L-iġjene tal-għalf
SOMMARJU TA’:
Regolament (KE) Nru 183/2005 — rekwiżiti għall-iġjene tal-għalf
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
- L-objettiv ewlieni huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-ambjent.
- Dan ir-Regolament jiżgura li s-sikurezza tal-għalf tkun żgurata fl-istadji kollha li jista’ jkollhom impatt fuq is-sikurezza tal-għalf u tal-ikel, inkluża l-produzzjoni primarja*.
- Dan jintroduċi sistema ta’ responsabbiltà u rekwiżiti li jiżguraw li l-għalf tal-annimali jkun sikur u ta’ kwalità tajba billi tiġi żgurata t-traċċabbiltà tiegħu matul il-katina sħiħa tal-għalf tal-annimali.
PUNTI EWLENIN
Kamp ta’ applikazzjoni
Ir-regolament japplika għall-attivitajiet tal-operaturi tan-negozji tal-għalf, li jvarjaw mill-produzzjoni primarja tal-għalf tal-annimali sa u inkluż it-tqegħid tiegħu fis-suq, kif ukoll it-tmigħ tal-annimali għall-produzzjoni tal-ikel u l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-għalf minn u lejn pajjiżi mhux tal-UE.
Esklużjonijiet
Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni:
- il-produzzjoni domestika privata tal-għalf għal annimali għall-produzzjoni tal-ikel miżmuma għall-konsum domestiku privat u għal annimali li mhumiex miżmuma għall-produzzjoni tal-ikel;
- it-tmigħ ta’ annimali għall-produzzjoni tal-ikel li jinżammu għall-konsum domestiku privat;
- il-forniment dirett, mill-produttur, ta’ kwantitajiet żgħar ta’ prodotti primarji lill-konsumatur finali jew lil stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut lokali li jfornu direttament lill-konsumatur finali;
- it-tmigħ ta’ annimali li mhumiex miżmuma għall-produzzjoni tal-ikel;
- il-forniment dirett ta’ kwantitajiet żgħar ta’ produzzjoni primarja ta’ għalf fil-livell lokali mill-produttur lill-azjendi agrikoli lokali għall-użu fuq dawk l-azjendi agrikoli;
- il-bejgħ bl-imnut ta’ ikel għall-annimali domestiċi.
Elementi prinċipali:
- Ir-reġistrazzjoni obbligatorja tal-operaturi kollha tan-negozji tal-għalf mill-awtorità kompetenti.
- L-approvazzjoni tal-istabbilimenti tan-negozju tal-għalf li jwettqu operazzjonijiet li jinvolvu iktar sustanzi sensittivi, bħal ċertu addittivi tal-għalf, premixxeli* u għalf kompost*.
- Introduzzjoni ta’ rekwiżiti obbligatorji għall-produzzjoni tal-għalf fil-livell tal-azjenda agrikola.
- Rekwiżiti tal-iġjene uniformi li jridu jiġu sodisfatti min-negozji kollha tal-għalf.
- Prattika tal-iġjene tajba li trid tiġi applikata fil-livelli kollha tal-produzzjoni agrikola u fl-użu tal-għalf.
- Introduzzjoni tal-prinċipji tal-Analiżi tal-Perikli u Punti Kritiċi (HACCP)* għall-operaturi tan-negozji tal-għalf minbarra fil-livell tal-produzzjoni primarja.
- Sabiex iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ gwidi tal-UE u nazzjonali għall-prattika tajba fil-produzzjoni tal-għalf.
Negozji tal-għalf responsabbli għall-produzzjoni primarja tal-għalf
Dawn in-negozji għandhom jipprevjenu, jeliminaw jew inaqqsu l-perikli għas-sikurezza tal-għalf matul il-produzzjoni, il-preparazzjoni, it-tindif, l-imballaġġ, il-ħżin u t-trasport ta’ dawn il-prodotti (Anness I). Dawn għandhom iżommu rekords relatati mal-miżuri eżistenti għall-kontroll tal-perikli ta’ kontaminazzjoni.
