluż il-post tal-inċident.

2.   L-EUNAVFOR għandha tittrasferixxi persuni lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Mawrizju biss.

3.   It-trasferiment ma għandux jitwettaq qabel l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Mawrizju jiddeċiedu fi żmien 5 ijiem ta’ ħidma mid-data tar-riċeviment tal-provi kif mibgħuta mill-EUNAVFOR li hemm prospetti raġonevoli li tkun assigurata kundanna tal-persuni miżmuma mill-EUNAVFOR.

4.   Id-deċiżjoni dwar jekk hemmx prospetti raġonevoli li tkun assigurata kundanna għandha tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Mawrizju abbażi tal-provi mibgħuta mill-EUNAVFOR permezz tal-kanali ta’ komunikazzjoni rilevanti.

5.   Kwalunkwe persuna ttrasferita għandha tiġi ttrattata b’mod uman u f’konformità mal-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkorporati fil-Kostituzzjoni tal-Mawrizju, inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew il-piena krudili, inumana u degradanti, il-projbizzjoni ta’ detenzjoni arbitrarja u f’konformità mar-rekwiżit għal proċess ġust.

Artikolu 4

Trattament, prosekuzzjoni u proċess ta’ persuni ttrasferiti

1.   F’konformità mal-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, minquxa fil-Kostituzzjoni tal-Mawrizju, kwalunkwe persuna ttrasferita għandha tiġi ttrattata b’mod uman u ma għandhiex tkun soġġetta għal tortura jew trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti, għandha tirċievi alloġġ, ikel u aċċess għal kura medika adegwati u għandha tkun tista’ tosserva r-reliġjon tagħha.

2.   Kwalunkwe persuna ttrasferita għandha titressaq fil-pront quddiem imħallef jew uffiċjal ieħor awtorizzat mil-liġi biex jeżerċita setgħa ġudizzjarja, li għandu jiddeċiedi mingħajr dewmien dwar il-legalità tad-detenzjoni tagħha u għandu jordna r-rilaxx tagħha jekk id-detenzjoni ma tkunx ġustifikata.

3.   Kwalunkwe persuna ttrasferita għandha tkun intitolata għal proċess fi żmien raġonevoli jew għal rilaxx.

4.   Fid-determinazzjoni ta’ kwalunkwe akkuża kriminali kontriha, kwalunkwe persuna ttrasferita għandha tkun intitolata għal smigħ ġust u pubbliku minn tribunal kompetenti, indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi.

5.   Kwalunkwe persuna ttrasferita akkużata b’reat kriminali għandha titqies innoċenti sakemm jitressqu provi li juru li hija ħatja skont il-liġi.

6.   Fid-determinazzjoni ta’ kwalunkwe akkuża kriminali kontriha, kull persuna ttrasferita għandha tkun intitolata għall-garanziji minimi li ġejjin, f’ugwaljanza sħiħa:

(a)

li tkun infurmata fil-pront u fid-dettall b’lingwa li tifhem bin-natura u l-kaġun tal-akkuża miġjuba kontriha;

(b)

li jkollha żmien u faċilitajiet adegwati għat-tħejjija tad-difiża tagħha u li tikkomunika ma’ avukat tal-għażla tagħha;

(c)

li l-proċess tagħha jinstema’ mingħajr dewmien bla bżonn;

(d)

li l-proċess jinstema’ fil-preżenza tagħha, u li tiddefendi ruħha personalment jew permezz ta’ assistenza legali tal-għażla tagħha; li tkun infurmata, jekk ma għandhiex assistenza legali, b’dan id-dritt; u li jkollha assistenza legali assenjata lilha, fi kwalunkwe każ fejn l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu dan, u mingħajr ħlas mingħandha fi kwalunkwe każ bħal dan jekk ma jkollhiex mezzi suffiċjenti sabiex tħallas għaliha;

(e)

li teżamina, jew tiġi eżaminata għaliha, l-evidenza kollha kontriha, inklużi affidavits tax- xhieda li wettqu l-arrest, u li tikseb l-attendenza u l-eżami tax-xhieda f’isimha bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk tax-xhieda kontriha;

(f)

li jkollha assistenza mingħajr ħlas ta’ interpretu jekk hija ma tkunx tifhem jew titkellem il-lingwa użata fil-qorti;

(g)

li ma tkunx sfurzata tixhed kontriha stess jew tammetti l-ħtija.

