EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C:2011:109:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, C 109, 8 ta' April 2011


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.109.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 109

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
8 ta' April 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 109/01

Rata tal-kambju tal-euro

1

 

V   Avviżi

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 109/02

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2

2011/C 109/03

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

6

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

8.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 109/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Is-7 ta’ April 2011

2011/C 109/01

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,4283

JPY

Yen Ġappuniż

121,70

DKK

Krona Daniża

7,4571

GBP

Lira Sterlina

0,87590

SEK

Krona Żvediża

9,0455

CHF

Frank Żvizzeru

1,3118

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,8175

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,435

HUF

Forint Ungeriż

264,28

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7093

PLN

Zloty Pollakk

3,9755

RON

Leu Rumen

4,1125

TRY

Lira Turka

2,1620

AUD

Dollaru Awstraljan

1,3614

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3695

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

11,1009

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,8345

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,8002

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 557,45

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

9,5544

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

9,3442

HRK

Kuna Kroata

7,3720

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 387,16

MYR

Ringgit Malażjan

4,3263

PHP

Peso Filippin

61,531

RUB

Rouble Russu

40,3840

THB

Baht Tajlandiż

42,963

BRL

Real Brażiljan

2,2842

MXN

Peso Messikan

16,8443

INR

Rupi Indjan

63,1380


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

8.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 109/2


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2011/C 109/02

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“CILIEGIA DELL’ETNA”

Nru tal-KE: IT-PDO-0005-0572-23.11.2006

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Ciliegia dell’Etna”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.6.

Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1):

Id-DOP “Ciliegia dell’Etna” hija attribwita għall-frott taċ-ċirasa b’togħma ħelwa “Prunus avium L.” li ġejja mill-familja tal-rosacee, ekotip Mastrantonio (Donnantonio). Il-karatteristiċi speċifiċi huma:

Zokkor: ≥ 19°Brix,

Aċidità (g aċidu maliku/100 ml): ≤ 0,4,

Rapport °Brix/aċidità: ≥ 47,5,

Konsistenza (N): ≥ 5,5,

Tul taz-zokk tal-frotta (mm): 35-55,

Piż minimu tal-frotta (g): 7.

Iċ-“Ciliegia dell’Etna” hi magħmula minn kulur aħmar nar, ta' daqs bejn medju u kbir, qarmieċi minn barra, b'laħma kompatta ħafna u b'zokk twil.

Il-frotta hi ħelwa, li iżda ma tikkawżax dardir, u l-aċidità baxxa tagħha tagħti togħma pjaċevoli u ekwilibrata ħafna.

Il-kategoriji tal-bejgħ taċ-“Ciliegia dell’Etna” huma definiti kif ġej:

Extra (E): frott li għandu piż ta' 8,5 grammi,

L-ewwel kategorija: frott li għandu piż ta' bejn is-7 u t-8,5 grammi.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

It-tkabbir taċ-“Ciliegia dell’Etna” għandha sseħħ fl-ambitu taż-żona deliminata fil-punt 4 li ġej. B'mod partikolari, wara li l-frotta tkun saret b'mod naturali, iċ-“Ciliegia dell’Etna” DOP, għandha tinqata' miz-zokk bl-idejn biex tiġi evitata kull infezzjoni u biex il-frotta ma titħassarx. Minn meta l-frott jinqata' sakemm dan jinbiegħ, għandu jinżamm f'postijiet friski u fid-dell biex jiġi evitat li tintilef il-kwalità u l-konservazzjoni.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

It-trattament taċ-“Ciliegia dell’Etna” DOP għandu jseħħ fl-ambitu taż-żona deliminata tal-produzzjoni skont il-punt 4 biex jiġi evitat li t-trasportazzjoni tal-prodott bl-ingrossa jikkawża taħsir jew telf tal-karatteristiċi uniċi tal-frotta. Fil-fatt, l-operazzjoni tal-ħatt u tat-trasport tista’ tikkawża t-taħsir tal-frott b’mod partikolari tal-epikarpju u tal-laħma, permezz tat-tħassir, tal-qsim u b’hekk tikkawża l-ħruġ tal-moffa, bil-konsegwenza li tiġi affettwata l-kwalità tal-prodott li jitqiegħed għall-konsum bid-denominazzjoni “Ciliegia dell’Etna” DOP.

