Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2008_083_R_0039_01

    Deċiżjoni 2008/266/PESK tal-Kunsill tat- 28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċad dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad
    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċad dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad

    ĠU L 83, 26.3.2008, p. 39–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 83/39


    DEĊIŻJONI 2008/266/PESK TAL-KUNSILL

    tat-28 ta’ Jannar 2008

    dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċad dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

    Wara r-Rakkomandazzjoni tal-Presidenza,

    Billi:

    (1)

    Fil-25 ta’ Settembru 2007, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1778 (2007) tiegħu li tapprova l-istabbiliment ta’ missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u fiċ-Ċad (MINURCAT) u li tawtorizza lill-Unjoni Ewropea tiskjera f’dawn il-pajjiżi, għal tnax-il xahar mid-dikjarazzjoni ta’ kapaċità operattiva inizjali, operazzjoni ddestinata biex tappoġġa lill-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Barra minn hekk, ir-Riżoluzzjoni stiednet lill-gvernijiet tar-Repubblika taċ-Ċad u tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u lill-Unjoni Ewropea biex jikkonkludu kemm jista’ jkun malajr ftehim dwar l-istatus tal-forzi ta’ l-operazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea.

    (2)

    Fil-15 ta’ Ottubru 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/677/PESK dwar l-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (1) (EUFORTchad/RCA).

    (3)

    B’segwitu għall-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill fit-18 ta’ Settembru 2007, f’konformità ma’ l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Presidenza, assistita mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli(SĠ/RGħ), innegozjat ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċad dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad.

    (4)

    Jaqbel li dan il-Ftehim jiġi approvat,

    IDDEĊIEDA:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċad dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad huwa approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat jinnomina l-persuna bis-setgħa li tiffirma l-Ftehim li jorbot lill-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Jannar 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. RUPEL


    (1)  ĠU L 279, 23.10.2007, p. 21.


    TRADUZZJONI

    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċad dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad

    L-UNJONI EWROPEA, minn issa ‘l quddiem imsejħa “l-UE”,

    fuq naħa waħda, u

    IR-REPUBBLIKA TAĊ-ĊAD, minn issa ‘l quddiem imsejħa “l-Istat ospitanti”,

    fuq in-naħa l-oħra,

    minn issa ‘l quddiem imsejħa “il-partijiet”,

    WARA LI KKUNSIDRAW:

    ir-Riżoluzzjoni 1778 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-25 ta’ Settembru 2007;

    l-Azzjoni Konġunta 2007/677/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2007 tal-Kunsill dwar l-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (1) (EUFOR Ċad/RĊA)

    li dan il-Ftehim m’hux ser jolqot id-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet fi ħdan ftehimiet internazzjonali u strumenti oħrajn li jistabbilixxu qrati u tribunali internazzjonali, inkluż l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

    QABLU DWAR DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

    1.   Dan il-Ftehim għandu japplika għall-Forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea u l-persunal tagħhom.

    2.   Dan il-Ftehim għandu japplika biss fit-territorju ta’ l-Istat Ospitanti.

    3.   Għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea (EUFOR)” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari ta’ l-UE u l-kontinġenti nazzjonali li jikkontribwixxu għall-operazzjoni, it-tagħmir tagħhom u l-mezzi tat-trasport tagħhom;

    (b)

    “operazzjoni” għandha tfisser it-tħejjija, l-istabbiliment, l-eżekuzzjoni u s-sostenn tal-missjoni militari lil hinn mill-mandat li jirriżulta mir-Riżoluzzjoni 1778 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-25 ta’ Settembru 2007;

    (ċ)

    “kmandant tal-forza ta’ l-UE” għandha tfisser il-kmandant fiż-żona ta’ l-operazzjonijiet;

    (d)

    “kwartieri ġenerali militari ta’ l-UE” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari u l-elementi tagħhom, hi x’inhi l-lokazzjoni tagħhom, taħt l-awtorità tal-kmandanti militari ta’ l-UE li jeżerċitaw il-kmand militari jew il-kontroll ta’ l-operazzjoni;

    (e)

    “kontinġenti nazzjonali” għandha tfisser l-unitajiet u l-elementi li jappartjenu lill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u lill-Istati l-oħrajn li qed jipparteċipaw fl-operazzjoni;

    (f)

