Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel

Il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2023/915 dwar livelli massimi għal ċerti kontamnanti fl-ikel

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistipula l-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel sabiex tiġi protetta s-saħħa taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE), inklużi l-gruppi tal-popolazzjoni l-aktar f’riskju, bħal tfal u nisa tqal.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-regolament ikopri:

  • il-mikotossini (aflatossini, l-okratossina A, patulin, deossinlivalenol, zearalenon, fumoniżini, citrinin, skleroti tal-ergotina u alkalojdi tal-ergotina);
  • metalli (ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika u arsenika);
  • tossini tal-pjanti (aċidu b’eruċiku, alkalojdi tropaniċi, aċidi ċjanidriċi, alkalojdi pirroliżidiniċi, alkalojdi tal-loppju u A9-THC);
  • ipproċessar tal-kontaminanti (idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs), benżo(a)piren, somma ta’ 4 PAHs; 3-monochloropropane-1,2-diol (3-MCPD) u esteri tal-aċidi grassi glycidyl);
  • Pollutanti organiċi aloġeni (dijossini, poliklorobifenils simili għal diossini (PCBs), PCBs mhux simili għad-diossini; is-sustanzi perfluworoalkilati: aċidi perfluworoottan sulfoniċi(PFOS), aċidi perfluworoottani (PFNA) u aċidi perfluworoeżan sulfoniċi (PFHxS));
  • kontaminanti oħra:
    • melamina
    • nitrati;
    • perklorat.

Livelli massimi

Ikel b’livelli ta’ kontaminanti ogħla minn dawk speċifikati f’Anness I tar-regolament ma jistgħux jinbigħu. Dawn il-livelli massimi jkopru l-parti li tittiekel tal-ikel u japplikaw ukoll għal ikel kompost, ipproċessat, imnixxef jew dilwit, waqt li għandhom jitqiesu l-fatturi xierqa tal-ipproċessar.

Ir-regolament jistipula wkoll l-iktar livelli baxxi massimi għal kontaminanti jew prattika tajba agrikola (jiġifieri “l-iktar baxx li jista’ raġonevolment jinkiseb”).

Projbizzjoni fuq it-taħlit

L-ikel li jikkonforma mal-limiti massimi ma jistax jitħallat ma’ ikel ieħor li jaqbeż dawn il-limiti.

L-ikel li jrid jiġi ssortjat jew ikun suġġett għal trattamenti fiżiċi sabiex jitnaqqas il-livell ta’ kontaminazzjoni ma jistax jitħallat ma’ ikel intenzjonat għall-konsum uman dirett jew użat bħala ingredjent fl-ikel.

Tikkettar

Tikkettar fuq kull imballaġġ individwali u fid-dokument ta’ trasport oriġinali tal-karawett, żrieragħ oħrajn żejtnin u l-prodotti derivati minnhom u ċ-ċereali jridu juru b’mod ċar l-użu maħsub tagħhom. Il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-konsenja/lott trid tkun immarkata b’mod li ma jitħassarx fuq kull imballaġġ individwali tal-konsenja u fid-dokument tat-trasport oriġinali. l-attività imprenditorjali tad-destinatarju tal-konsenja muri fid-dokument tat-trasport trid tkun kompatibbli mal-użu intenzjonat.

Fejn ma jkunx hemm informazzjoni ċara li l-użu intenzjonat tagħhom m’għandux jitpoġġa fis-suq bħala ikel, il-livelli massimi stipulati f’Anness I japplikaw għall-karawett kollu (karawett), żrieragħ żejtnin kollha u prodotti derivati minnhom u ċereali mqiegħda fis-suq.

L-eċċezzjoni tal-karawett u żrieragħ oħrajn żejtnin għat- tisħiq mill-applikazzjoni tal-livelli massimi stipulati f’Anness I tapplika biss għal konsenji li:

  • jkunu ttikkettati b’mod ċar u juru l-użu intenzjonat tagħhom;
  • ikollhom id-dikjarazzjoni “Prodott li jrid ikun soġġett għat-tisħiq għall-produzzjoni ta’ żejt veġetali raffinat” fuq it-tiketta ta’ kull imballaġġ individwali u fid-dokument tat-trasport oriġinali; u
  • jkollhom impjant tat-tisħiq bħala d-destinazzjoni finali tagħhom.

Eċċezzjonijiet

Taħt ċerti kundizzjonijiet, ċerti Stati Membru tal-UE jistgħu jeċċedu l-livelli ta’ diossini u/jew DL-PCBs (PCBs simili għal diossini) użjew NDL-PCBs (PCBs mhux simili għad-diossini) stipulati f’Anness I għal ċerti ħut u prodotti tal-ħut li joriġinaw mir-reġjun Baltiku u maħsuba għal konsum fit-territorju tagħhom. Il-konsumaturi għandhom ikunu infurmati dwar riskji potenzjali għas-saħħa tal-konsumatur.

Ingħataw eċċezzjonijiet oħra lil ċerti Stati Membri fir-rigward tal-livelli massimi ta’ PAHs f’laħam affumikat tradizzjonalment u prodotti tal-laħam affumikati u ħut tradizzjonalment affumikati u prodotti tas-sajd affumikati.

Monitoraġġ u rappurtar

L-Istati Membri u partijiet interessati jridu:

  • jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea sal-1 ta’ Lulju 2023 dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet li jkunu saru u l-progress tagħhom fir-rigward tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni biex jevitaw kontaminazzjoni mill-iskleroti tal-ergotina u l-alkalojdi tal-ergotina fis-segala u fil-prodotti tal-maċinazzjoni tas-segala u l-alkalojdi tal-ergotina fi prodotti tal-maċinazzjoni tal-ħbub tax-xgħir, tal-qamħ, tal-farru u tal-ħafur;
  • jirrappurtaw kull sena lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), stabbilita taħt ir-Regolament (KE) Nru. 178/2002 (ara sommarju), id-data dwar l-okkorrenza tal-iskleroti tal-ergotina u l-alkalojdi tal-ergotina fis-segala u fil-prodotti tal-maċinazzjoni tas-segala u l-alkalojdi tal-ergotina fi prodotti tal-maċinazzjoni tal-ħbub tax-xgħir, tal-qamħ, tal-farru u tal-ħafur.

L-Istati Membri jridu jikkomunikaw lill-Kummissjoni meta jintalbu, l-investigazzjonijiet imwettqa u s-sorsi rilevanti identifikati, skont ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-monitoraġġ tal-preżenza ta’ kontaminanti fl-ikel u l-progress fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni.

L-Istati Membri jridu jirrappurtaw lil EFSA d-data tal-okkorrenza li jkunu ġabru dwar il-kontaminanti kollha l-oħra barra mnn skleroti tal-ergotina u alkalojdi tal-ergotina (ara hawn fuq). L-operaturi tan-negozji tal-ikel u partijiet interessati oħra jistgħu jissottomettu data tat-tali okkorrenza lil EFSA. Kull data tal-okkorrenza trid tkun pprovduta konformi mar-rekwiżiti ta’ rappurtar ta’ EFSA.

Revoka

Ir-regolament iħassar ir-Regolament (KE) Nru. 1881/2006 mil-24 ta’ Mejju 2023.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mil-25 ta’ Mejju 2023.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 tal-25 ta’ April 2023 dwar il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 (ĠU L 119, 5.5.2023, pp. 103–157).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2023/915 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, pp. 1–24).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 01.12.2023

Top