Għaldaqstant hu meħtieġ li dawn l-operazzjonijiet jiġu mwettqa ġewwa ż-żona tal-produzzjoni minn ħaddiema li jkollhom kapaċitajiet professjonali, mingħajr ma jsir ebda trasferiment qabel l-ippakkjar u billi l-prodott jitqiegħed direttament fil-kontenituri li jkollhom daqs xieraq, wara l-ewwel għażla tal-frott biex jiġi mneħħi l-frott inferjuri. Jekk il-bejgħ tal-frott ma jsirx fi żmien 48 siegħa wara li jinġabar, il-frott għandu jitkessaħ billi jintuża l-metodu ta’ ħżin f’tagħmir li jkessaħ, u ġeneralment għandu jintuża t-tagħmir kollu li jnaqqas ir-ritmu tal-metaboliżmu respiratorju tal-frott.

Id-DOP “Ciliegia dell’Etna” għandha tinbiegħ friska f'kontenituri ġodda, nodfa u niexfa, magħmula minn materjal li jkun skont ir-regoli fis-seħħ għall-ippakkjar, b'kapaċità massima ta' 10 kg fi prodott u f’kontenituri bi ġnub sodi b’għoli li ma jkunx aktar minn 12-il ċentimetru biex tiġi evitata kwalunkwe ħsara kkważata minn ħażna kompatta matul it-trasferiment.

Il-kontenut tal-pakketti għandu jkun biss iċ-ċiras tal-ekotip Mastrantonio (Donnantonio), li jkun misjur bl-istess mod u jkollu daqs uniformi.

Kull kunsinna għandha tkun imgeżwra f'film tal-plastik, u magħluqa b'siġill apposta li jiggarantixxi li l-ftuħ tal-kunsinna jkun jista' jsir biss billi jinkiser l-istess siġill.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Fuq in-naħa ta' barra ta' kull kontenitur ippakkjat, minbarra l-logo tad-denominazzjoni għandu jidher is-simbolu grafiku komunitarju u t-termini relatati, l-informazzjoni meħtieġa skont il-liġi bħalma hu l-isem, l-isem tal-kumpanija u l-indirizz fejn ġie ppakkjat il-kontenitur, kif ukoll l-isem tal-ażjenda minn fejn ikun ġej il-frott, il-piż nett, id-data meta ġie ppakkjat u l-kategorija tal-bejgħ. Fid-disinn ma tista' tidher l-ebda indikazzjoni tal-oriġini li ma tkunx saret proviżjoni speċifika għaliha jew jiżdied kliem ieħor li jkun jista' jqarraq bil-konsumatur. Il-logo tad-denominazzjoni għandu għamla rettangolari, b'daqs ta' 100 mm bi 38 mm. Fuq nett hemm miktub il-kliem “Denominazione d’Origine Protetta”, fiċ-ċentru hemm miktub l-akronomu DOP u taħt tinsab id-denominazzjoni “Ciliegia dell’Etna”. Fuq in-naħa tal-lemin hemm stampa ta' żewġ ċirasiet ta' daqs differenti li jinsabu fuq il-mappa tar-reġjun Sqalli.