7.   Kwalunkwe persuna ttrasferita li tiġi kkundannata għal delitt għandha jkollha d-dritt għal reviżjoni tal-kundanna u s-sentenza tagħha, jew appell kontriha, fi tribunal ogħla f’konformità mal-liġi tal-Mawrizju.

8.   Il-Mawrizju jista’, wara konsultazzjoni mal-UE, jittrasferixxi tali persuni kkundannati u li qed jiskontaw sentenza fil-Mawrizju lejn Stat ieħor li jiggarantixxi r-rispett tal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem imsemmija hawn fuq, bil-għan li jiskontaw il-bqija tas-sentenza f’dak l-Istat l-ieħor. Fil-każ ta’ tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’dak l-Istat l-ieħor, ma għandu jseħħ l-ebda trasferiment qabel ma tkun instabet soluzzjoni sodisfaċenti permezz ta’ konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet biex ikun indirizzat it-tħassib espress.

Artikolu 5

Piena tal-mewt

Ebda persuna ttrasferita ma għandha, f’konformità mal-Att dwar l-Abolizzjoni tal-Piena tal-Mewt tal-Mawrizju, tiġi akkużata b’reat soġġett għall-piena tal-mewt, tiġi kkundannata għall-mewt jew tkun soġġetta għal applikazzjoni tal-piena tal-mewt.

Artikolu 6

Reġistri u notifiki

1.   Kwalunkwe trasferiment għandu jkun is-suġġett ta’ dokument adatt iffirmat minn rappreżentant tal-EUNAVFOR u rappreżentant tal-awtoritajiet kompetenti tal-Mawrizju tal-infurzar tal-liġi.

2.   L-EUNAVFOR għandha tipprovdi reġistri tad-detenzjoni lill-Mawrizju fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna ttrasferita. Dawn ir-reġistri għandhom jinkludu, sakemm huwa possibbli, il-kondizzjoni fiżika tal-persuna ttrasferita waqt id-detenzjoni, il-ħin tat-trasferiment lill-awtoritajiet tal-Mawrizju, ir-raġuni għad-detenzjoni tagħha, il-ħin u l-post tal-bidu tad-detenzjoni tagħha, u kwalunkwe deċiżjoni li ttieħdet fir-rigward tad-detenzjoni tagħha.

3.   Il-Mawrizju għandu jkun responsabbli biex iżomm reġistru preċiż tal-persuni ttrasferiti kollha, inkluż iżda mhux limitat għaż-żamma ta’ reġistri dwar kwalunkwe proprjetà ssekwestrata, il-kondizzjoni fiżika tal-persuni, il-post fejn huma miżmuma f’detenzjoni, kwalunkwe akkuża kontrihom u kwalunkwe deċiżjoni sinifikanti li ttieħdet matul il-prosekuzzjoni u l-proċess tagħhom.

4.   Dawn ir-reġistri għandhom ikunu disponibbli għar-rappreżentanti tal-UE u tal-EUNAVFOR fuq talba bil-miktub lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Mawrizju.

5.   Barra minn hekk, il-Mawrizju għandu jinnotifika lill-UE u l-EUNAVFOR bil-post tad-detenzjoni ta’ kwalunkwe persuna ttrasferita skont dan il-Ftehim, bi kwalunkwe deterjorament tal-kondizzjoni fiżika tagħha u bi kwalunkwe allegazzjoni ta’ trattament mhux adatt. Ir-rappreżentanti tal-UE u tal-EUNAVFOR għandhom ikollhom aċċess għal kwalunkwe persuna ttrasferita skont dan il-Ftehim sakemm tali persuni jkunu arrestati u għandhom ikunu intitolati li jinterrogawhom.

6.   Fuq talba tagħhom, l-aġenziji umanitarji nazzjonali u internazzjonali għandhom jitħallew iżuru lill-persuni ttrasferiti skont dan il-Ftehim.

