Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass

Miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Ir-regolament għandu l-għan li jiżgura l-provvisti tal-gass fl-Unjoni Ewropea (UE), billi japplika tnaqqis volontarju fid-domanda u jtejjeb il-koordinazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar dwar miżuri nazzjonali għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass. Dan jintroduċi l-possibbiltà li ssir dikjarazzjoni ta’ twissija tal-UE li tiskatta obbligu mandatorju ta’ tnaqqis fid-domanda mal-UE kollha.
  • Ir-regolament ġie adottat oriġinarjament fl-isfond tal-eskalazzjoni tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna fir-rebbiegħa 2022, li wasslet għal tnaqqis notevoli fil-provvisti tal-gass f’tentattiv intenzjonat biex tintuża l-provvista tal-gass bħala arma politika. Dan applika għal sena wara d-9 a’ Awwissu 2022.
  • Regolament Emendatorju (UE) 2023/706, estenda b’sena addizzjonali il-mira tat-tnaqqis volontarju fid-domanda tal-gass tal-Istati Membri tal-UE u żamm il-possibbiltà għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jiskatta twissija tal-UE

PUNTI EWLENIN

Tnaqqis fid-domanda volontarja

Taħt Regolament Emendatorju (UE) 2023/706. l-Istati membri jridu jużaw l-aħjar sforzi tagħhom biex inaqqsu l-konsum tal-gass b’tal-inqas 15% fil-perjodu mill-1 t’April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024 (perjodu ta’ tnaqqis) meta mqabbel mal-medja tal-perjodu mill-1 t’April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2022 (perjodu ta’ referenza).

Dan isegwi minn tnaqqis fid-domanda effettiva tal-gass fl-UE kollha ta’ aktar minn 15% matul il-perjodu minn Awwissu 2022 sa Jannar 2023 taħt il-perjodu inizjali kopert minn Regolament (UE) 2022/1369.

Tnaqqis fid-domanda obbligatorja meta l-UE tiddikjara twissija

Fil-każ ta’ twissija tal-UE, kull Stat Membru hu obbligat inaqqas il-konsum tal-gass b’tal-inqas 15% meta mqabbel mal-konsum tiegħu tal-gass tul il-perjodu ta’ referenza. Kull tnaqqis fid-domanda miksuba mill-istati Membri matul il-perjodu qabel it-twissija kienet iddikjarata trid titqies għall-iskop tat-tnaqqis mandatorju fid-domanda.

Il-Kunsill jista’ jiddikjara twissija tal-UE, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta bħal din jekk temmen li hemm:

  • riskju sostanzjali ta’ nuqqas ta’ provvista tal-gass sever; jew
  • domanda eċċezzjonalment għolja għall-gass li tirriżulta f’deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-gass.

Il-Kummissjoni hi obbligata wkoll tissottometti proposta biex tiddikjara twissija tal-UE fuq talba ta’ ħames jew aktar awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri li jkunu iddikjaraw twissija fil-livell nazzjonali konformi ma’ Regolament (UE) 2017/1938 (ara s-sommarju).

Il-Kummissjoni se tikkonsulta wkoll mal-gruppi ta’ riskju rilevanti stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/1938, u mal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Gass.

Eċċezzjonijiet

Eċċezzjonijiet għat-tnaqqis obbligatorju ta’ 15 % jinkludu każijiet fejn:

  • is-sistema tal-elettriku ta’ Stat Membru hija sinkronizzata biss mas-sistema tal-elettriku ta’ pajjiż mhux tal-UE u mbagħad disinkronizzata, jekk l-eċċezzjoni tkun meħtieġa biex tiżgura li s-sistema topera b’mod sikur u affidabbli;
  • Stat Membru mhuwiex interkonness direttament ma’ sistema tal-gass interkonnessa ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor.

Stat Membru jista’ jillimita l-konsum ta’ referenza tal-gass għall-kalkolu tat-tnaqqis obbligatorju tad-domanda:

  • bil-volum tal-gass ugwali għad-differenza bejn il-mira intermedjarja tiegħu għall-1 ta’ Awwissu 2022 u l-volum attwali tal-gass maħżun fl-1 ta’ Awwissu 2022,jekk jissodisfa l-mira intermedjarja f’dik id-data;
  • bil-volum ta’ gass ikkunsmat bħala għalf* matul il-perjodu ta’ referenza.