Image

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ta' produzzjoni tad-DOP iċ-“Ciliegia dell’Etna” titkabbar f'medda li testendi mill-baħar Jonju sa altitudni ta' 1 600 metru ’l fuq mill-baħar fuq l-għoljiet tal-Lvant u tax-Xlokk tal-Etna u tinkludi t-territorju amministrattiv tal-muniċipalitajiet fil-provinċja ta' Katanja: Giarre, Riposto, Mascali, Fiumefreddo di Sicilia, Piedimonte Etneo, Linguaglossa, Castiglione di Sicilia, Randazzo, Milo, Zafferana Etnea, S. Venerina, Sant’Alfio, Trecastagni, Pedara, Viagrande, Nicolosi, Ragalna, Adrano, Biancavilla, S. Maria di Licodia, Belpasso, Aci S. Antonio, Acireale.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Iż-żona għat-tkabbir taċ-“Ciliegia dell’Etna” DOP hija karatterizzata minn ħamrija li evolviet mis-sottostrati ta' oriġini vulkanika. B'mod partikolari, il-ħamrija ta' oriġini vulkanika u l-varjazzjonijiet fit-temperatura jiddeterminaw il-kulur aħmar taċ-“Ciliegia dell’Etna”. Fiż-żona tal-muntanja, il-ħamrija mhijiex fonda, b’livell għoli ta’ ġebel fis-superfiċje, għandha nisġa ramlija u għandha struttura għanja; filwaqt li fin-naħa tal-għoljiet u tal-kosta, il-ħamrija hija iktar żviluppata, fonda, b'komponenti franko-ramlija u tista' tissaqqa. Il-medda tat-territorju li tinfirex sa altitudni ta’ 1 600 metru ’l fuq mill-baħar toffri liċ-“Ciliegia dell’Etna” l-paramentri esklussivi f’dak li jirrigwarda l-perjodu li fih issir il-frotta. Fil-fatt, dan il-perjodu jkopri firxa wiesgħa’ li għall-ekotip Mastrantonio (Donnantonio) jibda mill-bidu ta’ Ġunju sal-aħħar għaxart ijiem ta’ Lulju. Il-każi tal-ġlata huma rari u jseħħu minħabba t-tibdil fit-temperatura, li mhix daqshekk evidenti f’żoni ta' għoljiet li jinħakmu mir-riħ. F'Lulju jiġu reġistrati gradi għolja ta' sħana b'temperatura massima ta' 44,3 °C u l-medja tat-temperatura tkun ta' bejn 39 u 40 °C. L-ammont annwali tax-xita hu l-aktar wieħed għoli fil-provinċja u fi Sqallija stess u dan jiżdied iktar ma-tkun għolja l-altitudni.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

