Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Pjan ta’ azzjoni dwar l-edukazzjoni diġitali (2021–2027)

Pjan ta’ azzjoni dwar l-edukazzjoni diġitali (2021–2027)

 

SOMMARJU TA’:

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Pjan ta’ azzjoni dwar l-edukazzjoni diġitali (2021–2027) — Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

Il-pjan ta’ azzjoni dwar l-edukazzjoni diġitali (2021–2027) huwa inizjattiva ta’ politika mfassla mill-ġdid tal-Unjoni Ewropea (UE) li tistabbilixxi viżjoni komuni ta’ edukazzjoni diġitali ta’ kwalità għolja, inklużiva u aċċessibbli fl-Ewropa, u għandu l-għan li jappoġġa l-adattament tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri tal-UE għall-era diġitali.

Dan jistabbilixxi żewġ prijoritajiet strateġiċi:

  • l-iżvilupp ta’ ekosistema tal-edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja;
  • it-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali għat-trasformazzjoni diġitali.

Jiddeskrivi wkoll 14-il azzjoni mfassla biex jintlaħqu dawn l-għanijiet strateġiċi.

PUNTI EWLENIN

Il-pjan ta’ azzjoni, adottat fit-30 ta’ Settembru 2020, jitlob kooperazzjoni akbar fil-livell Ewropew dwar l-edukazzjoni diġitali biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet tal-pandemija tal-COVID-19, u biex jiġu ppreżentati opportunitajiet għall-komunità tal-edukazzjoni u t-taħriġ (għalliema, studenti), għal dawk li jfasslu l-politika, għall-akkademiċi u għar-riċerkaturi fil-livelli nazzjonali, tal-UE u internazzjonali.

Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq dan li ġej.

  • 1.

    Tniedi djalogi strutturati mal-Istati Membri dwar il-fatturi abilitanti għal edukazzjoni u ħiliet diġitali ta’ suċċess, inklużi:

    • lakuni fil-konnettività u fit-tagħmir;
    • għajnuna lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ b’għarfien espert;
    • teknoloġiji assistivi;
    • diskussjonijiet aktar profondi dwar l-edukazzjoni diġitali bejn il-partijiet ikkonċernati fl-istituzzjonijiet ekonomiċi u edukattivi;
    • l-iżvilupp ta’ linji gwida għall-pedagoġija diġitali; u
    • t-titjib tal-ħiliet tal-għalliema.
  • 2.

    Tipproponi rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċi ta’ apprendiment imħallat għall-edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva, billi tibbaża fuq it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19.

  • 3.

    Tiżviluppa qafas Ewropew tal-kontenut tal-edukazzjoni diġitali li jibni fuq id-diversità kulturali u kreattiva u li jinkludi prinċipji gwida għal setturi speċifiċi, inkluż studju ta’ fattibbiltà għal pjattaforma online biex jiġu kondiviżi riżorsi ċċertifikati (bħal korsijiet online fuq skala kbira).

  • 4.

    Tappoġġa l-konnettività u t-tagħmir diġitali għall-edukazzjoni u t-taħriġ, billi tappoġġa l-konnettività tal-gigabits u tal-5G, tqajjem kuxjenza dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament, inkluż il-broadband fi proġetti fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tistabbilixxi applikazzjonijiet u pjattaformi għall-apprendiment elettroniku għall-iskejjel, speċjalment għal studenti minn gruppi żvantaġġati u għal studenti u edukaturi b’diżabbiltà.

  • 5.

    Tappoġġa pjanijiet ta’ trasformazzjoni diġitali għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni tal-Erasmus+, tappoġġa lill-għalliema fl-użu ta’ għodod diġitali permezz tal-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus u tintroduċi “SELFIE għall-għalliema”, l-għodda ta’ awtovalutazzjoni online għall-għalliema.

  • 6.

    Tiżviluppa linji gwida etiċi dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali (IA) u data fit-tagħlim u l-apprendiment għall-edukaturi, u tippromwovi t-titjib tal-ħiliet u l-għarfien fost l-istudenti u r-riċerkaturi universitarji, inkluża mira ta’ 45 % għall-parteċipazzjoni tan-nisa.

  • 7.