7.   Sabiex ikun żgurat li l-EUNAVFOR tkun tista’ tipprovdi assistenza f’waqtha lill-Mawrizju bl-attendenza ta’ xhieda mill-EUNAVFOR u l-provvediment ta’ evidenza rilevanti, il-Mawrizju għandu jinnotifika lill-EUNAVFOR bl-intenzjoni tiegħu li jibda proċedimenti ta’ proċess kriminali kontra kwalunkwe persuna ttrasferita u l-iskeda ta’ żmien għall-provvediment tal-evidenza, u s-smigħ tal-evidenza.

Artikolu 7

Assistenza mill-UE u l-EUNAVFOR

1.   L-EUNAVFOR, bil-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, għandha tipprovdi l-assistenza kollha lill-Mawrizju bil-ħsieb tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-persuni ttrasferiti.

2.   B’mod partikolari, l-EUNAVFOR għandha:

(a)

tikkonsenja r-reġistri tad-detenzjoni mfassla skont l-Artikolu 6(2) ta’ dan il-Ftehim;

(b)

tipproċessa kull evidenza skont ir-rekwiżiti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Mawrizju kif miftiehem fl-arranġamenti tal-implimentazzjoni deskritti fl-Artikolu 10;

(c)

tipproduċi dikjarazzjonijiet jew affidavits ta’ xhieda tal-EUNAVFOR involuti fi kwalunkwe inċident marbut mat-trasferiment ta’ persuni skont dan l-Arranġament;

(d)

tistinka biex tipproduċi dikjarazzjonijiet ta’ xhieda jew affidavits minn xhieda oħra li mhumiex fil-Mawrizju;

(e)

tippriżerva jew tikkonsenja l-proprjetà ssekwestrata rilevanti kollha, xbihat, ritratti jew kwalunkwe oġġett ta’ valur evidenzjali fil-pussess tal-EUNAVFOR;

(f)

tiżgura l-attendenza tax-xhieda li jappartjenu għall-EUNAVFOR, fejn meħtieġ, għall-iskop li tingħata evidenza fil-Qorti (jew permezz ta’ kollegament dirett bit-TV jew kwalunwe mezz teknoloġoku ieħor approvat) waqt il-proċess;

(g)

tiffaċilita l-attendenza ta’ xhieda oħra, fejn meħtieġ, għall-iskop li tingħata evidenza fil-Qorti (jew permezz ta’ kollegament dirett bit-TV jew kwalunwe mezz teknoloġoku ieħor approvat) waqt il-proċess;

(h)

tiffaċilita l-attendenza ta’ tali interpreti kif jistgħu jkunu meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Mawrizju għall-iskop li jiġu assistiti l-investigazzjonijiet u l-proċessi li jinvolvu l-persuni ttrasferiti.

3.   Safejn tali riżorsi mhumiex ipprovduti permezz ta’ donaturi finanzjarji oħra, il-Partijiet għandhom jiżviluppaw, soġġett għall-proċeduri applikabbli, arranġamenti ta’ implimentazzjoni dwar assistenza finanzjarja, teknika u assistenza oħra biex jippermettu t-trasferiment, id-detenzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-proċess tal-persuni ttrasferiti. Dawn l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni għandhom jimmiraw ukoll li jkopru l-assistenza teknika u loġistika għall-Mawrizju fl-oqsma tar-reviżjoni tal-leġislazzjoni, it-taħriġ tal-investigaturi u l-prosekuturi, il-proċeduri investigattivi u ġudizzjarji, u b’mod partikolari, l-arranġamenti għall-ħżin u l-għoti tal-evidenza u l-proċeduri tal-appell. Barra minn hekk, dawn l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni għandhom jimmiraw li jipprovdu għar-ripatrijazzjoni tal-persuni ttrasferiti f’każ ta’ ħelsien mill-akkużi jew nonprosekuzzjoni, it-trasferiment tagħhom għat-tmiem tas-sentenza fi Stat ieħor jew ir-ripatrijazzjoni tagħhom wara li jiskontaw is-sentenza ta’ priġunerija tagħhom fil-Mawrizju.

Artikolu 8

Relazzjoni ma’ drittijiet oħra ta’ persuni ttrasferiti

Xejn f’dan il-Ftehim ma huwa maħsub li jidderoga, jew jista’ jiġi interpretat bħala li jidderoga, minn kwalunkwe dritt li persuna ttrasferita jista’ jkollha skont il-liġi domestika jew internazzjonali applikabbli.