L-element li jiddistingwi ċ-“Ciliegia dell’Etna” minn varjetajiet oħra li jitkabbru fit-territorju jew mill-istess varjetà li titkabbar lil hinn mit-territorju, hu l-aċidità baxxa flimkien mal-karatteristika tat-tqarmiċ u l-kontenut għoli ta' zokkor fil-frotta. Dan iwassal biex il-frotta tkun misjura, ikollha kulur aħmar nar u tkun minfuħa, ikollha togħma ħelwa ħafna iżda mingħajr is-sensazzjoni ta’ dardir li hi tipika għal dawk il-prodotti li jkun fihom konċentrazzjoni qawwija ta' zokkor Ma' dawn il-karatteristiċi għandu jiżdied ukoll il-fattur taż-żmien li fih isir il-frott, li huwa itwal minn dak ta' ċiras ieħor għaliex hu proporzjonat maż-żieda progressiva tal-altitudni fuq il-livell tal-baħar tal-art fejn isseħħ il-koltivazzjoni fiż-żona tal-vulkan Etna.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DOP) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Iż-żona enormi tal-Etna hi magħrufa sew għall-produzzjoni taċ-ċiras u għall-kwalità tagħhom. L-isem “Etna” hu marbut mill-qrib maċ-ċiras meta wieħed iqis li fl-Italja għadd kbir ta' konsumaturi jassoċċjaw il-lokal mal-prodott “ciliegia” u viċiversa. L-ispeċjalità taċ-“Ciliegia dell’Etna” hija strettament determinata mill-karatteristiċi morfoloġiċi u pedoklimatiċi taż-żoni tal-produzzjoni kif ukoll mill-kontribut tal-bdiewa fil-preparazzjoni tal-art u fil-ġestjoni tal-impjanti. Fil-fatt, jekk iż-żona ġeografika tal-produzzjoni li testendi mil-Lvant sax-Xlokk, il-livell għoli ta' teħid ta’ xemx, l-irjieħ prevalenti u l-varjazzjonijiet sinifikanti tat-temperatura joffru kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli għall-koltivazzjoni taċ-ċirasa, id-diffikultajiet minħabba li ż-żona tinsab qrib ħafna tal-vulkan Etna jesiġu sforzi qawwija min-naħa tal-bdiewa lokali biex it-territorju wiesa’, aħrax u għeri jsir produttiv. Għaldaqstant, il-kontribut tal-bniedem f’dan il-qasam irriżulta f’ħidma agrikola iebsa biex jittella’ l-ilma ta’ taħt l-art, titħaddem l-art u din tiġi mtarrġa. Dan wassal biex ġew żviluppati impjanti f’altitudnijiet differenti u biex il-bdiewa jkollhom ħiliet speċifiċi biex iħaddmu dawn l-impjanti. Anke llum, l-impenn kontinwu tal-bdiewa lokali biex jieħdu ħsieb il-manutenzjoni u jħaddmu b’mod korrett l-impjanti li jinsabu tul l-Etna, wassal biex ikun possibbli li l-frott jieħu aktar żmien biex isir bil-konsegwenza li l-frott jinġabar matul żmien twil u b’hekk iċ-“Ciliegia dell’Etna” tibbenefika bl-aqwa mod mill-kundizzjonijiet klimatiċi partikolarment favorevoli u l-produzzjoni tal-frotta tkun waħda li tiġi apprezzata għall-kulur ileqq, il-konsistenza u togħma delikata tagħha. Barra minn hekk, is-suċċess tal-festival tradizzjonali jikkonferma l-kwalità tal-prodott

Għaldaqstant, minbarra l-ambjent naturali anke l-fattur uman, bit-tradizzjonijiet antiki tiegħu, bit-tbatija tiegħu biex jibdel ix-“sciare” (li ġejja mit-terminu Għarbi “art maħruqa”) f'art fertili, l-użu wiesa’ ta’ impjanti ta’ irrigazzjoni lokali li jippermettu l-irrigazzjoni ta’ emerġenza u l-fertilizzazzjoni minħabba l-istaġun ta’ tkabbir twil f’perjodu xott, kien ta’ kontribut b’mod determinanti biex ġiet ikkaratterizzata r-rabta qawwija bejn iċ-“Ciliegia dell’Etna” u t-territorju tal-Etna.

Fil-fatt, madwar il-koltivazzjoni taċ-“Ciliegia dell’Etna”, matul is-snin, żviluppa sfond kulturali u impatt ekonomiku importanti permezz tal-artiġjanat, tat-tradizzjonijiet u tal-ħidma kontinwa tal-bdiewa li jkabbru l-frott u l-ħaxix matul is-sekli fejn għadhom s’issa jużaw fil-lessiku djalettiku l-isem ta’ “cirasa” jew “ciriegia”, il-preparazzjoni tar-raba’ magħrufa bħala “terre scatinate” jew tar-raba’ li jinħoloq wara li l-art titnaddaf mil-lava, it-tekniki tal-koltivazzjoni li ġejjin mill-prattika tat-tilqim “a sgroppo” jew “a pezzo” u t-teknika tal-ġbir tal-frott bl-idejn permezz tal-użu ta’ slielem bi tletin skaluna u bi qfief magħrufa bħala “panari”.