    “persunal ta’ l-EUFOR” għandha tfisser il-membri tal-persunal ċivili u militari assenjati lill-EUFOR kif ukoll tal-persunal insedjat għat-tħejjija ta’ l-operazzjoni u l-persunal fuq missjoni għal Stat kontributur jew istituzzjoni ta’ l-UE fil-qafas ta’ l-operazzjoni, li jinsabu, ħlief kif previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti, bl-eċċezzjoni tal-persunal impjegat lokalment u l-persunal impjegat minn kuntratturi kummerċjali internazzjonali;

    (g)

    “persunal impjegat lokalment” għandha tfisser il-persunal li huwa ċittadin ta’ l-Istat Ospitanti jew huwa residenti permanenti fih;

    (h)

    “faċilitajiet” għandha tfisser il-bini, l-akkomodazzjoni u l-art kollha meħtieġa għall-EUFOR u l-persunal ta’ l-EUFOR;

    (i)

    “Stat Mittenti” għandha tfisser Stat li jipprovdi kontinġent nazzjonali għall-EUFOR.

    Artikolu 2

    Disposizzjonijiet ġenerali

    1.   L-EUFOR u l-persunal ta’ l-EUFOR għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istat Ospitanti u għandhom jastjenu minn kull azzjoni jew attività inkompatibbli ma’ l-objettivi ta’ l-operazzjoni.

    2.   L-EUFOR għandha regolarment tgħarraf lill-gvern ta’ l-Istat Ospitanti dwar l-għadd tal-persunal ta’ l-EUFOR stazzjonat fit-territorju ta’ l-Istat Ospitanti.

    Artikolu 3

    Identifikazzjoni

    1.   Il-persunal ta’ l-EUFOR għandhom il-ħin kollu jġorru magħhom passaporti jew karti ta’ l-identità militari.

    2.   Il-vetturi, l-inġenji ta’ l-ajru, il-bastimenti u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport ta’ l-EUFOR għandu jkollhom marki ta’ identifikazzjoni u/jew pjanċi tar-reġistrazzjoni distintivi ta’ l-EUFOR, li bihom għandhom ikunu notifikati l-awtoritajiet ta’ l-Istat Ospitanti.

    3.   L-EUFOR għandu jkollha d-dritt li turi l-bandiera ta’ l-Unjoni Ewropea u marki bħal ma huma insinji militari, titli u simboli uffiċjali, fuq il-faċilitajiet, il-vetturi u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport tagħha. L-uniformijiet tal-persunal ta’ l-EUFOR għandu jkollhom fuqhom emblema distintiva ta’ l-EUFOR. Il-bnadar nazzjonali jew l-insinji tal-kontinġenti nazzjonali li jikkostitwixxu l-operazzjoni jistgħu jintwerew fuq il-faċilitajiet, il-vetturi u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport u l-uniformijiet ta’ l-EUFOR, kif jiddeċiedi l-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE.

    Artikolu 4

    Qsim tal-fruntieri u moviment fit-territorju ta’ l-Istat Ospitanti

    1.   Il-persunal ta’ l-EUFOR għandu jidħol biss fit-territorju ta’ l-Istat Ospitanti jekk jippreżenta d-dokumenti previsti fl-Artikolu 3(1) jew, fil-każ ta’ l-ewwel dħul, ordni ta’ moviment individwali jew kollettiva maħruġa mill-EUFOR. Huma għandhom ikunu eżenti mir-regolamenti fir-rigward tal-passaporti u l-viżi, l-ispezzjonijiet relatati ma’ l-immigrazzjoni u l-kontroll tad-dwana mad-dħul, mal-ħruġ jew fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti.

    2.   Il-persunal ta’ l-EUFOR għandu jkun eżenti mir-regolamenti tal-Parti Ospitanti li jirregolaw ir-reġistrazzjoni u l-kontroll tal-barranin, iżda m’ għandux jiġi kkunsidrat li jikseb kwalunkwe dritt għal residenza jew domiċilju permanenti fit-territorju tal-Parti Ospitanti.

    3.   Il-lista tar-riżorsi u tal-mezzi tat-trasport ta’ l-EUFOR, maħsubin għall-appoġġ ta’ l-operazzjoni, li jkunu deħlin fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti, għaddejjin minnu jew ħerġin minnu għandha tkun ikkomunikata għal fini ta’ informazzjoni lill-Istat ospitanti. Madankollu, l-EUFOR hija eżenti kemm milli tipproduċi kwalunkwe dokument doganali ieħor kif ukoll minn kwalunkwe spezzjoni.

