EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan

Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan (SIOFA)

Id-Deċiżjoni 2006/496/KE — l-iffirmar, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

Il-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan (SIOFA) għandu l-għan li:

  • jiżgura l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona permezz tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet kontraenti*;
  • jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd fiż-żona;
  • iqis il-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jmissu maż-żona, b’mod partikolari l-istati l-anqas żviluppati u l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw.

Id-Deċiżjoni 2006/496/KE tapprova l-Ftehim.

PUNTI EWLENIN

Il-Ftehim ikopri l-ilmijiet internazzjonali bejn l-Afrika tal-Lvant u l-Awstralja tal-Punent (bażikament fin-Nofsinhar ta’ 10 gradi fit-Tramuntana u fit-Tramuntana ta’ 60 grad fin-Nofsinhar, esklużi l-ilmijiet kollha taħt ġuriżdizzjoni nazzjonali). Ir-riżorsi tas-sajd li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim huma r-riżorsi kollha tal-ħut, tal-molluski, tal-krustaċji u ta’ speċijiet sedentarji oħra f’dik iż-żona, iżda jeskludu speċijiet sedentarji soġġetti għall-ġuriżdizzjoni tas-sajd tal-istati kostali u ta’ speċijiet migratorji ħafna.

Il-Ftehim jippermetti l-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe entità tas-sajd li l-bastimenti tagħha jkunu stadu jew li jkollhom l-intenzjoni li jistadu għar-riżorsi tas-sajd tal-SIOFA fiż-żona.

Il-partijiet kontraenti u l-entitajiet tas-sajd parteċipanti japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

  • jadattow miżuri bbażati fuq l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli għall-konservazzjoni fit-tul tar-riżorsi tas-sajd;
  • iqisu l-użu sostenibbli ta’ tali riżorsi u japplikaw approċċ ta’ ekosistema għall-ġestjoni tagħhom;
  • jiżguraw li l-livell ta’ attività tas-sajd ikun konformi mal-użu sostenibbli tar-riżorsi;
  • japplikaw l-prinċipju ta’ prekawzjoni fejn in-nuqqas ta’ informazzjoni xjentifika adegwata ma jkunx raġuni biex jiġu posposti jew jittieħdu miżuri protettivi;
  • jimmaniġġjaw ir-riżorsi biex jinżammu rendimenti sostenibbli massimi u jippermettu li l-istokkijiet imnaqqsa jerġgħu jinbnew;
  • jimminimizzaw l-impatt dannuż tal-prattiki tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar;
  • iħarsu l-bijodiversità fl-ambjent tal-baħar;
  • jirrikonoxxu r-rekwiżiti speċjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jmissu maż-żona, speċjalment l-istati l-anqas żviluppati u l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw.

Partijiet kontraenti u entitajiet tas-sajd parteċipanti:

  • jiltaqgħu perjodikament bħala l-“laqgħa tal-partijiet” biex jiddiskutu u jiddeċiedu b’kunsens l-implimentazzjoni tal-Ftehim;
  • jirrieżaminaw l-istat tar-riżorsi tas-sajd u tal-attivitajiet tas-sajd;
  • jippromwovu r-riċerka u l-kooperazzjoni mal-istati kostali dwar ir-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
  • jevalwaw l-impatt tas-sajd fuq l-istokkijiet tal-ħut u fuq l-ambjent tal-baħar;
  • jieħdu l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni meħtieġa biex jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tar-riżorsi tas-sajd;
  • jadottaw standards minimi internazzjonali għal sajd responsabbli;
  • jiżviluppaw regoli biex jiġbru, jivverifikaw u jippubblikaw data xjentifika u statistika;
  • japplikaw regoli ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza, inkluż li jitilgħu abbord bastimenti fl-ibħra internazzjonali u jispezzjonawhom;
  • jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;
  • jistabbilixxu u jallokaw opportunitajiet tas-sajd, inklużi l-qabdiet totali permissibbli jew l-isforz tas-sajd totali.

Il-Ftehim jistabbilixxi l-korpi li ġejjin.

  • Kumitat Xjentifiku biex jivvaluta r-riżorsi tas-sajd u l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar, u biex jipprovdi pariri xjentifiċi u rakkomandazzjonijiet dwar il-konservazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-ġbir tad-data dwar is-sajd.
  • Kumitat ta’ Konformità biex jivverifika l-konformità mal-Ftehim u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni.
  • Segretarjat biex jimplimenta u jikkoordina l-amministrazzjoni, iżomm rekord sħiħ tal-proċedimenti kollha u jarkivja d-dokumenti uffiċjali.

Il-Ftehim fih obbligi għall-partijiet kontraenti u għall-entitajiet tas-sajd parteċipanti biex:

  • jimplimentaw b’mod effettiv il-Ftehim u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tiegħu;
  • jiġbru u jiskambjaw annwalment data xjentifika, teknika u statiska dettaljata, preciża u f’waqtha dwar ir-riżorsi tas-sajd u l-attivitajiet tal-bastimenti tagħhom;
  • jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni u l-konformità tagħhom mal-Ftehim u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tiegħu;
  • jiżguraw li ċ-ċittadini u l-bastimenti tas-sajd tagħhom jikkonformaw mal-Ftehim;
  • iżommu rekord tal-bastimenti nazzjonali kollha li jistadu fiż-żona u jiskambjaw il-kontenut tiegħu;
  • jinvestigaw l-ksur allegat u jirrapportaw dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni.

Il-Ftehim fih obbligi speċifiċi għall-istati tal-bandiera* biex:

  • jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd tagħhom jirrispettaw u ma jdgħajfux il-Ftehim u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tiegħu, u ma jistadux b’mod illegali f’ilmijiet kontigwi taħt ġuriżdizzjoni nazzjonali;
  • jimplimentaw sistema ta’ rintraċċar bis-satellita għall-bastimenti tagħhom li jistadu fiż-żona.

Il-Ftehim fih obbligi speċifiċi għall-istati tal-port* biex:

  • jispezzjonaw id-dokumenti, l-irkaptu tas-sajd u l-qbid ta’ bastimenti tas-sajd li jużaw il-portijiet u t-terminals tagħhom lil hinn mill-kosta;
  • ma jippermettux il-ħatt, it-trażbord u l-provvista ta’ servizzi għall-bastimenti tas-sajd li jkunu qabdu ħut bi ksur tal-Ftehim u tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tiegħu.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-Ftehim ġie ffirmat fis-7 ta’ Lulju 2006. Dan daħal fis-seħħ f’Ġunju 2012.

SFOND

Għal iktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Partijiet kontraenti. Kwalunkwe pajjiż jew organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li hija membru tal-Ftehim.
Stati tal-bandiera. Pajjiż li l-bastimenti tiegħu huma intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu.
Stati tal-port. Port nazzjonali responsabbli għall-ispezzjoni tal-bastimenti.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan (SIOFA) (ĠU L 196, 18.7.2006, pp. 15-24).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/496/KE tas-6 ta’ Lulju 2006 dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan (ĠU L 196, 18.7.2006, p. 14).

l-aħħar aġġornament 13.07.2022

Top