EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni UE-Renju Unit

Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni UE-Renju Unit

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/2252 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit u tal-Ftehim dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

Id-Deċiżjoni (Euratom) 2020/2253 li tapprova l-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-Kooperazzjoni dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari u tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni

Dikjarazzjonijiet imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u l-Ftehim dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

Id-Deċiżjoni (UE) 2021/689 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit u tal-Ftehim dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM, TAD-DIKJARAZZJONIJIET U TAD-DEĊIŻJONIJIET?

  • Id-deċiżjonijiet ikopru l-iffirmar u l-applikazzjoni tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn ir-Renju Unit u l-UE u l-Istati Membri tal-UE.
  • Il-ftehim huwa maħsub biex imur lil hinn minn ftehim kummerċjali ħieles u jipprovdi bażi biex jippersevera sħubija u kooperazzjoni fil-futur. Huwa jirrifletti l-fatt li r-Renju Unit se jitlaq mis-sistema ta’ regoli komuni, superviżjoni u mekkaniżmi ta’ infurzar tal-UE, u mhux se jibqa’ jgawdi l-benefiċċji tas-suq komuni tal-UE.
  • Id-dikjarazzjonijiet jistabbilixxu deċiżjonijiet politiċi mifthiema bejn iż-żewġ partijiet fuq għadd ta’ kwistjonijiet u oqsma ta’ politika.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim huqa maqsum f’seba’ partijiet segwiti minn tliet protokolli u aktar minn 600 paġna ta’ annessi.

Parti 1: Regoli komuni u istituzzjonali

Din il-parti tistabbilixxi l-għanijiet tal-ftehim, ir-regoli għall-ftehimiet supplementari bejn il-partijiet u tistabbilixxi l-istruttura istituzzjonali, inklużi l-kumitati tal-Kunsill ta’ Sħubija u l-gruppi ta’ ħidma maħsuba biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-ftehim.

Parti 2: Kummerċ, trasport, sajd u arranġamenti oħra

Din il-parti hija maqsuma f’bosta intestaturi:

1. Kummerċ — din l-intestatura tkopri għadd ta’ oqsma inklużi:

  • il-kummerċ fil-merkanzija — inkluż ftehim għal żero tariffi jew kwoti fuq oġġetti nnegozjati, għarfien reċiproku ta’ programmi ta’ kummerċjanti fdati, u regoli tal-oriġini;
  • is-servizzi u l-investimenti — jinkludu ftehim għal trattament indaqs għall-fornituri tas-servizzi fl-UE u investituri fir-Renju Unit u viċi versa;
  • il-kummerċ diġitali — jinkludi t-tneħħija ta’ ostakoli mhux ġustifikati għall-kummerċ diġitali, inkluż il-projbizzjoni ta’ rekwiżiti tal-lokalizzazzjoni tad-data, waqt li jiġu rrispettati r-regoli tal-protezzjoni tad-data;
  • l-enerġija — tinkludi garanziji dwar is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija, il-kooperazzjoni fl-enerġija barra mill-kosta (offshore) fil-Baħar tat-Tramuntana, impenji vinkolanti lejn il-Ftehim ta’ Pariġi u nonrigressjoni fuq it-tibdil fil-klima u l-ipprezzar tal-karbonju;
  • kundizzjonijiet ekwi għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta u żvilupp sostenibbli.

2. Avjazzjoni — il-ftehim jinkludi:

  • traffiku bla limitu minn punt sa punt bejn ajruporti fl-UE u fir-Renju Unit;
  • kooperazzjoni fis-sikurezza tal-avjazzjoni, is-sigurtà u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;
  • regoli dwar ground-handling u slottijiet (nondiskriminazzjoni u aċċess), u d-drittijiet tal-passiġġieri.

3. Trasport fuq l-art — il-ftehim jinkludi:

  • traffiku bla limitu minn punt sa punt għal trasportaturi li jġorru tagħbija bejn l-UE u r-Renju Unit u d-drittijiet ta’ transitu kollha fit-territorji ta’ xulxin;
  • regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sigurtá fit-toroq, kompetizzjoni ġusta, u kundizzjonijiet ekwi rigward l-ambjent, kwistjonijiet soċjali u l-kompetizzjoni.

4. Koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u l-viżas għal żjarat ta’ perjodu ta’ żmien qasir — il-ftehim jinkludi:

  • koordinazzjoni ta’ xi benefiċċji tas-sigurtà soċjali (pensjonijiet tax-xjuħija u tas-superstiti, qabel l-irtirar, il-kura tas-saħħa, il-maternità u l-paternità, inċidenti fuq ix-xogħol) li jagħmluha akar faċli taħdem barra mill-pajjiż mingħajr ma titlef id-drittijiet;
  • klawsola ta’ nondiskriminazzjoni tiżgura t-trattament indaqs ta’ ċittadini tal-UE għal viżas ta’ perjodu ta’ żmien qasir.

5. Sajd — il-ftehim jinkludi:

  • arranġamenti ġodda jiżguraw l-ġestjoni komuni ta’ stokkijiet tal-ħut kondiviżi l-ibħra tal-UE u tar-Renju Unit, jirrispettaw id-drittijiet u l-obbligi taż-żewġ partijiet bħala stati kostali indipendenti;
  • perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ ħames snin u nofs li matulu drittijiet ta’ aċċess reċiproku biex jistadu fl-ibħra ta’ xulxin ma jinbidlux, bi trasferiment gradwali tal-kwoti tal-UE lir-Renju Unit.

Parti 3: L-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

Il-ftehim jiżgura li l-partijiet se jaħdmu flimkien f’għadd ta’ modi inkluż:

Parti 4: Kooperazzjoni tematika

Il-ftehim jiżgura l-kooperazzjoni fuq ċerti kwistjonijiet inkluż:

Parti 5: Parteċipazzjoni fi programmi tal-UE, ġestjoni finanzjarja soda u dispożizzjonijiet finanzjarji

Ir-Renju Unit se jieħu sehem f’ħames programmi tal-UE miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi mhux tal-UE (suġġett għall-kontribuzzjoni finanzjara tagħha):

Parti 6: Soluzzjoni ta’ tilwim u regoli orizzontali

  • Jekk ma tistax tinsab soluzzjoni għal tilwim bejn il-partijiet, jista’ jiġi stabbilit tribunal ta’ arbitraġġ indipendenti biex isolvi l-kwistjoni permezz ta’ sentenza vinkolanti. Dan il-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim ikopri ħafna mill-oqsma tal-ftehim, inkluż kundizzjonijiet ekwi u s-sajd.
  • Il-mekkaniżmu huwa akkumpanjat minn mekkaniżmu ta’ infurzar u salvagwardja inkluż il-possibilità ta’ sospensjoni tal-impenji tal-aċċess għas-suq, eż. permezz tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ tariffi u/jew kwoti fl-oqsma affettwati.
  • Iż-żewġ partijiet se jkunu jistgħu wkoll jagħmlu ritaljazzjoni b’mod trasversali* jekk il-parti l-oħra ma tikkonformax ma’ deċiżjoni ta’ tribunal ta’ arbitraġġ indipendenti.
  • Kull ksur sostanzjali ta’ obbligi meqjusa bħala “elementi essenzjali” (il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, ir-rispett għall-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali, jew in-nonproliferazzjoni) jista’ jwassal għas-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta’ parti mill-ftehim jew il-ftehim kollu.

Parti 7: Dispożizzjonijiet finali

  • Il-ftehim ma japplikax għal Ġibiltà u lanqas għat-territorji barranin Britanniċi.
  • Il-ftehim u kull ftehim supplimentari se jkun rivedut kull ħames snin.

