Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sorveljanza tal-politiki baġitarji

Sorveljanza tal-politiki baġitarji

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 -it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jintroduċi l-fergħa preventiva tal-patt ta' stabbiltà u tkabbir. Dawn huma miżuri preventivi mfassla sabiex jiżguraw id-dixxiplina baġitarja neċessarja għall-operazzjoni mingħajr xkiel tal-Unjoni Ewropea (UE).
  • Dan ma jikkonċernax biss lil dawk il-pajjiżi tal-UE li adottaw il-munita unika iżda anki lil dawk li għadhom ma pparteċipawx ukoll.

PUNTI EWLENIN

  • Dan ir-Regolament għandu l-għan li jimmonitorja u jikkoordina l-politiki baġitarji tal-pajjiżi tal-UE, bħala miżura preventiva sabiex tiġi żgurata dixxiplina baġitarja fi ħdan l-UE.
  • Biex jagħmel dan, huwa jipprovdi għal Semestru Ewropew fil-bidu ta' kull sena sabiex jgħin lill-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu politiki baġitarji b'saħħithom. Il-pajjiżi tal-UE jippreżentaw programmi ta' stabbilità (għal pajjiżi fiż-żona tal-euro) u programmi ta' konverġenza (għal pajjiżi barra miż-żona tal-euro) lill-Kummissjoni Ewropea li fihom huma jadottaw objettivi baġitarji ta' terminu medju. Dawn il-programmi huma vvalutati mill-Kummissjoni u huma s-suġġett ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-Kunsill għal kull pajjiż.

Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika

  • Is-Semestru Ewropew huwa perjodu ta' 6 xhur li matulu jiġu eżaminati l-politiki baġitarji tal-pajjiżi tal-UE.
  • Fil-bidu tas-Semestru, il-Kunsill jidentifika l-isfidi ekonomiċi ewlenin għall-UE u jipprovdi lill-pajjiżi tal-UE b'linji gwida strateġiċi tal-politika li għandhom jiġu segwiti.
  • Sussegwentement, u abbażi ta' dawn il-linji gwida, il-pajjiżi tal-UE għandhom ifasslu:
  • Fi tmiem is-Semestru Ewropew u wara valutazzjoni tal-programmi, il-Kunsill jibgħat rakkomandazzjonijiet lil kull pajjiż tal-UE. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill jagħti l-opinjoni tiegħu qabel ma l-pajjiżi tal-UE jfasslu l-baġits finali tagħhom għas-sena ta' wara.

Objettivi baġitarji ta' terminu medju

  • Kull pajjiż tal-UE għandu objettiv ta' defiċit ta' terminu medju għall-pożizzjoni baġitarja tiegħu, definit b'termini strutturali. L-objettivi jvarjaw bejn il-pajjiżi tal-UE: huma aktar stretti fejn il-livell ta' dejn u l-ispejjeż stmati ta' populazzjoni li qed tixjieħ huma ogħla.
  • Għall-pajjiżi tal-UE li adottaw l-euro u għal dawk li qed jipparteċipaw fil-mekkaniżmu tar-rata ta' kambju (ERM II), l-objettiv huwa stabbilit bejn -1 % tal-PDG u bilanċ jew eċċess.
  • L-objettivi jistgħu jiġu riveduti meta titwettaq riforma strutturali ewlenija jew kull 3 snin, meta l-previżjonijiet huma ppubblikati b'mod li jippermettu li l-ispejjeż stmati ta' populazzjonijiet li qed jixjieħu jiġu aġġornati.

Sorveljanza multilaterali: programmi ta' stabbiltà u konverġenza

  • Il-programmi ta' stabbilità u konverġenza jservu bħala bażi għal sorveljanza multilaterali mill-Kunsill tal-UE. Din is-sorveljanza, prevista fl-Artikolu 121 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE għandha tevita, fi stadju bikri, defiċits pubbliċi eċċessivi u tippromwovi l-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi.
  • Kull pajjiż tal-UE għandu jippreżenta lill-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni bi programm ta' stabbiltà (għal pajjiżi fiż-żona tal-euro) jew programm ta' konverġenza (għal pajjiżi barra miż-żona tal-euro).
  • Programmi ta' stabbiltà jew konverġenza għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:
    • l-objettiv baġitarju ta' terminu medju u l-aġġustamenti ppjanati sabiex jintlaħaq l-objettiv;
    • bilanċ tal-gvern bħala perċentwal tal-PDG, it-tendenza probabbli għall-proporzjon tad-dejn tal-gvern, it-tkabbir pjanat għall-infiq tal-gvern u t-tkabbir tad-dħul tal-gvern, minħabba l-politika mhux mibdula, kif ukoll miżuri tad-dħul kwantifikati diskrezzjonali;
    • informazzjoni dwar spejjeż stmati ta' populazzjonijiet li qed jixjieħu, u spejjeż possibbli oħra (bħal garanziji pubbliċi) b'impatt potenzjalment kbir fuq il-kontijiet tal-gvern;
    • informazzjoni dwar il-konsistenza tal-programmi bil-linji gwida wiesa' tal-politika ekonomika u l-programmi ta' riforma nazzjonali;
    • is-suppożizzjonijiet ewlenin li fuqhom hija bbażata l-perspettiva ekonomika, li għandhom probabbiltà li jinfluwenzaw it-twettiq tal-programmi ta' stabbilità u konverġenza (tkabbir, impjieg, inflazzjoni u varjabbli importanti oħra);
    • valutazzjoni u analiżi dettaljata tal-miżuri baġitarji u miżuri oħra tal-politika ekonomika - meħuda jew pjanati - rilevanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm;
    • analiżi dwar kif il-bidliet fis-suppożizzjonijiet ekonomiċi ewlenin jaffettwaw il-pożizzjonijiet baġitarji u tad-dejn;
    • fejn applikabbli, ir-raġunijiet għal kwalunkwe devjazzjoni mill-aġġustamenti ppjanati meħtieġa sabiex jintlaħaq l-objettiv baġitarju ta' terminu medju.
  • B'żieda ma' dan, il-programmi ta' konverġenza għandhom jiddikjaraw ir-relazzjoni bejn dawn l-objettivi u l-istabbiltà fil-prezzijiet u l-istabbiltà tar-rata ta' kambju, kif ukoll l-objettivi ta' terminu medju ta' politika monetarja.

