EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Mekkaniżmu ta’ informazzjoni reċiproka għal miżuri ta’ asil u immigrazzjoni nazzjonali

Mekkaniżmu ta’ informazzjoni reċiproka għal miżuri ta’ asil u immigrazzjoni nazzjonali

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni 2006/688/KE li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ informazzjoni reċiproka dwar il-miżuri tal-pajjiżi tal-UE fl-oqsma tal-asil u l-immigrazzjoni

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Din timmira li ttejjeb l-iskambju tal-informazzjoni bejn pajjiżi tal-UE fir-rigward ta’ miżuri ta’ asil u immigrazzjoni nazzjonali.

Din tistabbilixxi proċedura ta’ informazzjoni formali bejn pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li ttejjeb il-koordinazzjoni ta’ politiki ta’ immigrazzjoni u asil bejn pajjiżi tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Skambju u trażmissjoni ta’ informazzjoni

Il-mekkaniżmu ta’ informazzjoni reċiproka (MIM) jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u pajjiżi tal-UE dwar liġijiet nazzjonali dwar l-asil u l-immigrazzjoni.

Il-pajjiżi tal-UE huma mitluba jibagħtu l-miżuri li beħsiebhom jieħdu jew ħadu riċentament:

  • permezz ta’ netwerk ibbażat fuq il-web; u
  • billi jużaw il-formola ta’ rapportar mehmuża mad-Deċiżjoni.

Din l-informazzjoni għandha tintbagħat malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn meta ssir disponibbli pubblikament.

Il-pajjiżi tal-UE huma mitluba jikkomunikaw mal-Kummissjoni u l-pajjiżi l-oħrajn tal-UE dwar miżuri li aktarx se jkollhom impatt sinifikanti:

  • f’pajjiżi oħrajn tal-UE;
  • fil-livell ta’ UE b’mod ġenerali.

Żvilupp u ġestjoni tan-netwerk

Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-iżvilupp u ġestjoni tan-netwerk. Fl-istabbiliment tan-netwerk kienet se tagħmel użu mill-pjattaforma teknika eżistenti tan-netwerk telematiku trans-Ewropew għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE (magħruf bħala CIRCA). In-netwerk jippermetti lill-Kummissjoni u pajjiżi tal-UE sabiex jitolbu minn pajjiż wieħed jew aktar informazzjoni addizzjonali dwar miżuri kkomunikati.

Kwalunkwe miżura nazzjonali speċifika nnotifikata b’dan il-mod tista’ tagħti bidu għal skambju ta’ fehmiet bejn l-esperti tal-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni.

Flimkien ma’ dawn id-diskussjonijiet tekniċi, kull sena l-Kummissjoni għandha tipprepara rapport li jqassar l-aktar informazzjoni rilevanti mibgħuta minn pajjiżi tal-UE. Dan ir-rapport jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-użu bħala l-bażi ta’ diskussjonijiet ministerjali dwar politiki ta’ asil u immigrazzjoni nazzjonali.

Valutazzjoni

Il-Kummissjoni ppubblikat rapport fl-2009 li jevalwa l-operat tal-MIM. Bejn April 2007 u t-30 ta’ Settembru 2009, 16-il pajjiż tal-UE biss kienu bagħtu informazzjoni permezz tal-MIM dwar 45 miżura biss. L-ebda komunikazzjoni ma saret dwar deċiżjonijiet finali tal-ogħla qrati jew tribunali.

Il-format li bih saru l-komunikazzjonijiet rarament kien omoġenju, u l-formola ta’ rapportar mehmuża mad-deċiżjoni mhux dejjem intużat.

Xi kultant it-titlu Ingliż u t-test bil-lingwa oriġinali biss kienu pprovduti, li wasslu għal problemi ta’ komprensjoni. Kien hemm ukoll differenzi fil-kontenut tal-formoli ta’ rapportar mibgħuta: xi wħud kienu pjuttost komprensivi, filwaqt li oħrajn ipprovdew biss deskrizzjoni ħafifa mingħajr indikazzjoni tan-natura tal-miżura.

Ir-rapport ikkonkluda li l-MIM ma ssodisfax l-objettivi tiegħu ladarba l-kwantità ta’ informazzjoni mibgħuta kienet żgħira. Madankollu ladarba dan kien ilu jopera biss għal perjodu qasir, il-Kummissjoni kkunsidrat li huwa prematur li tipproponi emendi għad-Deċiżjoni.

Il-mekkaniżmu ta’ informazzjoni reċiproka għal miżuri ta’ asil u immigrazzjoni nazzjonali ma kienx attivat la mill-Kummissjoni u lanqas mill-pajjiżi tal-UE, lanqas matul is-sentejn ta’ fluss għoli ħafna ta’ immigranti fl-Ewropa, fl-2015 u l-2016. Minflok, il-pajjiżi tal-UE (il-Presidenzi tal-Unjoni Ewropea) dehru li jippreferu jużaw il-mekkaniżmu ta’ informazzjoni tal-kriżi tal-Unjoni Ewropea sabiex jiskambjaw data dwar flussi tal-immigranti. Din it-talba għal informazzjoni mbagħad saret ftit ftit ir-responsabbiltà tal-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea rilevanti, EASO u FRONTEX, li llum jipprovdu l-maġġoranza tad-data dwar l-immigrazzjoni meħtieġa għall-fluss tal-immigrazzjoni tal-lum. Aktar informazzjoni dwar żviluppi importanti fil-qasam tal-immigrazzjoni f’pajjiżi tal-UE hija aġġornata regolarment permezz tal-bullettini tal-aħbarijiet tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni li huma regolarment prodotti kull tliet xhur.

Madankollu m’għandux ikun eskluż li l-mekkaniżmu MIM jista’ jkun utli fi skambji ta’ informazzjoni futuri dwar l-immigrazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea u għalhekk l-eżistenza tiegħu għadha ġustifikata.

MINN META TAPPLIKA DIN ID-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mit-3 ta’ Novembru 2006.

SFOND

Miżuri nazzjonali fl-oqsma tal-immigrazzjoni u l-asil aktarx se jkollhom impatt fuq pajjiżi oħrajn tal-UE. Dan huwa minħabba:

  • in-nuqqasta’ kontrolli tal-fruntieri fiż-żona Schengen;
  • ir-relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali mill-qrib bejn il-pajjiżi tal-UE; u
  • l-iżvilupp ta’ politiki komuni dwar il-viża, l-immigrazzjoni u l-asil.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/688/KE tal-5 ta’ Ottubru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ informazzjoni reċiproka dwar miżuri tal-Istati Membri fl-oqsma tal-asil u l-immigrazzjoni (ĠU L 283, 14.10.2006, p. 40-43)

DOKUMENT RELATAT

Rapport mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ informazzjoni reċiproka dwar miżuri tal-Istati Membri fl-oqsma tal-asil u l-immigrazzjoni (COM(2009) 687 final, 17.12.2009)

l-aħħar aġġornament 22.11.2018

Top