Jistgħu jiġu applikati derogi parzjali, temporanji jew sħaħ meta Stat Membru jkun qed jiffaċċja kriżi tal-elettriku, jekk ma jkunx hemm alternattivi ekonomiċi oħra biex jiġi ssostitwit il-gass meħtieġ għall-produzzjoni tal-elettriku mingħajr ma tiġi pperikolata serjament is-sigurtà tal-provvista.

Il-limiti ta’ żmien japplikaw għall-Istati Membri sabiex jinnotifikaw lill-Kummissjoni jekk jixtiequ jitolbu eċċezzjonijiet abbażi tal-konsum tal-gass ta’ referenza jew kull deroga oħra.

Miżuri biex jinkiseb it-tnaqqis fid-domanda

L-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru hi responsabbli għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tagħha tal-miżuri ta’ tnaqqis tad-domanda.

L-Istati Membri huma liberi li jagħżlu l-miżuri xierqa biex inaqqsu d-domanda. Dawn għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, proporzjonati, mhux diskriminatorji u verifikabbli, filwaqt li jqisu l-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/1938. Il-miżuri għandhom, b’mod partikolari:

  • ma jfixklux il-kompetizzjoni b’mod mhux xieraq jew is-suq intern tal-gass;
  • ma jipperikolawx is-sigurtà tal-provvista tal-gass ta’ Stati Membri oħra jew tal-UE;
  • jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2017/1938 fir-rigward tal-konsumaturi protetti.

Klijent protett huwa prinċipalment klijent domestiku konness ma’ provvista tal-gass. L-Istati Membri jistgħu wkoll jinkludu intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u servizzi soċjali essenzjali, u wkoll installazzjonijiet tat-tisħin distrettwali li jwasslu għal tali entitajiet jekk ma jkunux jistgħu jaqilbu għal fjuwils oħra għajr gass.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jeskludu dawn il-klijenti minn tali miżuri fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti u jqisu:

  • l-importanza ekonomika;
  • l-impatt tat-tfixkil fuq il-ktajjen tal-provvista (inkluż downstream fl-Istati Membri l-oħra) li huma kritiċi għas-soċjetà;
  • ħsara potenzjali fit-tul lil installazzjonijiet industrijali;
  • possibilitajiet għat-tnaqqis tal-konsum u tas-sostituzzjoni tal-prodotti fl-UE.

L-Istati Membri għandhom iqisu wkoll:

  • miżuri biex inaqqsu l-gass ikkunsmat fis-settur tal-elettriku;
  • miżuri biex jinkoraġġixxu l-bidla tal-fjuwil fl-industrija;
  • kampanji nazzjonali ta’ sensibilizzazzjoni; u
  • obbligi mmirati biex inaqqsu t-tisħin u t-tkessiħ, jippromwovu l-qlib għal fjuwils oħra u jnaqqsu l-konsum mill-industrija.

Regola ġdida għall-każ speċifiku ta’ konsum biż-żieda ta’ gass minħabba l-bidla minn faħam għal gass

Regolament Emendatorju (UE) 2023/706 jinkludi regola ġdida li biha l-Istati Membri jistgħu jaġġustaw il-konsum tal-gass tar-referenza użat biex jikkalkulaw il-mira tat-tnaqqis mandatorja tad-domanda bil-volum ta’ konsum li żdied tal-gass b’riżultat tal-bidla minn faħam għal gass użat għat-tisħin distrettwali, jekk dik iż-żieda hi tal-inqas 8% fil-perjodu mill-1 t’Awwissu 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul il-perjodu ta’ referenza u sal-estent li din iż-żieda hi direttament attribwibbli għall-bidla.

Koordinazzjoni, monitoraġġ, infurzar u reviżjoni

L-Istati Membri jeħtieġ li:

  • jikkooperaw ma’ xulxin f’kull gruppi ta’ riskju rilevanti;
  • jaġġornaw il-pjanijiet ta’ emerġenza nazzjonali tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2017/1938 sal-31 ta’ Ottubru 2022;
  • jikkonsultaw lill-Kummissjoni u lill-gruppi ta’ riskju rilevanti qabel jadottaw pjanijiet ta’ emerġenza riveduti;
  • jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-miżuri għat-tnaqqis tad-domanda fit-territorju tagħhom, u jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull xahrejn.