Fl-aħħar nett, abbażi ta' dawn l-elementi kollha, wieħed jista' jikkonferma, kif diġà ġie rrappurtat minn diversi awturi, li l-koltivazzjoni taċ-“Ciliegia dell’Etna” fit-territrorju tal-Etna għandha għeruq sodi li jmorru lura fis-snin u li l-esperjenza mill-bdiewa lokali, li għaddiet minn ġenerazzjoni għall-oħra, permezz ta' riċerka kontinwa u bl-implimentazzjoni ta' tekniki kulturali speċifiċi, iddeterminat il-kundizzjonijiet b'riżultat li l-koltivazzjoni taċ-“Ciliegia dell’Etna” ġiet ikkonsolidata b'suċċess matul is-snin, sakemm inbena patrimonju storiku-kulturali-tradizzjonali fit-territorju.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Din l-amministrazzjoni nediet il-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini taċ-“Ciliegia dell’Etna” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 75 tat-30 ta' Marzu 2006.

It-test ikkonsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab disponibbli:

fuq il-ħolqa li ġejja: http://www.politicheagricole.it/DocumentiPubblicazioni/Search_Documenti_Elenco.htm?txtTipoDocumento=Disciplinare%20in%20esame%20UE&txtDocArgomento=Prodotti%20di%20Qualit%E0>Prodotti%20Dop,%20Igp%20e%20Stg

jew

billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit tal-internet tal-Ministeru (http://www.politicheagricole.it) u mbagħad jagħfas fuq il-kliem “Prodotti di Qualità” (fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin), u billi fl-aħħar nett jagħfas fuq il-kliem “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE [regolamento (CE) n. 510/2006]”.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


8.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 109/6


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2011/C 109/03

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). L-istqarrijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“HOLSTEINER KATENSCHINKEN”/“HOLSTEINER SCHINKEN”/“HOLSTEINER KATENRAUCHSCHINKEN”/“HOLSTEINER KNOCHENSCHINKEN”

Nru tal-KE: DE-PGI-0005-0713-14.07.2008

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Holsteiner Katenschinken”/“Holsteiner Schinken”/“Holsteiner Katenrauchschinken”/“Holsteiner Knochenschinken”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Il-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   It-tip ta’ prodott:

Il-kategorija 1.2

Prodotti abbażi tal-laħam

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1:

Il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken”/“Holsteiner Schinken”/“Holsteiner Katenrauchschinken”/“Holsteiner Knochenschinken” (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken”) isir mill-perżut mil-laħam tal-majjal li jkun għad fadallu l-għadma tal-koxxa warranija ta’ fejn denb il-bhima u l-fibula. Il-perżut jinqata’ f’dawriet tondi b’qatgħa msejħa l-qatgħa tonda ta’ Ħamburg (“Hamburger Rundschnitt”), jitmellaħ bl-idejn u jingħadda minn proċess ta’ affumikar bil-mod fil-kesħa bil-fagu. Il-proċess kollu tal-produzzjoni, minn meta jasal il-laħam sa ma l-perżut jimmatura kollu, isir fiż-żona ġeografika identifikata u jieħu mill-inqas erba’ xhur. Wara li jintemm il-proċess tal-maturazzjoni, il-perżut ikun ta’ lewn aħmar skur u jkollu xi ftit strixxi ta’ grass fih. Huwa jkollu togħma tajba u riħa tfuħ ta’ duħħan naturali, l-iktar tal-fagu. It-togħma tax-xaħam tfakkrek kemm kemm fil-ġewż. Meta tmissu, il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” huwa lixx u robust (sod).

Il-prieżet lesti jiżnu minn madwar 7,5 kilogrammi sa 19-il kilogramm, skont ir-razza ta’ ħanżir li tintuża. Il-kontenut massimu tal-ilma huwa ta’ 68 %.

L-ingredjenti bażiċi li jintużaw huma l-laħam tal-majjal, id-duħħan, il-melħ, is-salnitru, il-melħ tan-nitritu għat-tmelliħ u l-ħwawar. Barra minn hekk, għall-proċess tal-affumikar bil-mod fil-kesħa jintuża biss il-fagu.

