Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Jemen
SOMMARJU TA’:
Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Jemen
Id-Deċiżjoni 98/189/KE dwar il-Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Jemen
X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?
- Il-ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ u jiżviluppa d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea (issa l-Unjoni Ewropea) u r-Repubblika tal-Jemen dwar:
- l-iżvilupp;
- il-kummerċ;
- il-kooperazzjoni ekonomika u kulturali;
- il-ħarsien ambjentali;
- il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali; u
- l-iżvilupp tar-riżorsi umani.
- Id-deċiżjoni tikkonkludi l-ftehim bejn l-UE u r-Repubblika tal-Jemen.
PUNTI EWLENIN
Il-ftehim huwa bbażat fuq ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem fundamentali u l-objettivi tiegħu fl-oqsma msemmija hawn fuq huma li:
- jippromwovi u jintensifika l-kummerċ u jiżviluppa kooperazzjoni ekonomika sostenibbli;
- isaħħaħ il-kooperazzjoni fl-oqsma relatati mal-progress ekonomiku;
- jikkontribwixxi għall-isforzi tal-Jemen biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-istandards tal-għajxien tal-gruppi l-aktar żvantaġġati tal-popolazzjoni;
- jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi mħares l-ambjent u tiġi żgurata ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;
- jestendi l-kooperazzjoni għall-qasam tal-kultura, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni biex jitjieb il-fehim reċiproku.
Oqsma ta’ kooperazzjoni
Kooperazzjoni fil-kummerċ
Fil-qasam tal-kooperazzjoni fil-kummerċ, il-partijiet jaqblu li:
- jġibu l-politiki tal-kummerċ tagħhom konformi mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;
- jagħtu lil xulxin trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit* għajr fir-rigward ta’ preferenzi mogħtija taħt unjoni doganali, żona ta’ kummerċ ħieles jew żona ta’ trattament preferenzjali;
- jiżviluppaw u jiddiversifikaw il-kummerċ bilaterali;
- itejbu t-termini ta’ aċċess għall-prodotti u jeliminaw l-ostakli għall-kummerċ;
- jipprovdu assistenza teknika, jaqsmu l-informazzjoni u jtejbu l-kooperazzjoni fil-qasam doganali;
- jikkunsidraw eżenzjonijiet temporanji mid-dazju, mit-taxxa u minn imposti oħra; u
- jikkonsultaw lil xulxin dwar kwalunkwe tilwima relatata mal-kummerċ.
Il-Jemenjaqbel li jipproteġi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali u jiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ aċċess mhux ristrett għall-merkanzija fuq bażi kummerċjali u mhux diskriminatorja għas-servizzi marittimi internazzjonali.
Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp
Fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-UE tirrikonoxxi li tista’ tagħti kontribut akbar f’termini ta’ daqs u impatt u għalhekk timpenja ruħha li tgħin lill-Jemen inaqqas il-faqar billi jiżviluppa:
- edukazzjoni primarja u taħriġ;
- kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar;
- provvista tal-ilma;
- żvilupp rurali; u
- kura tas-saħħa aħjar.
II-kooperazzjoni għandha tkun iggwidata minn strateġija ta’ kooperazzjoni ċara li tqis it-tqassim ġeografiku tal-impenjiu tkun akkumpanjata minn djalogu sabiex jiġu definiti l-prijoritajiet miftiehma b’mod reċiproku u jiġu segwiti l-effettività u s-sostenibbiltà.
Kooperazzjoni ekonomika
Biex jintwera l-impenn għall-kooperazzjoni ekonomika, djalogu ekonomiku regolari se jkopri l-oqsma kollha tal-politika makroekonomika, inkluża l-politika baġitarja, il-bilanċ tal-pagamenti u l-politika monetarja. L-għan tiegħu se jkun li jistabbilixxi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet rilevanti sabiex:
- jiġi żviluppat ambjent ekonomiku kompetittiv li jiffaċilita l-iżvilupp ta’ negozji żgħar u ta’ daqs medju;
- jiġu ffaċilitati l-kuntatti u l-iskambji ta’ informazzjoni, jitmexxa djalogu ekonomiku u jittejjeb il-fehim reċiproku;
- tittejjeb il-kooperazzjoni dwar l-istandards u r-regolamenti;
- jissaħħaħ it-taħriġ dwar il-ġestjoni;
- jiġi promoss djalogu dwar il-politika fuq l-enerġija, it-trasferiment ta’ teknoloġija u l-kooperazzjoni teknoloġika;
- jiġu appoġġati l-isforzi tal-Jemen biex jimmodernizza u jirristruttura l-industrija tiegħu;
- jiġi promoss l-involviment tas-settur privat fil-programmi ta’ kooperazzjoni;
- tiġi promossa l-kooperazzjoni fis-servizzi finanzjarji;
- tiġi nkoraġġuta l-kooperazzjoni fit-trasport u fil-ġestjoni tat-trasport;
- jiġi stabbilit djalogu u, fejn possibbli, tingħata assistenza għar-regolamentazzjoni u l-istandardizzazzjoni tat-telekomunikazzjoni u l-iżvilupp ta’ proġetti, b’mod partikolari rigward applikazzjonijiet telematiċi fl-edukazzjoni, is-saħħa, l-ambjent, it-trasport u l-kummerċ elettroniku;
- jiġi promoss l-investiment billi tinħoloq klima aktar favorevoli għall-investituri.
Il-kooperazzjoni ekonomika u forom oħra ta’ kooperazzjoni jistgħu jiġu estiżi għal attivitajiet taħt ftehimiet ta’ kooperazzjoni jew integrazzjoni ma’ pajjiżi oħra fl-istess reġjun biex jikkontribbwixxu għall-kooperazzjoni reġjonali. Għal dan il-għan hemm ippjanata koordinazzjoni mal-programmi ta’ kooperazzjoni deċentralizzati tal-UE mal-pajjiżi tal-Mediterran u tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf.