    4.   Il-membri tal-persunal ta’ l-EUFOR jistgħu jsuqu vetturi bil-mutur u jħaddmu inġenji ta’ l-ajru fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti bil-kondizzjoni li jkollhom, skond il-każ, liċenzja tas-sewqan jew liċenzja ta’ bdot nazzjonali, internazzjonali jew militari validi.

    5.   Għall-fini ta’ l-operazzjoni, l-Istat ospitanti jagħti lill-EUFOR u lill-persunal tagħha l-libertà ta’ moviment u ta’ ċirkolazzjoni fit-territorju tiegħu, inkluż l-ispazju ta’ l-ajru tiegħu, f’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ospitanti, skond l-arranġamenti previsti fl-Artikolu 18 ta’ dan il-Ftehim.

    6.   Għall-fini ta’ l-operazzjoni u bi qbil ma’ l-awtoritajiet taċ-Ċad kompetenti, l-EUFOR tista’ twettaq, fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti, inkluż fl-ispazju ta’ l-ajru tiegħu, eżerċizzji li jinkludu l-eżerċizzji bl-armamenti.

    7.   Għall-fini ta’ l-operazzjoni, l-EUFOR tista’ tuża t-toroq pubbliċi, il-pontijiet, it-traġitti u l-ajruporti mingħajr ma tħallas dazji, imposti, pedaġġi, taxxi u ħlasijiet simili. L-EUFOR m’għandhiex tkun eżenti minn ħlasijiet raġonevoli għas-servizzi li tibbenefika minnhom fuq talba tagħha, skond il-kondizzjonijiet li japplikaw għal dawk mogħtija lill-forzi armati ta’ l-Istat ospitanti.

    Artikolu 5

    Privileġġi u immunitajiet ta’ l-EUFOR mogħtija mill-Istat Ospitanti

    1.   Il-faċilitajiet ta’ l-EUFOR għandhom ikunu invjolabbli. L-aġenti ta’ l-Istat Ospitanti m’għandhomx jidħlu fihom mingħajr il-kunsens tal-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE.

    2.   L-istabbilimenti ta’ l-EUFOR, it-tagħmir tagħhom u assi oħra ta’ ġo fihom kif ukoll il-mezzi ta’ trasport tagħhom għandhom ikunu ħielsa minn tfittxija, rekwiżizzjoni, rbit jew eżekuzzjoni.

    3.   L-EUFOR, il-proprjetà u l-assi tagħha, kull fejn jinsabu u fil-pussess ta’ jkun min ikun, għandhom igawdu l-immunità minn kull forma ta’ proċess legali.

    4.   L-arkivji u d-dokumenti ta’ l-EUFOR għandhom ikunu dejjem invjolabbli, ikunu fejn ikunu.

    5.   Il-korrispondenza uffiċjali ta’ l-EUFOR għandha tkun invjolabbli. Korrispondenza uffiċjali tfisser kull korrispondenza relatata ma’ l-operazzjoni u l-funzjonijiet tagħha.

    6.   Fir-rigward ta’ merkanzija mixtrija jew importata, is-servizzi pprovduti u l-faċilitajiet użati mill-EUFOR għall-finijiet ta’ l-operazzjoni, l-EUFOR, kif ukoll il-fornituri jew il-kuntratturi tagħha, sakemm dawn ma jkunux ċittadini ta’ l-Istat ospitanti, għandhom ikunu eżenti mill-imposti, it-taxxi u l-ħlasijiet simili kollha nazzjonali, reġjonali u komunali. L-EUFOR m’għandhiex tkun eżenti mill-imposti, it-taxxi jew il-ħlasijiet li jirrappreżentaw ħlas għal servizzi mwettqa.

    7.   L-Istat ospitanti għandu jippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-operazzjoni u jagħtihom eżenzjoni mid-dazji doganali, l-imposti, il-pedaġġi, it-taxxi u l-ħlasijiet simili kollha ħlief għall-ħlasijiet għall-ħażna, it-trasport u l-ħlasijiet li jirrappreżentaw ħlas għal servizzi oħrajn imwettqa.