Il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” jinbiegħ sħiħ bħala biċċa waħda, jewinkella jinqata’ biċċiet, skont xi jkun irid ix-xerrej. Barra minn hekk, xi qatgħat tal-perżut (il-falda l-irqiqa, it-tarf (il-“butt end”), il-falda l-ħoxna u l-qatgħat dawra dawra) jitqiegħdu f’pakketti li minnhom titneħħa l-arja kollha biex jimmaturaw u mbagħad jinbiegħu wara li jkunu mmaturaw għal kollox.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Għall-produzzjoni tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” jintużaw il-koxox tal-majjali ta’ kwalunkwe oriġini.

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-proċess kollu tal-produzzjoni, minn meta tasal il-materja prima sa ma l-perżut jimmatura kollu, irid isir fiż-żona ġeografika identifikata.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar:

Il-prodott (bħala biċċa sħiħa, maqtugħ biċċiet jew maqtugħ dawra dawra) irid ikollu l-isem “Holsteiner Katenschinken” jidher fuq il-pakkett. L-għaqda għall-ħarsien tal-produtturi tal-perżut ta’ Schleswig-Holstein, imsejħa “Schutzgemeinschaft Schleswig-Holsteinischer Schinkenhersteller e.V.” tagħti lill-membri tagħha emblema tal-għaqda. Il-membri mbagħad jistgħu jużaw din l-emblema fuq il-pakketti tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” li jkun qed jinbiegħ bħala biċċa sħiħa, maqtugħ biċċiet jew maqtugħ dawra dawra. Il-kumpaniji li mhumiex imsieħba fl-għaqda wkoll jistgħu jipproduċu u jqiegħdu fis-suq il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken”, dejjem jekk huma jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet mogħtija fl-ispeċifikazzjoni.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika tinkludi r-reġjun kollu ta’ Schleswig-Holstein.

5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

Hemm tradizzjoni twila marbuta mal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein. Fil-fatt, dan il-perżut jifforma parti stabbilita sew mill-kultura ta’ dan ir-reġjun.

L-iżvilupp storiku tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” jidher mill-ħidma flimkien ta’ diversi fatturi. Fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein, dawn il-fatturi jikkaratterizzaw il-proċess speċjali tal-produzzjoni tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” u l-kwalità għolja tiegħu li tiġi minn dan il-proċess:

Il-kundizzjonijiet klimatiċi tar-reġjun ta’ Schleswig-Holstein wasslu biex fih kibru foresti li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma magħmulin mis-siġar tal-ballut u tal-fagu. Il-frott tagħhom, jiġifieri l-ġandar u l-ġewż tal-fagu, kienu jintużaw bħala għalf biex il-ħnieżer jismnu. Qabel, it-tismin tal-ħnieżer u l-forestrija kienu elementi ewlenin tal-agrikoltura fir-reġjun.

Il-fagu ma kienx jintuża biss fil-bini tad-djar, iżda, minħabba li jinħaraq bil-mod, kien jintuża wkoll bħala ħatab għall-ħġejjeġ fid-djar. Minħabba li fi Schleswig-Holstein kien hemm ħafna injam u minħabba t-tip ta’ ekonomija li kien hemm f’dan ir-reġjun, fih ġiet żviluppata tip ta’ dar partikulari, magħrufa bħala “Hallenhaus”, li ma kienx fiha ċumnija. Il-perżut u prodotti oħra bbażati fuq il-laħam kienu jiġu affumikati bid-duħħan tal-ħġejjeġ. Dak iż-żmien dan kien wieħed mill-ftit metodi ta’ konservazzjoni li kienu jeżistu. Sa miż-żmien meta l-ewwel nies bdew jgħixu fir-reġjun sal-Medju Evu u sa żmien l-era industrijali, din it-tip ta’ dar baqgħet l-iktar waħda użata fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein, u l-waħda bl-ikbar firxa territorjali fih.