Eżaminazzjoni tal-programmi ta' stabbiltà u ta' konverġenza

  • Abbażi tal-valutazzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kunsill jeżamina l-objettivi baġitarji ta' terminu medju ppreżentati mill-pajjiżi fil-programmi tagħhom. Huwa jikkontrolla b'mod partikolari:
    • jekk l-objettiv huwiex ibbażat fuq suppożizzjonijiet ekonomiċi realistiċi;
    • jekk il-miżuri meħuda jew ippjanati humiex biżżejjed sabiex jintlaħaq l-objettiv;
    • jekk valutazzjoni tal-aġġustamenti ppjanati turix li l-pajjiż konċernat qed ifittex li jtejjeb il-bilanċ baġitarju (aġġustat ċiklikament) tiegħu fuq bażi annwali;
    • jekk it-tkabbir annwali fl-infiq tal-gvern mill-pajjiż konċernat mhuwiex għoli ħafna, jiġiferi ma jaqbiżx rata spot fit-terminu medju.
  • Meta jkun qed jagħmel il-valutazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill irid iqis l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali ewlenin, speċjalment riformi tal-pensjonijiet.
  • Il-Kunsill għandu jeżamina l-programm fi żmien 3 xhur mill-preżentazzjoni tiegħu. Fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kunsill jagħti opinjoni dwar il-programm. Fejn iqis li l-objettivi u l-kontenut ta' programm għandhom jissaħħu, il-Kunsill jista' jitlob lill-pajjiż konċernat sabiex jaġġustah.

L-evitar ta' defiċit eċċessiv: il-mekkaniżmu ta' twissija bikrija

  • Bħala parti mis-sorveljanza multilaterali, il-Kunsill jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-programmi ta' stabbilità u konverġenza fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-pajjiżi tal-UE u valutazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni u mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.
  • B'hekk, jekk il-Kummissjoni tidentifika diverġenza sinifikanti mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju jew mill-aġġustamenti pjanati li għandhom iwasslu għall-ilħuq ta' dak l-objettiv, hija se tagħti rakkomandazzjonijietlill-pajjiż konċernat sabiex jevita defiċit eċċessiv(mekkaniżmu ta' twissija bikrija, Artikolu 121(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE).
  • Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet adottati fil-Kunsill jistgħu jsiru pubbliċi.

Gwida tal-Kummissjoni Ewropea

  • Fl-2015, komunikazzjoni tal-Kummissjoni ċċarat kif beħsiebha tapplika l-patt ta' stabbilità u tkabbir sabiex tissaħħaħ ir-rabta bejn ir-riformi strutturali, l-investiment u r-responsabbiltà fiskali sabiex jiġi stimulat il-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir fl-UE.
  • Din il-gwida kellha 3 għanijiet ewlenin:

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1 ta' Lulju 1998.

SFOND

  • Skont ir-regoli tal-patt ta' stabbiltà u tkabbir, il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw politiki baġitarji b'saħħithom sabiex jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern li jistgħu jipperikolaw l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-UE.
  • Fl-2011, il-patt ta' stabbiltà u tkabbir kien is-suġġett tar-riformi estensivi. Il-miżuri l-ġodda adottati huma pass importanti sabiex tiġi żgurata dixxiplina baġitarja, tiġi promossa stabbiltà tal-ekonomija tal-UE u tiġi evitata kriżi oħra.
  • Il-patt ta' stabbiltà u tkabbir issa jinkludi sitt atti leġiżlattivi (magħrufa bħala s-“6-Pack” (pakkett ta' sitta) li daħlu fis-seħħ fit-13 ta' Diċembru 2011 u żewġ atti ulterjuri (“it-2-Pack”) li daħlu fis-seħħ fit-30 ta' Mejju 2013:
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, pp. 1–5)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u ta-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, pp. 1–7)

Ir-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u ta-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, pp. 8-11)

Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, pp. 25-32)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru1177/2011 tat-8 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L Nru 306, 23.11.2011 p. 33–40)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, pp. 41-47)

Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1–10)

Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro. [ĠU L 140, 27.5.2013, pp. 11–23)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment - L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir (COM(2015) 12 final, 13.1.2015)

l-aħħar aġġornament 18.04.2017

Top