Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji

Il-fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2020/1503 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi regoli komuni għal:

  • forniment ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv*;
  • l-organizzazzjoni, l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv;
  • l-applikazzjoni ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ta’ trasparenza u kummerċjalizzazzjoni

PUNTI EWLENIN

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom:

  • ikunu awtorizzati uffiċjalment;
  • jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali fl-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom;
  • ma jaċċettaw l-ebda premju biex jidderieġu l-ordnijiet tal-investituri lejn offerta ta’ finanzjament kollettiv partikolari;
  • iwettqu livell minimu ta’ diliġenza dovuta tas-sidien tal-proġett* ifittxu finanzjament kollettiv;
  • ikollhom fis-seħħ proċeduri effettivi u trasparenti għat-trattament f’waqtu, ġust u konsistenti tal-ilmenti mill-klijenti;
  • jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ kunflitt ta’ interess, bħall-projbizzjoni li jinvestu fi kwalunkwe offerta fuq il-pjattaformi tagħhom stess;
  • jieħdu passi raġonevoli biex jevitaw riskju addizzjonali meta jesternalizzaw kwalunkwe funzjoni;
  • jikkonformaw ma’ salvagwardji prudenzjali speċifiċi;
  • jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali b’lista kunfidenzjali annwali ta’ proġetti ffinanzjati permezz tal-pjattaformi tagħhom;
  • iżommu rekords tas-servizzi u t-tranżazzjonijiet tagħhom għal mill-inqas 5 snin.

Il-korp maniġerjali ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jistabbilixxi u jissorvelja politiki u proċeduri adegwati biex jiżgura attività effettiva u prudenti.

Awtoritajiet nazzjonali:

  • għandom jeżaminaw bir-reqqa persuna ġuridika li biħsiebha tipprovdi servizzi ta’ finanzjament kollettiv;
  • għandhom jiddeċiedu, fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu applikazzjoni kompluta, jekk jawtorizzawx jew jirrifjutawx fornitur prospettiv ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv;
  • jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni tagħhom għal imġiba illegali sussegwenti jew in-nuqqas ta’ użu tal-pjattaforma għal 9 xhur suċċessivi;
  • għandhom jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom informazzjoni aġġornata dwar il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali li japplikaw għall-materjal ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-fornituri tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv;
  • ikollhom setgħat investigattivi speċifiċi, inklużi spezzjonijiet fuq il-post;
  • għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u jiskambjaw l-informazzjoni bejniethom u mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA);
  • għandhom joperaw proċedura ta’ lmenti għall-klijenti, il-partijiet interessati u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi;
  • jistgħu japplikaw penali amministrattivi (minbarra d-dritt tagħhom li jimponu penali kriminali).

L-ESMA għandha:

  • tiżviluppa u tippreżenta abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tappoġġja l-leġiżlazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea ;
  • tistabbilixxi reġistru pubblikament disponibbli fuq is-sit web tagħha tal-fornituri kollha tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv.

Il-miżuri biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investitur jeħtieġu li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv:

  • jiżguraw li l-informazzjoni u l-materjal kollu tal-kummerċjalizzazzjoni pprovduti lill-klijenti jkunu ġusti, ċar u mhux qarrieq;
  • jiżvelaw kull sena r-rati ta’ inadempjenza tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv fuq il-pjattaformi tagħhom ibbażati fuq is-self matul mill-inqas it-tliet snin preċedenti;
  • jippubblikaw dikjarazzjoni dwar ir-riżultati fi żmien 4 xhur mit-tmiem ta’ kull sena finanzjarja;
  • jivvalutaw jekk kwalunkwe mis-servizzi tagħhom humiex xierqa għal klijenti prospettivi mhux professjonali (“investituri mhux sofistikati”) u jipprovdu perjodu ta’ riflessjoni ta’ erbat ijiem qabel ma jagħtuhom aċċess sħiħ biex jinvestu fi proġetti ta’ finanzjament kollettiv;
  • jagħtu lill-investituri prospettivi karta tal-investiment ewlenija dettaljata, inkluża twissija ta’ telf finanzjarju possibbli.

Ir-regolament ma japplikax għal individwi li jużaw il-finanzjament kollettiv għal raġunijiet personali (jiġifieri mhux għan-negozju, il-kummerċ jew il-professjoni tagħhom) jew għal kampanji ta’ aktar minn EUR 5 miljuni, li huma regolati mid-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq finanzjarji (MiFID II — ara s-sommarju) u r-Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-prospetti li għandhom jiġu ppubblikati meta jinħarġu u jiġu offruti titoli lill-pubbliku (ara s-sommarju).