Jekk tkun iddikjarata twissija tal-UE, ir-rapportar irid ikun sottomess abbażi ta’ kull xahar.

L-Istati Membri jistgħu jinkludu fir-rapportar tagħhom breakdown tal-konsum tal-gass skont is-settur.

Fejn il-Kummissjoni tidentifika r-riskju li Stat Membru mhux ser ikun jista’ jissodisfa l-obbligu ta’ tnaqqis mandatorju tad-domanda, il-Kummissjoni ser titlob lill-Istat Membru biex jissottometti pjan li jistabbilixxi l-istrateġija biex jikseb dak l-obbligu.

Il-Kummissjoni kellha teffettwa rieżami ta’ dan ir-regolament fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-provvista tal-gass lill-UE, u biex tippreżenta rapport dwar is-sejbiet prinċipali ta’ dak ir-rieżami lill-Kunsill sal-1 ta’ Marzu 2024. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni kellha tiddeċiedi jekk tipproponix li testendi l-perjodu t’applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/1369.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Regolament (UE) 2022/1369 ilu japplika mid-9 t’Awwissu 2022 u Regolament li jemenda (UE) 2023/706 applika mill-1 t’April 2023.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2023/706 applika sal-31 ta’ Marzu 2024.

SFOND

Minkejja t-tnaqqis fid-domanda miksuba taħt ir-Regolament (UE) 2022/1369 fil-kors tax-xitwa 2022-23, tħassib ippersista għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għax-xitwa 2023-24, b’episodji ta’ volatilità sinifikanti li kien hemm fis-sajf u fil-ħarifa 2023 meta l-prezzijiet żdiedu b’aktar minn 50% fi ftit ġimgħat biss.

Ir-rieżami tal-Kummissjoni ta’ Frar 2024 (imsemmi hawn fuq) sab li, kollettivament, id-domanda għal gass tal-UE tnaqqset bi 18% bejn Awwissu 2022 u Diċembru 2023, u ġew salvati madwar 101 biljun metri kubi ta’ gass. It-tnaqqis, fil-fatt, kien eċċeda l-mira stabbilita fis-sajf 2022 u li kienet kruċjali għall-preservazzjoni ta’ provvisti stabbli, u żammet l-istabbiltà tas-swieq tal-enerġija u wriet solidarjetà ma’ Ukrajna.

Fid-dawl ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni pproponiet li, minflok testendi l-validità tar-Regolament (UE) 2022/1369, ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kontinwazzjoni ta’ miżuri ta’ tnaqqis tad-domanda tal-gass tkun adottata. Għaldaqstant, fil-25 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjoni tiegħu dwar li jkomplu l-miżuri kkoordinati ta’ tnaqqis tad-domanda għal gass. Dan iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu jieħdu miżuri volontarji biex iżommu tnaqqis kollettiv ta’ 15% fid-domanda tal-gass meta mqabbel mad-domanda medja bejn April 2017 u Marzu 2022.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Għalf. “Użu ta’ gass naturali mhux għall-enerġija” kif imsemmi fil-kalkoli fil-bilanċ tal-enerġija mill-Kummissjoni (Eurostat).

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass (ĠU L 206, 8.8.2022, pp. 1–10).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2022/1369 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2024 dwar it-tkomplija tal-miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass (ĠU C, C/2024/2476, 27.3.2024).

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill: ir-rieżami tal-funzjonament tar-Regolament (UE) 2022/1369 dwar it-tnaqqis ikkoordinat fid-domanda għall-gass, emendat bir-Regolament (UE) 2023/706 (COM(2024) 88 final, 27.2.2024).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Erfa’ l-gass għal xitwa sigura” (COM(2022) 360 final, 20.7.2022).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan REPowerEU (COM(2022) 230 final, 18.5.2022).

Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, pp. 1–56).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU L 211, 14.8.2009, pp. 36–54).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 08.02.2024

Top