Agrikoltura u sajd
Rigward l-agrikoltura u s-sajd, l-għan huwa li s-settur jiġi modernizzat u ristrutturat bil-ħsieb tal-implimentazzjoni ta’:
- strateġija nazzjonali dwar sigurtà fl-ikel;
- l-iżvilupp ta’ swieq stabbli;
- żvilupp rurali integrat;
- l-iżvilupp tas-settur privat;
- diversifikazzjoni tal-produzzjoni;
- tnaqqis tad-dipendenza fuq l-ikel; u
- kooperazzjoni fl-oqsma tas-saħħa, kwistjonijiet veterinarji u tas-saħħa tal-pjanti, assistenza teknika u taħriġ.
Ambjent
Il-partijiet jirrikonoxxu li hemm rabta mill-qrib bejn il-faqar u l-ħsara ambjentali u għalhekk jaqblu li jagħtu l-ogħla prijorità lill-ħarsien ambjentali. Dan se jinvolvi:
- it-twaqqif ta’ strutturi amministrattivi, regolatorji u ta’ informazzjoni għall-ġestjoni razzjonali tal-ambjent;
- l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija sostenibbli u li ma jniġġsux;
- l-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni reġjonali; u
- l-iskambju ta’ informazzjoni u għarfien.
Oqsma oħra
- Il-kooperazzjoni fl-oqsma tat-turiżmu, ix-xjenza u t-teknoloġija għandha l-għan li tippromwovi l-kooperazzjoni, l-iskambji ta’ informazzjoni u l-iżvilupp.
- Aktar objettivi jinkludu:
- il-ġlieda kontra l-abbuż tad-droga, inkluża l-produzzjoni illeċita ta’ drogi, narkotiċi u sustanzi psikotropiċi u l-kummerċ tagħhom;
- il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus; u
- l-kontroll tal-prekursuri kimiċi.
- Fil-qasam soċjali, se tingħata prijorità li:
- jiġu rrispettati d-drittijiet soċjali bażiċi, b’enfasi fuq miżuri li jippromwovu l-ugwaljanza effettiva tan-nisa u l-involviment ġust tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
- jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali tal-ommijiet u t-tfal; u
- tittejjeb is-sistema tal-protezzjoni soċjali u l-kopertura tas-saħħa.
- L-iżvilupp tar-riżorsi umani se jkun kopert ukoll bħala parti integrali mill-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Se jsiru sforzi biex jiġu promossi:
- l-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni;
- l-iżvilupp tal-ħiliet permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ; u
- l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji.
- Se tittieħed ukoll azzjoni dwar l-informazzjoni, il-kultura u l-komunikazzjoni biex jitjieb il-fehim reċiproku u jissaħħu r-rabtiet kulturali. Din se tiffoka fuq programmi ta’ informazzjoni reċiproka, il-konservazzjoni u r-restawr ta’ monumenti, edukazzjoni u taħriġ u avvenimenti kulturali.
Aspetti istituzzjonali
- Ġie stabbilit Kumitat ta’ Kooperazzjoni Konġunt biex jissorvelja l-implimentazzjoni ġenerali tal-ftehim. Dan ser jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-ftehim, jistabbilixxi l-prijoritajiet tiegħu u jagħmel rakkomandazzjonijiet. Iż-żewġ partijiet jixtiequ kuntatti regolari bejn il-Parlament Ewropew u dak tal-Jemen.
- Il-ftehim jista’ jiġi estiż u jissostitwixxi dispożizzjonijiet inkompatibbli jew identiċi. Dan ma jaffettwax is-setgħat tal-pajjiżi tal-UE li jwettqu attivitajiet bilaterali. In-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu jista’ jfisser li se jittieħdu miżuri kontra l-parti l-oħra iżda dan jista’ jiġi eliminat permezz ta’ tentattivi biex tinstab soluzzjoni li tfixkel il-funzjonament tal-ftehim bl-inqas mod possibbli.
- L-uffiċjali u l-esperti involuti fl-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim se jgawdu minn garanziji, faċilitajiet u privileġġi legali skont l-istandards internazzjonali.
DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ
Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1998.
SFOND
Fi Frar 2019, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Jemen li jaffermaw mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen fid-dawl tal-kunflitt li ilu għaddej għal aktar minn 6 snin. Huwa laqa’ wkoll l-adozzjoni unanima tal-UNSCR 2451 u 2452 li tirfed il-Ftehim ta’ Stokkolma u tistabbilixxi l-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti biex tappoġġa l-Ftehim ta’ Hudaydah (UNMHA).
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Nazzjon l-aktar iffavorit: klawżola ta’ nazzjon l-aktar iffavorit (MFN) tirrikjedi li pajjiż jipprovdi kwalunkwe konċessjoni, privileġġ jew immunità mogħtija lil nazzjon wieħed fi ftehim kummerċjali lill-pajjiżi membri l-oħra kollha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
DOKUMENTI EWLENIN
Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Jemen (ĠU L 72, 11.3.1998, pp. 18-29)
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/189/KE tat-23 ta’ Frar 1998 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Jemen (ĠU L 72, 11.3.1998, p. 17)
DOKUMENTI RELATATI
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen, 18 ta’ Frar 2019
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen, 25 ta’ Ġunju 2018
Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar il-Jemen — stqarrija għall-istampa, 3.4.2017
Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Jemen (ĠU L 178, 23.6.1998, p. 38)
l-aħħar aġġornament 27.04.2020