Id-dar tat-tip “Hallenhaus”, li kienet il-mudell għall-kmamar tal-affumikar imsejħa “Räucherkaten”, hija marbuta bis-sħiħ mat-tradizzjoni u mal-iżvilupp tal-proċess tal-affumikar fil-kesħa tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” u l-konsumaturi wkoll jorbtuha b’mod pożittiv ma’ din l-ispeċjalità.

Minħabba l-livell għoli tal-umdità li jkun hemm il-ħin kollu fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein, it-tnixxif tal-perżut bl-arja mhux – u qatt ma kien – possibbli fih, minħabba li l-moffa tifforma malajr. Minħabba f’hekk, ġie żviluppat dan it-tip ta’ affumikar speċjali għall-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken”.

It-tmelliħ, li huwa l-istadju ta’ qabel l-affumikar, seta’ jsir biss minħabba li, minn kmieni, f’dan ir-reġjun kellhom il-melħ. Dan kien jinkiseb mill-ilma baħar jew billi kienu jaħarqu pjanti li kellhom livell għoli ta’ mluħa. Id-domanda dejjem tikber għall-melħ setgħet tiġi ssodisfata billi kienu jintużaw ir-rotot tan-negozju msejħin “Ochsenweg” u “Salzstrasse”.

Meta bdiet l-era industrijali f’nofs is-seklu 19 u kien hemm domanda dejjem ikbar għal-laħam, l-affumikar tal-perżut fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein ma baqax isir biss biex jinqdew il-ħtiġijiet tal-familji fir-reġjun, iżda beda jsir fuq skala industrijali.

Il-proċess tradizzjonali tal-affumikar fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein għandu l-għeruq tiegħu fid-drawwiet tar-reġjun. Tradizzjonalment, il-qtil tal-ħnieżer u l-affumikar tal-prieżet kienu xogħlijiet li kienu jsiru fil-perjodi ta’ kesħa ta’ matul is-sena.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

Il-perżut nej użat biex jiġi prodott il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” jitmellaħ biss bl-idejn. Dan huwa proċess tat-tmelliħ niexef. Il-perżut jitħalla jimmatura għal tliet sa tmien ġimgħat fil-kmamar tat-tmelliħ f’temperatura baxxa u kostanti u matul dan il-perjodu jerġa’ jitmellaħ kull ġimgħa bl-idejn. It-taħlita tat-tmelliħ tiddaħħal fil-perżut fuq l-imwejjed tat-tmelliħ fil-kmamar tat-tmelliħ u mbagħad il-perżut jitqiegħed fi skutelli tat-tmelliħ jew fuq l-ixkafef sabiex jimmatura. Matul il-perjodu tat-tmelliħ, il-melħ u l-ħwawar jidħlu minn fuq barra tal-perżut għal ġo fih.

Wara t-tmelliħ, il-perżut jintmaxat jew jissaffa u jitħalla għal darb’oħra jimmatura f’post għall-kesħa b’temperatura kkontrollata. Il-perżut jimmatura matul dan il-proċess.

Qabel ma l-perżut jiddendel fil-kamra tal-affumikar, jitħalla jinxef fil-wiċċ. Il-proċess tal-affumikar jista’ jieħu diversi ġimgħat. Huwa jsir kemm fil-kmamar tal-affumikar tradizzjonali, kif ukoll fi kmamar tal-affumikar moderni. It-togħma tipika tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” ġejja mill-użu tradizzjonali tal-injam tal-fagu bħala ħatab. Dan l-injam jinħaraq bil-mod fil-forma ta’ bċejjeċ minn zkuk imqattgħin jew laqx, u jibqa’ jnemnem u jdaħħan bil-mod għal ħin twil.

Wara li jintemm il-proċess tal-maturazzjoni, il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” ikun ta’ lewn aħmar skur u jkollu xi ftit strixxi ta’ grass fih. Huwa jkollu togħma tajba u riħa tfuħ ta’ duħħan naturali. It-togħma tax-xaħam tfakkrek kemm kemm fil-ġewż. Meta tmissu, il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” huwa lixx u sod.