    Artikolu 6

    Privileġġi u immunitajiet tal-persunal ta’ l-EUFOR mogħtija mill-Istat ospitanti

    1.   Il-persunal ta’ l-EUFOR m’għandu jkun soġġett għal ebda forma ta’ arrest jew detenzjoni.

    2.   Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-proprjetà tal-persunal ta’ l-EUFOR għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni li huma permessi skond il-paragrafu 6.

    3.   Il-persunal ta’ l-EUFOR għandu jgawdi l-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali ta’ l-Istat ospitanti.

    L-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-persunal ta’ l-EUFOR tista’ titneħħa mill-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni ta’ l-UE konċernata, skond il-każ. Tali tneħħija għandha dejjem tkun espressa.

    4.   Il-persunal ta’ l-EUFOR għandu jgawdi l-immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva ta’ l-Istat Ospitanti fir-rigward tal-kliem li jgħid jew jikteb u l-atti kollha li jwettaq fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Jekk jitressaq xi proċediment ċivili kontra l-persunal ta’ l-EUFOR quddiem kwalunkwe qorti ta’ l-Istat ospitanti, il-kmandant tal-forza ta’ l-UE u l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat kontributur jew ta’ l-istituzzjoni ta’ l-UE għandhom jiġu notifikati minnufih. Qabel il-bidu tal-proċediment quddiem il-qorti, il-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE u l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Mittenti jew ta’ l-istituzzjoni ta’ l-UE għandhom jiċċertifikaw lill-qorti jekk l-att in kwistjoni kienx twettaq mill-persunal ta’ l-EUFOR fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu.

    Jekk l-att twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment m’għandux jinbeda u għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15. Jekk l-att ma ġiex imwettaq fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista’ jitkompla. Iċ-ċertifikazzjoni mill-kmandant tal-forza ta’ l-UE u l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat kontributur jew l-istituzzjoni kkonċernata ta’ l-UE torbot lill-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat ospitanti li ma jistax jikkontestaha.

    Il-bidu ta’ proċedimenti mill-persunal ta’ l-EUFOR għandu jipprekludih milli jinvoka l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe kontro-talba relatata direttament mat-talba prinċipali.

    5.   Il-persunal ta’ l-EUFOR m’huwiex obbligat li jagħti xiehda.

    6.   L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-persunal ta’ l-EUFOR, ħlief fil-każ li jinfetaħ kontrih proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Il-proprjetà tal-persunal ta’ l-EUFOR, li tkun ċċertifikata mill-kmandant tal-forza ta’ l-UE bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, għandha tkun ħielsa mis-sekwestru għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fi proċedimenti ċivili l-persunal ta’ l-EUFOR m’għandu jkun soġġett għal ebda restrizzjoni fuq il-libertà personali tiegħu jew għal xi miżuri oħra ta’ kostrinġiment.

    7.   L-immunità tal-persunal ta’ l-EUFOR mill-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat ospitanti ma teżentahx mill-ġurisdizzjoniijiet ta’ l-Istati kontributuri rispettivi.

    8.   Il-persunal ta’ l-EUFOR għandu fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-EUFOR ikunu eżenti mid-disposizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fl-Istat Ospitanti.

    9.   Il-persunal ta’ l-EUFOR għandu jkun eżenti minn kull forma ta’ tassazzjoni fl-Istat Ospitanti fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilu mill-EUFOR jew mill-Istati Mittenti, kif ukoll fuq kwalunkwe dħul li jirċievi minn barra l-Istat Ospitanti.

    10.   L-oġġetti u l-proprjetà personali f’użu li jappartjenu lill-persunal ta’ l-EUFOR għandhom ikunu eżenti mill-ħlasijiet u t-taxxi kollha skond l-Att 2/92-UDEAC/556-CD-SE 1 tat-30 ta’ April 1992. Biex jibbenefika minn dawn l-eżenzjonijiet, il-kmand tal-forza ta’ l-UE għandu jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti talba ta’ ċertifikazzjoni ta’ eżenzjoni ffirmata minnu.

    Il-bagalji personali tal-persunal ta’ l-EUFOR m’għandhomx jiġu spezzjonati, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji sabiex ikun preżunt li jkollhom fihom oġġetti u proprjetà li ma jkunux għall-użu personali tal-persunal ta’ l-EUFOR, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew kontrollata mir-regolamenti ta’ kwarantina ta’ l-Istat Ospitanti. Tali spezzjoni għandha titmexxa biss fil-preżenza tal-persunal ta’ l-EUFOR konċernat jew ta’ rappreżentant awtorizzat ta’ l-EUFOR.

