Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea

Assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni (UE) 2021/1764 dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea inkluż Greenland

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

  • Hija għandha l-għan li ġġedded u ssaħħaħ is-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (OCTs) tagħha.
  • Hija mibnija fuq tliet pilastri: il-politika, il-kummerċ u l-kooperazzjoni. Ma għandhiex data tat-tmiem u tiddefinixxi pakkett finanzjarju għall-2021–2027.
  • Id-deċiżjoni tħassar l-eks Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE dwar l-OCTs u tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/137/UE dwar il-kooperazzjoni ma’ Greenland.

PUNTI EWLENIN

Pajjiżi u territorji extra-Ewropej

  • L-UE għandha 13-il OCT (mnaqqsa minn 25 bil-Brexit).
  • Huma parti mit-territorju tat-tliet Stati Membri (id-Danimarka, Franza u n-Netherlands) li permezz tagħhom iżommu rabtiet kostituzzjonali speċjali.
  • Ma humiex parti mit-territorju tal-UE jew tas-suq uniku u ma humiex marbuta bl-acquis communautaire differenti mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE.
  • OCTs għandhom awtonomija wiesa’, li tkopri oqsma li jinkludu l-affarijiet ekonomiċi, is-saħħa pubblika, l-affarijiet interni u doganali, imma d-difiża u l-affarijiet barranin normalment jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri rispettivi.

Għanijiet

  • Ittejjeb il-kompetittività tal-OCTs, issaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom, tnaqqas il-vulnerabilità ekonomika u ambjentali tagħhom u tippromwovi l-kooperazzjoni bejnhom u l-imsieħba tagħhom.
  • Tippreserva r-rabtiet eżistenti bejn l-UE fuq naħa waħda, u Greenland u d-Danimakra fuq in-naħa l-oħra, u tirrikonoxxi l-pożizzjoni ġeostrateġika ta’ Greenland fl-Artiku, u żżomm ir-rabtiet eżistenti bejn l-UE u l-OCTs l-oħra, u tirrikonoxxi l-pożizzjonijiet ġeostrateġiċi tagħhom fil-Karibew, l-Oċean Indjan, l-Atlantiku u l-Paċifiku.

Prijoritajiet

L-assoċjazzjoni tipprovdi bażi għal djalogu ta’ politika u kooperazzjoni fuq kwistjonijiet ta’ interess reċiproku. Id-deċiżjoni tipprijoritizza kooperazzjoni f’għadd ta’ oqsma, inklużi:

  • id-diversifikazzjoni sostenibbli tal-ekonomiji tal-OCTs, inkluż l-integrazjoni ulterjuri f’ekonomiji dinjija u reġjonali, u l-bżonn speċifiku biex iżżid il-ħiliet fil-forza tax-xogħol ta’ Greenland;
  • it-trawwim ta’ skambji, kooperazzjoni u sħubijiet biex tikseb b’mod aktar mgħaġġel l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli;
  • l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa pubblika, it-turiżmu u l-kultura;
  • il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, inkluż il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli ta’ servizzi tal-bijodiversità u l-ekosistemi;
  • il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament tal-impatti tat-tibdil fil-klima;
  • l-aċċessibilità diġitali;
  • il-promozzjoni ta’ skambji soċjali, kulturali u ekonomiċi bejn l-OCTs, il-ġirien u l-imsieħba tagħhom.

Baġit u finanzjament

  • Id-deċiżjoni tistabbilixxi l-programm ta’ finanzjament għall-assoċjazzjoni għall-2021–2027: EUR 500 miljun.
  • L-assistenza tal-UE lill-OCTs issa hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-UE taħt il-qafas finanzjarju plurijennali tal-2021–2027.
  • Dan qabel kien iffinanzjat mill-Fond ta’ Żvilupp Ewropew u parzjalment mill-baġit (l-ex deċiżjoni ta’ Greenland).
  • Anness 1 għad-deċiżjoni jistabbilixxi forom ta’ finanzjament tal-UE u r-regoli għall-forniment ta’ tali finanzjament.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1764 tal-5 ta’ Ottubru 2021 dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea inkluż ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea minn naħa,u Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni extra-Ewropea, inkluż Greenland) (ĠU L 355, 7.10.2021, pp. 6–134)

l-aħħar aġġornament 01.12.2021

Top