EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Reżistenza għall-antimikrobiċi — azzjoni tal-UE

Reżistenza għall-antimikrobiċi — azzjoni tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Komunikazzjoni (COM(2011 748 final) — Pjan ta’ azzjoni kontra t-theddid li qed jiżdied tar-reżistenza antimikrobika

X’INHU L-GĦAN EWLIENI TAL-PJAN TA’ AZZJONI?

Huwa jippreżenta approċċ komplut biex tiġi indirizzata t-theddida li qed tiżdied tar-reżistenza għall-antimikrobiċi*. B’konformità mal-inizjattiva “Saħħa Waħda” tal-Unjoni Ewropea (UE), dan ikopri oqsma bħall-mediċina għall-bniedem u dik veterinarja, it-trobbija tal-annimali, l-agrikoltura, il-kummerċ u l-ambjent. Il-ministri tal-UE taw l-approvazzjoni politika għal sett ta’ miżuri ulterjuri f’Ġunju tal-2016.

Il-pjan ta’ azzjoni kien issostitwit mill-“pjan ta’ azzjoni Ewroprew saħħa waħda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi”, adottat fl-2017 (ara s-sommarju rilevanti).

PUNTI EWLENIN

Il-pjan ta’ azzjoni dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) għandu l-għan li:

  • jiżgura li l-antimikrobiċi jintużaw kif xieraq kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali;
  • jipprevjeni l-infezzjonijiet mikrobiċi u t-tifrix tagħhom;
  • jiżviluppa antimikrobiċi ġodda effettivi jew alternattivi għat-trattament;
  • jikkoopera mal-imsieħba internazzjonali biex jitrażżnu r-riskji tal-AMR;
  • itejjeb il-monitoraġġ u s-sorveljanza fil-mediċina għall-bniedem u l-annimali;
  • jippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni;
  • itejjeb il-komunikazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

Il-pjan ta’ azzjoni stabbilixxa 12-il azzjoni speċifika biex jilħaq 7 għanijiet. Dawn kienu jvarjaw mit-titjib tal-prevenzjoni tal-infezzjonijiet fl-isptarijiet għat-tisħiħ tas-sistemi ta’ sorveljanza tal-AMR.

Evalwazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni 2011-2016, li nħarġet fi Frar tal-2016, sabet li:

  • l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ sorveljanza kienu tjiebu ħafna;
  • mill-2011 ’l hawn kien hemm tnaqqis ġenerali fl-antimikrobiċi mibjugħa għall-użu fl-annimali fl-UE;
  • il-bejgħ tal-antibijotiċi għall-bnedmin kien stabbilizza;
  • kien sar progress konsiderevoli fir-riċerka u l-innovazzjoni;
  • il-Kummissjoni Ewropea kienet qed tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali biex iħeġġu l-prattika tajba fis-servizzi tas-saħħa pubblika u tal-annimali;
  • il-proposti leġiżlattivi dwar il-mediċina veterinarja u l-għalf medikat (2014) u dwar liġi dwar is-saħħa tal-annimali ġdida (ippubblikata fl-2013 u adottata fl-2016) għandhom jgħinu biex tiġi indirizzata l-AMR;
  • il-pjan ta’ azzjoni serva bħala simbolu tal-impenn politiku tal-UE u ta stimolu lill-azzjonijiet fi ħdan il-pajjiżi tal-UE.

F’Ġunju tal-2016, il-pajjiżi tal-UE taw l-approvazzjoni politika tagħhom għal strateġija wiesa’ biex tiġi indirizzata l-AMR. Din kienet titlob:

  • lill-pajjiżi tal-UE biex:
    • ikollhom pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra l-AMR fis-seħħ sa nofs l-2017;
    • jinvolvu lill-ministeri rilevanti kollha fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tiegħu;
    • jistabbilixxu miri li jistgħu jitkejlu biex inaqqsu l-infezzjonijiet fil-bnedmin u fl-annimali;
    • iqajmu kuxjenza fost il-konsumaturi, dawk li jrabbu l-annimali u professjonisti rilevanti;
    • iħeġġu lill-kumpaniji tal-mediċini biex jiżviluppaw prodotti ġodda;
  • lill-pajjiżi tal-UE u lill-Kummissjoni biex:
    • jiżviluppaw pjan ta’ azzjoni tal-UE ġdid u komprensiv dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi bbażat fuq l-approċċ “Saħħa Waħda”;
    • jaġixxu kontra l-kummerċ u l-użu illegali tal-antimikrobiċi;
    • isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni u setturi rilevanti oħra inkluża l-mediċina għall-bniedem u dik veterinarja, l-ikel, l-ambjent u r-riċerka;
    • jiżviluppaw linji gwida tal-UE dwar l-użu prudenti mill-bniedem tal-antimikrobiċi;
    • jiżguraw li l-UE għandha approċċ komuni f’diskussjonijiet globali dwar l-AMR;
  • lill-Kummissjoni biex:
    • tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE fl-isforzi tagħhom;
    • tirrapporta lill-pajjiżi tal-UE darba fis-sena dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-AMR.

SFOND

  • L-AMR hija fenomenu naturali, iżda l-użu eċċessiv u mhux xieraq tal-mediċini antimikrobiċi fuq il-bnedmin u l-annimali, u kontrolli ta’ infezzjoni dgħajfa wasslu sabiex saret theddida serja għas-saħħa globalment.
  • L-AMR għandha impatt dirett fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija. Fl-UE, 25 000 persuna jmutu kull sena minn infezzjonijiet minħabba batterji reżistenti għall-antibijotiċi. Dawn l-infezzjonijiet jirriżultaw fi spejjeż żejda tal-kura tas-saħħa u telf ta’ produttività ta’ mill-inqas EUR 1.5 biljun kull sena.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR): l-abbiltà tal-mikroorganiżmi li jirreżistu t-trattament antimikrobiku, speċjalment l-antibijotiċi.

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Pjan ta’ Azzjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta’ Reżistenza Antimikrobika (COM(2011) 748 final, 15.11.2011)

DOKUMENTI RELATATI

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-passi li jmiss biex l-UE ssir reġjun tal-aħjar prattika fil-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi (ĠU C 214, 25.6.2019, pp. 1-7)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Pjan ta’ Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (AMR) (COM(2017) 339 final, 29.6.2017)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-passi li jmiss fil-qafas ta’ approċċ ta’ Saħħa Waħda biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi (ĠU C 269, 23.7.2016, pp. 26-30)

l-aħħar aġġornament 04.10.2019

Top