    Artikolu 7

    Persunal impjegat lokalment

    Il-persunal impjegat lokalment għandu jgawdi privileġġi u immunitajiet biss safejn ammess mill-Istat Ospitanti. Madankollu, l-Istat ospitanti għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq dak il-persunal b’tali mod li ma jfixkilx eċċessivament it-twettiq tal-funzjonijiet ta’ l-operazzjoni.

    Artikolu 8

    Ġurisdizzjoni kriminali

    L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Mittenti għandhom id-dritt jeżerċitaw fit-territorju ta’ l-Istat Ospitanti l-ġurisdizzjoni kriminali u s-setgħat dixxiplinarji kollha mogħtija lilhom bil-liġi ta’ l-Istat Mittenti fir-rigward tal-persunal kollu ta’ l-EUFOR soġġett għal-liġi rilevanti ta’ l-Istat Mittenti.

    Artikolu 9

    Uniformi u armi

    1.   L-ilbies ta’ l-uniformi għandu jkun suġġett għar-regoli adottati mill-kmandant tal-forza ta’ l- UE.

    2.   Il-persunal militari ta’ l-EUFOR jista’ jġorr armi u munizzjon bil-kondizzjoni li hu awtorizzat jagħmel dan skond l-ordnijiet li għandu.

    Artikolu 10

    Appoġġ ta’ l-Istat Ospitanti u kuntratti

    1.   L-Istat Ospitanti jaqbel, jekk jintalab, li jgħin lill-EUFOR fit-tfittxija għal faċilitajiet xierqa.

    2.   L-Istat ospitanti għandu jipprovdi, mingħajr ħlas, faċilitajiet li tagħhom ikun il-proprjetarju, u faċilitajiet proprjetà ta’ entitajiet ġuridiċi privati, safejn dawn l-istallazzjonijiet huma meħtieġa għat-twettiq ta’ attivitajiet amministrattivi u operattivi ta’ l-EUFOR.

    3.   Skond il-mezzi u l-kapaċitajiet tiegħu, l-Istat Ospitanti għandu jgħin fit-tħejjija, l-istabbiliment, it-twettiq u s-sostenn ta’ l-operazzjoni. L-assistenza u s-sostenn ta’ l-operazzjoni mill-Istat ospitanti għandhom jingħataw bl-istess kondizzjonijiet ta’ l-assistenza u s-sostenn mogħtijin lill-forzi armati ta’ l-Istat Opsitanti.

    4.   Il-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-EUFOR fl-Istat Ospitanti għandhom jiġu determinati mill-kuntratt.

    5.   Il-kuntratt jista’ jistipula li l-proċedura tar-riżoluzzjoni tat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 15(3) u (4) għandha tkun applikabbli għat-tilwim li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kuntratt.

    6.   L-Istat ospitanti għandu jiffaċilita l-implimentazzjonui tal-kuntratti konklużi mill-EUFOR ma’ l-entitajiet kummerċjali għall-finijiet ta’ l-operazzjoni.

    Artikolu 11

    Bidla ta’ faċilitajiet

    1.   L-EUFOR għandha tkun awtorizzata li tibni, tibdel jew timmodifika b’mod ieħor il-faċilitajiet kif mitlub għall-ħtiġijiet operattivi tagħha.

    2.   L-Istat Ospitanti m’għandu jitlob lill-EUFOR għall-ebda kumpens għal dan il-bini, tibdil jew modifikazzjonijiet.

    Artikolu 12

    Mewt ta’ persunal ta’ l-EUFOR

    1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkollu d-dritt li jieħu f’idejh u jagħmel arranġamenti xierqa għar-ripatrijazzjoni ta’ kwalunkwe membru mejjet tal-persunal ta’ l-EUFOR, kif ukoll ta’ kwalunkwe proprjetà personali tiegħu/tagħha.

    2.   M’għandha ssir ebda awtopsja fuq membru mejjet ta’ l-EUFOR mingħajr il-qbil ta’ l-Istat konċernat u l-presenza ta’ rappreżentant ta’ l-EUFOR u/jew l-Istat konċernat.