Artikolu 9

Kollegament u kwistjonijiet

1.   Il-kwistjonijiet kollha li jitqajmu b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt mill-awtoritajiet kompetenti tal-Mawrizju u l-UE.

2.   Sakemm ma tinkisibx riżoluzzjoni minn qabel, il-kwistjonijiet rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti esklużivament b’mezzi diplomatiċi bejn il-Mawrizju u r-rappreżentanti tal-UE.

Artikolu 10

Arranġamenti ta’ implimentazzjoni

1.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, kwistjonijiet operattivi, amministrattivi u tekniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ arranġamenti implimentattivi li għandhom jiġu konklużi bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Mawrizju minn naħa waħda u l-awtoritajiet kompetenti tal-UE, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Mittenti, min-naħa l-oħra.

2.   L-arranġamenti ta’ implimentazzjoni jistgħu, fost l-oħrajn, ikopru:

(a)

l-identifikazzjoni ta’ awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Mawrizju li l-EUNAVFOR tista’ tittrasferilhom persuni;

(b)

il-faċilitajiet ta’ detenzjoni fejn ser jinżammu l-persuni ttrasferiti;

(c)

l-immaniġġar ta’ dokumenti, inklużi dawk relatati mal-ġbir ta’ evidenza, li ser ikunu kkonsenjati lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Mawrizju meta jsir it-trasferiment ta’ persuna;

(d)

punti ta’ kuntatt għan-notifiki;

(e)

formoli li jintużaw għat-trasferimenti;

(f)

provvedimentista ta’ appoġġ tekniku, għajnuna esperta, taħriġ u assistenza oħra msemmija fl-Artikolu 7 hawn fuq, fuq talba tal-Mawrizju sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ dan il-ftehim.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u tmiem

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod proviżorju mid-data meta jiġi ffirmat u għandu jidħol fis-seħħ meta kull waħda mill-Partijiet tkun innotifikat lill-Parti l-oħra li lestiet il-proċedura interna tagħha għar-ratifika tal-Ftehim.

2.   Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sa tmiem l-Operazzjoni kif innotifikat mill-EUNAVFOR. Madankollu, kwalunkwe Parti tista’, permezz ta’ notifika bil-miktub, tiddenunzja dan il-Ftehim. Id-denunzja għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data ta’ riċevuta tan-notifika. F’każ li l-UE tqis li d-denunzja immedjata ta’ dan il-Ftehim hija ġustifikata minħabba modifika tal-leġislazzjoni kriminali sostantiva tal-Mawrizju kif jissemma f’dan il-Ftehim, l-UE għandha jkollha d-dritt li tiddenunzja l-Ftehim b’effett mid-data meta tintbagħat in-notifika. Kwalunkwe bidla fil-leġislazzjoni kriminali sostantiva tal-Mawrizju ma għandhiex taffettwa b’mod negattiv lill-persuni diġà ttrasferiti skont dan il-Ftehim.

3.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet.

4.   It-tmiem ta’ dan il-Ftehim ma għandu jaffettwa lil ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ dan il-Ftehim qabel tali tmiem, inklużi d-drittijiet ta’ kwalunkwe persuna ttrasferita sakemm tkun fil-kustodja jew tkun ipproċessata mill-Mawrizju.

5.   Wara t-tmiem tal-Operazzjoni, id-drittijiet kollha tal-EUNAVFOR skont dan il-Ftehim jistgħu jkunu eżerċitati minn kwalunkwe persuna jew entità maħtura mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Din il-persuna jew l-entità maħtura tista’, fost l-oħrajn, tkun il-Kap jew membru tal-persunal tad-delegazzjoni tal-UE għall-Mawrizju jew aġent diplomatiku jew uffiċjal konsulari ta’ Stat Membru tal-UE akkredidat għall-Mawrizju. Wara t-tmiem tal-Operazzjoni, in-notifiki kollha li kellhom isiru lill-EUNAVFOR skont dan il-Ftehim għandhom isiru lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

Magħmul fl-erbatax ta’ Lulju 2011 f’żewġ oriġinali, it-tnejn bil-lingwa Ingliża.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Mawrizju


(1)  ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33, kif korretta fil-ĠU L 253, 25.9.2009, p. 18.

(2)  ĠU L 322, 9.12.2009, p. 27.


Top