5.3.   Ir-rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Il-fatturi speċjali tar-reġjun ta’ Schlewsig-Holstein imsemmija hawn fuq – il-kundizzjonijiet klimatiċi, it-tip ta’ dar speċjali bil-ħġejjeġ, id-disponibbiltà tal-materja prima meħtieġa u l-iżvilupp ekonomiku – għenu t-tradizzjoni twila tal-produzzjoni tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” bil-proċess speċjali ta’ affumikar fil-kesħa bid-duħħan tal-fagu u wasslu biex dan il-prodott ikollu tifsira speċjali fil-kultura ta’ dan ir-reġjun. B’hekk, il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” sar speċjalità tipika ta’ dan ir-reġjun, b’reputazzjoni msejsa l-aktar fuq ir-rabta tiegħu mill-qrib maż-żona minn fejn joriġina.

Il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” huwa speċjalità tipika ta’ dan ir-reġjun li għandu tradizzjoni twila u li huwa magħruf sewwa, anke lil hinn mill-fruntieri tar-reġjun. Barra minn hekk, huwa għandu reputazzjoni tajba, l-aktar fir-reġjun stess.

Dan il-perżut ilu jgawdi fama tajba għal mijiet ta’ snin. L-eqdem dokument bil-miktub li fih jissemma huwa dokument tal-1608 li jitkellem dwar il-konsenja ta’ perżut mir-reġjun lir-re Daniż Kristinu IV, li dak iż-żmien kien imexxi r-reġjun. Fid-dizzjunarju universali ta’ Zedler tal-1742, imsejjaħ “Universallexikon”, diġà kienu ssemmew b’mod speċjali l-kwalità u l-valur għoli tas-suq tal-perżut u tal-bejken mir-reġjun meta mqabblin ma’ dawk tal-prodotti affumikati mir-reġjuni ta’ Westfalen u Pommern u mid-Danimarka.

Fi żmien il-vjaġġi lejn l-Indji tal-Punent fis-seklu 18, il-perżut u l-bejken mir-reġjun kienu fost il-prodotti tal-esportazzjoni l-iktar imfittxija u kienu jingħataw bi skambju għaz-zokkor u r-rum fil-gżejjer tal-Karibew.

Fir-ristoranti lokali, il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” minn dejjem kien offrut bħala speċjalità reġjonali b’togħma partikolarment tajba. Dan il-perżut ilu għexieren tas-snin jiġi offrut matul is-sena kollha kważi fil-menuwijiet kollha ta’ kull ristorant u lukanda li joffru speċjalitajiet reġjonali, u għan-nies tal-post, huwa l-prodott l-iktar mitlub li jittiekel tradizzjonalment mal-ispraġ prodott fir-reġjun.

Fir-riklami għat-turisti u fir-rapporti ta’ ħafna mezzi tax-xandir, dan il-perżut ukoll jintwera bħala speċjalità mfittxa ferm. Li wieħed iżur kamra tal-affumikar li fiha jiġi prodott il-perżut affumikat hija ħaġa stabbilita fil-programmi tat-turisti li jiġu waqt mawriet b’tal-linja u ta’ ħafna turisti li jkunu fil-post għal ġurnata waħda biss. Il-ħafna festi tal-perżut marbutin ma’ xi staġun partikulari jgħinu biex tikber il-fama tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken”.

Barra minn hekk, ir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein ilu għexieren ta’ snin jippreżenta l-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” bħala wieħed mill-ispeċjalitajiet inkredibbli u tipiċi tar-reġjun fil-fiera tal-agrikoltura u tal-konsumaturi msejħa “Il-ġimgħa internazzjonali tal-ħxejjex” li ssir f’Berlin.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

L-ispeċifikazzjoni sħiħa hija ppubblikata:

fit-taqsima 7a-aa tal-volum 51 tal-“Markenblatt” tal-21 ta’ Diċembru 2007, p. 23771

http://publikationen.dpma.de/DPMApublikationen/dld_gd_file.do?id=221


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top