Annessi u protokolli

Hemm għadd kbir ta’ annessi għall-ftehim li jkopru kwistjonijiet bħal:

  • regoli ta’ proċedura tal-Kunsill tas-Sħubijiet u kumitati;
  • regoli tal-oriġini;
  • vetturi bil-mutur, tagħmir u partijiet;
  • prodotti mediċinali;
  • regoli għal operaturi ekonomiċi awtorizzati;
  • linji gwida għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali

Hemm tliet protokolli marbuta mal-ftehim:

  • Protokoll dwar il-koperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u għall-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ pretensjonijiet relatati mat-taxxi u d-dazji — dan il-protokoll jistabbilixxi r-regoli u proċeduri għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam.
  • Protokoll dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali — dan il-protokoll huwa maħsub biex iż-żewġ partijiet jgħinu lil xulxin biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali, b’mod partikolari billi jipprevjeni, jinvestiga u jiġġieled operazzjonijiet li jiksru dik il-leġiżlazzjoni.
  • Protokoll dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtá soċjali — dan il-protokoll jistabbilixxi r-regoli għall-koordinazzjoni dwar:
    • benefiċċji tal-mard;
    • benefiċċji tal-maternità u l-paternità;
    • benefiċċji tal-invalidità;
    • benefiċċji tax-xjuħija.

Dikjarazzjonijiet

Id-dikjarazzjonijiet ikopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet inkluż:

  • kooperazzjoni regolatorja tas-servizzi finanzjarji;
  • il-ġlieda kontra skemi dannużi tat-taxxa;
  • politika monetarja u l-kontroll tas-sussidji;
  • trasportaturi bit-triq;
  • l-ażil u r-ritorni;
  • aspetti differenti tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali;
  • l-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata;
  • il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi programmi tal-UE u aċċess għal servizzi ta’ programmi;
  • protokoll abbozz dwar il-programmi u l-attivitajiet li se jipparteċipa fihom ir-Renju Unit.

MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-FTEHIM?

  • Id-Deċiżjonijiet (UE) 2020/2252 u (Euratom) 2020/2253 ilhom japplikaw mid-29 ta’ Diċembru 2020.
  • Wara l-kunsens tal-Parlament Ewropew fis-27 ta’ April 2021 u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021, il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni UE-Renju Unit dwar is-sigurtà tal-informazzjoni daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.

SFOND

Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni isegwi mill-Ftehim dwar il-Ħruġ miftiehem bejn ir-Renu Unit u l-UE li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ kopra kwistjonijiet bħal:

  • id-drittijiet taċ-ċittadini — kemm ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u viċi versa;
  • kwistjonijiet ta’ separazzjoni — passi biex jiżguraw ħruġ b’mod ordnat tar-Renju Unit;
  • perjodu ta’ tranżizzjoni mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Diċembru 2020 — biex jippermetti li jiġi nnegozjat Ftehim ta’ Kooperazzjoni u Kummerċ, u li matulu r-Renju Unit jiġi ttrattat f’ħafna aspetti bħala Stat Membru;
  • il-ftehim finanzjarju — li jiżgura li r-Renju Unit jonora l-obbligi finanzjarji tiegħu bħala Stat Membru.

TERMINI EWLENIN

Ritaljazzjoni b’mod trasversali: ritaljazzjoni permezz ta’ mezzi bħal tariffi, f’settur wieħed tan-negozju, bħall-agrikoltura, biex jaffrontaw azzjonijiet mhux ġusti jew ksur ta’ ftehimiet li jaffettwaw il-kummerċ f’settur ieħor.

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU L 149, 30.4.2021, pp. 10-2539)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, pp. 2540-2548)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 tad-29 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 444, 31.12.2020, pp. 2-10)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (Euratom) 2020/2253 tad-29 ta’ Diċembru 2020 li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-Kooperazzjoni dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari u l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU L 444, 31.12.2020, pp. 11-13)

Dikjarazzjonijiet imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni, u tal-Ftehim dwar il-proċeduri tas-sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, pp. 2549-2559)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, pp. 2-9)

Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2560)

DOKUMENT RELATAT

Ftehim dwar l-irtirar tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU C 384I, 12.11.2019, pp. 1-177)

l-aħħar aġġornament 27.05.2021

Top