Operaturi ta’ negozji oħra tal-għalf
Reġistrazzjoni u approvazzjoni
- In-negozji tal-għalf (inklużi dawk responsabbli għall-produzzjoni primarja tal-għalf) iridu jirreġistraw mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż rispettiv tagħhom. Dawn iridu jipprovdu informazzjoni aġġornata u jaqblu li jikkoperaw fil-każ ta’ kontrolli.
- Meta meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-UE, l-operaturi tan-negozji tal-għalf iridu jiżguraw li l-istabbilimenti taħt il-kontroll tagħhom ikunu approvati mill-awtorità kompetenti u ma jistgħux joperaw mingħajr approvazzjoni. Kull pajjiż tal-UE għandu jżomm lista ta’ stabbilimenti approvati. Meta stabbiliment ma jibqax jikkonforma mar-rekwiżiti li jikkontrollaw l-attivitajiet tiegħu, l-approvazzjoni tista’ tiġi sospiża temporanjament jew revokata.
Gwidi għall-prattika tajba
Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-pajjiżi tal-UE joħorġu gwidi għall-prattika tajba fis-settur tal-għalf u dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-HACCP. Dawn iridu jkunu żviluppati skont il-Codex Alimentarius u b’konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati. Fejn jiġu mħejjija gwidi standardizzati tal-UE, il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (magħruf ukoll bħala l-PAFF) jiżgura li l-kontenut ta’ dawn il-gwidi huwa prattikabbli.
Emendi
L-Anness II għar-Regolament ġie emendat darbtejn (permezz tar-Regolament (UE) Nru 225/2012 u r-Regolament (UE) 2015/1905) fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ negozji li jagħmlu prodotti minn żjut veġetali u xaħmijiet mħallta u skont ir-rekwiżiti speċifiċi għall-produzzjoni, il-ħżin, it-trasport u l-ittestjar għad-dijossini.
MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Dan ilu japplika sa mill-1 ta’ Jannar 2006.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Poduzzjoni primarja: il-produzzjoni tal-prodotti agrikoli, inkluż it-tkabbir, il-ħsad, it-treddigħ, it-trobbija tal-annimali (qabel il-qtil tagħhom) jew is-sajd li tirriżulta esklussivament fi prodotti li ma jiġux sottoposti għal kwalunkwe operazzjoni wara l-ħsad, il-ġbir jew il-qbid tagħhom ħlief għal trattament fiżiku sempliċi.
Taħlitiet minn qabel: taħlitiet ta’ addittivi tal-għalf jew taħlitiet ta’ addittiv tal-għalf wieħed jew iżjed ma’ materjali tal-għalf jew ilma użati bħala portaturi, mhux maħsuba għat-tmigħ dirett tal-annimali.
Għalf kompost: sustanzi organiċi jew inorganiċi fit-taħlitiet, kemm jekk fihom addittivi kif ukoll le, għat-tmigħ orali tal-annimali fil-forma ta’ għalf komplu jew għalf komplementari.
Il-prinċipji HACCP: dawn jistabbilixxu r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati matul il-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni sabiex jiġu identifikati, permezz ta’ analiżi ta’ riskju, il-punti kritiċi li għandhom jinżammu taħt kontroll sabiex tiġi żgurata s-sikurezza fl-ikel.
DOKUMENT EWLIENI
Ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (ĠU L 35, 8.2.2005, pp. 1-22)
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 183/2005 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-dispożizzjonijiet, is-sistemi u l-prattiki legali eżistenti fl-Istati Membri u fil-livell Komunitarju relatati mar-responsabbiltà fis-setturi tal-ikel u tal-għalf u dwar is-sistemi fattibbli għall-garanziji finanzjarji fis-settur tal-għalf fil-livell Komunitarju skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (COM(2007) 469 final, 14.8.2007).
l-aħħar aġġornament 07.09.2017