    3.   L-Istat Ospitanti u l-EUFOR għandhom jikkooperaw kemm jista’ jkun bil-ħsieb li jiġi ripatrijat malajr persunal mejjet ta’ l-EUFOR.

    Artikolu 13

    Sigurtà ta’ L-EUFOR u Pulizija Militari

    1.   L-Istat ospitanti għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jiżgura s-sigurtà ta’ l-EUFOR u l-persunal tiegħu.

    2.   L-EUFOR għandha tkun awtorizzata tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-faċilitajiet tagħha, inklużi dawk użati waqt it-taħriġ tagħha, kontra kull attakk jew intrużjoni esterni.

    3.   Il-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE jista’ jistabbilixxi unità ta’ pulizija militari sabiex iżomm l-ordni fil-faċilitajiet ta’ l-EUFOR.

    4.   L-unità tal-pulizija militari tista’ wkoll, f’konsultazzjoni u kooperazzjoni mal-pulizija militari jew il-pulizija ta’ l-Istat Ospitanti, topera barra minn dawk il-faċilitajiet biex tiżgura ż-żamma ta’ l-ordni u d-dixxiplina fost il-persunal ta’ l-EUFOR.

    Artikolu 14

    Komunikazzjonijiet

    1.   L-EUFOR tista’ tistalla u tħaddem stazzjonijiet tar-radju li jibagħtu u jirċievu, kif ukoll sistemi satellitari. Hija għandha tikkoopera ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Ospitanti bil-ħsieb li jiġu evitati konflitti fl-użu tal-frekwenzi adatti. L-Istat Ospitanti għandu jagħti l-aċċess mingħajr ħlas għall-ispektrum tal-frekwenza.

    2.   L-EUFOR għandha tgawdi d-dritt għal komunikazzjoni bla restrizzjonijiet bir-radju (inkluż radju satellitari, mobbli jew ta’ l-idejn), bit-telefon, bit-telegrafu, bil-fax u b’mezzi oħrajn, kif ukoll id-dritt li tistalla t-tagħmir meħtieġ għaż-żamma ta’ tali komunikazzjonijiet fi ħdan u bejn il-faċilitajiet ta’ l-EUFOR, inkluż it-tqegħid ta’ cables u linji fissi għall-fini ta’ l-operazzjoni.

    3.   Fi ħdan il-faċilitajiet tagħha l-EUFOR tista’ tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex titwassal il-posta indirizzata lil jew mill-EUFOR u/jew il-persunal ta’ l-EUFOR.

    4.   L-istallazzjoni tat-tagħmir imsemmi hawn fuq għandha titwettaq f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istat ospitanti skond l-arranġamenti previsti fl-Artikolu 18 ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 15

    Talbiet għal mewt, korriment, dannu jew telf

    1.   L-EUFOR u l-persunal ta’ l-EUFOR m’għandhom ikunu responsabbli għal ebda ħsara jew telf ta’ proprjetà ċivili jew tal-gvern relatati ma’ ħtiġijiet operattivi jew ikkawżati minn attivitajiet marbuta ma’ tfixkil ċivili jew mal-protezzjoni ta’ l-EUFOR.

    2.   Bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni bonarja, it-talbiet għal indennizz għal ħsara jew telf ta’ proprjetà ċivili jew tal-gvern mhux koperti mill-paragrafu 1, kif ukoll talbiet għal indennizz fuq mewt jew korriment ta’ persuni u għal ħsara jew telf ta’ proprjetà ta’ l-EUFOR, għandhom jitressqu lill-EUFOR permezz ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ospitanti, safejn ikunu konċernati t-talbiet imressqa minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi mill-Istat Ospitanti, jew lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Ospitanti, safejn huma konċernati t-talbiet imressqa mill-EUFOR.

    3.   Fejn ma tistax tinstab soluzzjoni amikevoli, it-talba għandha tintbagħat lil kummissjoni għat-talbiet magħmula fuq bażi indaqs minn rappreżentanti ta’ l-EUFOR u rappreżentanti ta’ l-Istat Ospitanti. Il-qbil dwar it-talbiet għandu jintlaħaq bi ftehim komuni.