    Tiżviluppa linji gwida komuni għall-għalliema u l-edukaturi biex trawwem il-litteriżmu diġitali u tindirizza d-diżinformazzjoni permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, bl-appoġġ ta’ grupp iddedikat li jlaqqa’ flimkien lill-korpi kkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-kumpaniji tat-teknoloġija, il-media, l-awtoritajiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet edukattivi, il-ġenituri u ż-żgħażagħ.

  • 8.

    Taġġorna l-qafas Ewropew ta’ kompetenza diġitali biex jiġu inklużi l-ħiliet tal-IA u tad-data. L-aġġornament jinkludi ħiliet, għarfien u attitudnijiet relatati mal-IA u l-użu tad-data li jistgħu jgħinu liċ-ċittadini jifhmu aħjar fejn u f’liema sitwazzjonijiet fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum jistgħu jistennew li jiltaqgħu ma’ sistemi tal-IA.

  • 9.

    Tiżviluppa ċertifikat Ewropew tal-ħiliet diġitali li jippermetti lill-Ewropej jindikaw il-livell ta’ kompetenza diġitali tagħhom.

  • 10.

    Tipproponi rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tal-ħiliet diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż l-investiment fl-iżvilupp professjonali, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, l-enfasi fuq edukazzjoni inklużiva tal-informatika ta’ kwalità għolja u l-identifikazzjoni u l-aġġornament tal-ħtiġijiet tal-ħiliet ġodda u emerġenti.

  • 11.

    Tappoġġa l-ġbir transnazzjonali tad-data dwar il-ħiliet diġitali taż-żgħażagħ madwar l-UE, biex tifhem il-lakuni u ssaħħaħ il-każ għal azzjoni biex tindirizzahom, u tistabbilixxi mira fil-livell tal-UE dwar il-ħiliet diġitali tal-istudenti.

  • 12.

    Toffri traineeships tal-opportunitajiet diġitali biex tagħti lill-istudenti tal-edukazzjoni għolja u lill-gradwati reċenti fid-dixxiplini kollha l-opportunità li jiksbu esperjenza professjonali prattika fl-oqsma diġitali mitluba mis-suq tax-xogħol. L-iskema ta’ traineeships tal-opportunitajiet diġitali ġiet estiża fl-2021 biex tinkludi persunal tal-edukazzjoni għolja u studenti / gradwati reċenti fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

  • 13.

    Tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-istudji u l-karrieri fix-Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika (STEM) u tiżgura inklużjoni mtejba tan-nisa fl-ekonomija diġitali, filwaqt li tgħinhom jiżviluppaw il-kompetenzi diġitali u intraprenditorjali tagħhom.

  • 14.

    Twaqqaf ċentru Ewropew tal-edukazzjoni diġitali biex:

    • tappoġġa lill-Istati Membri billi tistabbilixxi network ta’ servizzi ta’ konsulenza dwar l-edukazzjoni diġitali biex jiġu kondiviżi l-esperjenzi, jingħaqdu l-inizjattivi u l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali, u tinħoloq rabta bejn il-partijiet ikkonċernati;
    • tissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni u l-iżvilupp tal-edukazzjoni diġitali fl-Ewropa , taqsam prattiki tajbin billi tikkontribwixxi għall-esperimentazzjoni tar-riċerka u tiġbor l-evidenza b’mod sistematiku;
    • tappoġġa l-kollaborazzjoni transsettorjali u mudelli ġodda għall-kondiviżjoni tal-kontenut tal-apprendiment diġitali, tindirizza kwistjonijiet bħall-interoperabbiltà, l-assigurazzjoni tal-kwalità, is-sostenibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni, u standards komuni;
    • tiżviluppa politika u prattika billi tkun grupp ta’ riflessjoni u ta’ għemil għall-edukazzjoni diġitali u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-innovazzjoni mmexxija mill-utent.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021–2027 — Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali (COM(2020) 624 final, 30.09.2020).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, pp. 1-33).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali (COM(2021) 118 final, 9.3.2021).

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, pp. 17-75).

Korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 2021/241 ġew inkorporati fil-verżjoni oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (COM(2020) 274 final, 1.7.2020).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa (COM(2020) 67 final, 19.2.2020).

l-aħħar aġġornament 06.10.2022

Top