    4.   Fejn ma tistax tintlaħaq soluzzjoni fi ħdan il-kummissjoni għat-talbiet, it-tilwima għandha:

    (a)

    għal talbiet ta’ EUR 40 000 jew inqas, tissolva b’mezzi diplomatiċi bejn l-Istat Ospitanti u rappreżentanti ta’ l-UE;

    (b)

    għal talbiet ‘il fuq mill-ammont imsemmi fil-punt (a), titressaq quddiem tribunal ta’ arbitraġġ, li d-deċiżjonijiet tagħha għandhom ikunu jorbtu.

    5.   It-tribunal ta’ l-arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tliet arbitri, li wieħed minnhom ikun maħtur mill-Istat Ospitanti, ieħor ikun maħtur mill-EUFOR u t-tielet wieħed ikun maħtur b’mod konġunt mill-Istat Ospitanti u l-EUFOR. Jekk waħda mill-partijiet ma taħtarx arbitru fi żmien xahrejn, jew jekk ma jistax jintlaħaq qbil bejn l-Istat ospitanti u l-EUFOR dwar il-ħatra tat-tielet arbitru, l-arbitru in kwistjoni għandu jinħatar mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

    6.   Għandu jiġi konkluż arranġament amministrattiv bejn l-EUFOR u l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istat Ospitanti sabiex jiġu determinati t-termini tar-referenza tal-kummissjoni tat-talbiet u tat-tribunal, il-proċedura applikabbli fi ħdan dawn il-korpi u l-kondizzjonijiet li bihom għandhom jiġu ppreżentati t-talbiet.

    Artikolu 16

    Kollegament u tilwim

    1.   It-tilwim kollu li jirriżulta in konnessjoni ma’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi rregolat b’mod konġunt mir-rappreżentanti ta’ l-EUFOR u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ospitanti.

    2.   F’nuqqas ta’ kwalunkwe deċiżjoni minn qabel, tilwim fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi deċiż bejn il-Parti Ospitanti u rappreżentanti ta’ l-UE b’mezzi diplomatiċi.

    Artikolu 17

    Disposizzjonijiet oħra

    1.   Kull meta dan il-Ftehim jirreferi għall-immunitajiet, privileġġi u drittijiet ta’ l-EUFOR u tal-persunal ta’ l-EUFOR, il-Gvern tal-Parti Ospitanti għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni u t-twettiq ta’ tali immunitajiet, privileġġi u drittijiet permezz ta’ l-awtoritajiet lokali xierqa tal-Parti Ospitanti.

    2.   Xejn f’ dan il-Ftehim ma huwa intiż jew għandu jiftiehem li jikkostitwixxi deroga minn kwalunkwe dritt li minnu jgawdi, skond ftehim oħra, Stat Membru ta’ l-UE jew kwalunkwe Stat ieħor li jikkontribwixxi għall-EUFOR jew għall-persunal tagħha.

    Artikolu 18

    Regoli ta’ applikazzjoni

    Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, kwistjonijiet operattivi, amministrattivi u tekniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ arranġamenti separati li jiġu konklużi bejn il-Kmandant tal-Forza ta’ l-UE u l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istat Ospitanti.

    Artikolu 19

    Dħul fis-seħħ u tmiem

    1.   Dan il-Ftehim għandu japplika b’mod temporanju mill-jum ta’ l-iffirmar tiegħu u jidħol fis-seħħ ma’ l-ikkompletar minn kull parti tal-proċeduri ta’ approvazzjoni interni tagħha, sad-data tat-tluq ta’ l-aħħar element ta’ l-EUFOR u ta’ l-aħħar membru tal-persunal ta’ l-EUFOR, kif notifikat mill-EUFOR.

    2.   Minkejja l-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 4(7), 5(1-3), 5(6), 5(7), 6(1), 6(3), 6(4), 6(6), 6(8-10), 10(2), 11, 13(1) u (2) u 15 għandhom jitqiesu bħala applikabbli mid-data ta’ l-iskjerament ta’ l-ewwel membru tal-persunal ta’ l-EUFOR jekk dik id-data kienet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

    3.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat abbażi ta’ ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet.

    4.   It-tmiem ta’ dan il-Ftehim m’għandux jaffettwa d-drittijiet jew l-obbligi li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ dan il-Ftehim qabel tali tmiem.

    Magħmul fi N’Djamena, 6 ta’ Marzu 2008 f’erba’ eżemplari oriġinali bil-Franċiż.


    (1)  ĠU L 279, 23.10.2007, p. 21.


    Top