Atti ta’ implimentazzjoni u delegati

Fl-atti ta’ implimentazzjoni li ġejjin, il-Kummissjoni adottat standards tekniċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1503:

  • Ir-Regolament (UE) 2022/2120 — standards u formati tad-data, mudelli u proċeduri għar-rapportar ta’ informazzjoni dwar proġetti ffinanzjati permezz ta’ pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv;
  • Ir-Regolament (UE) 2022/2121 — formoli, mudelli u proċeduri standard għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti u l-ESMA fir-rigward ta’ fornituri Ewropej ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji;
  • Ir-Regolament (UE) 2022/2122 — formoli, mudelli u proċeduri standard għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji;
  • Ir-Regolament (UE) 2022/2123 — formoli, mudelli u proċeduri standard għan-notifiki tar-rekwiżiti nazzjonali ta’ kummerċjalizzazzjoni applikabbli għall-fornituri tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA.

Huwa adotta wkoll l-atti delegati li ġejjin b’rabta mar-Regolament (UE) 2020/1503:

  • Ir-Regolament (UE) 2022/1988 li jestendi l-perjodu tranżitorju għat-tkomplija tal-għoti ta’ servizzi proviżorji ta’ finanzjament kollettiv skont il-liġi nazzjonali;
  • Ir-Regolament (UE) 2022/2111 — rekwiżiti ta’ kunflitti ta’ interess għall-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv;
  • Ir-Regolament (UE) 2022/2112 — rekwiżiti u arranġamenti għall-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni bħala fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv;
  • Ir-Regolament (UE) 2022/2113) — l-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ investigazzjoni, superviżjoni u attivitajiet ta’ infurzar fir-rigward ta’ fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv tan-negozju;
  • Ir-Regolament (UE) 2022/2114 — it-test tal-għarfien dwar id-dħul u s-simulazzjoni tal-abbiltà li tġarrbu telf għal investituri prospettivi mhux sofistikati fi proġetti ta’ finanzjament kollettiv;
  • Ir-Regolament (UE) 2022/2115 — metodoloġija għall-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza ta’ self offruti fuq pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv;
  • Ir-Regolament (UE) 2022/2116 — miżuri u proċeduri għall-finijiet ta’ kontinwità tan-negozju tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv;
  • Ir-Regolament (UE) 2022/2117 — rekwiżiti, formati u proċeduri standard għat-trattament tal-ilmenti;
  • Ir-Regolament (UE) 2022/2118 — il-ġestjoni individwali ta’ portafoll ta’ self minn fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, li jispeċifika l-elementi tal-metodu għall-evalwazzjoni tar-riskju tal-kreditu, l-informazzjoni dwar kull portafoll individwali li għandu jkun żvelat lill-investituri, u l-politiki u l-proċeduri meħtieġa fir-rigward ta’ fondi ta’ kontinġenza; u
  • Ir-Regolament (UE) 2022/2119 — standards għall-iskeda informattiva ewlenija dwar l-investiment.

Rapporti

Il-Kummissjoni:

  • sal-10 ta’ Mejju 2022, għandha tivvaluta l-impatt tar-regolament dwar is-servizzi ta’ finanzjament kollettiv purament nazzjonali u tiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-perjodu tranżitorju għall-pjattaformi awtorizzati qabel l-10 ta’ Novembru 2021 (ara r-Regolament Delegat (UE) 2022/1988);
  • għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabel l-10 ta’ Novembru 2023.

Il-leġiżlazzjoni temenda r-Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-prospetti u d-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni ta’ individwi li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ara s-sommarju).

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-10 ta’ November 2021.

SFOND

  • Il-finanzjament kollettiv huwa forma ta’ finanzjament li jgħaqqad direttament persuni li jistgħu jagħtu, isellfu jew jinvestu flus ma’ dawk li jeħtieġu finanzjament għal proġett speċifiku.
  • Ir-regoli tal-Unjoni Ewropea jagħmluha aktar faċli għall-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv biex jiżviluppaw u joffru s-servizzi tagħhom bejn il-fruntieri nazzjonali taħt reġim uniku. Għall-investituri u n-negozji ż-żgħar, speċjalment in-negozji l-ġodda, dawn itejbu l-aċċess għal din il-forma innovattiva ta’ finanzjament. Għall-investituri, dawn jipprovdu protezzjoni aħjar u livell ogħla ta’ garanziji.
  • Ir-regolament huwa parti mill-pjan ta’ azzjoni dwar l-innovazzjoni abbażi tat-teknoloġija fis-servizzi finanzjarji (FinTech) li l-Kummissjoni ppreżentat f’Marzu 2018.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Servizzi ta’ finanzjament kollettiv. Tqabbil, permezz servizzi ta’ finanzjament kollettiv, interessi ta’ finanzjament kummerċjali tal-investituri u dawk li qed ifittxu finanzjament. Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 2(1)(a) tar-regolament.
Sid il-proġett. Individwu jew negozju li qed ifittex finanzjament permezz ta’ pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) Nru 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L 347, 20.10.2013, pp. 1–49).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2111 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kunflitti tar-rekwiżiti ta’ interess għall-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv (ĠU L 287, 8.11.2022, pp. 1–4).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2112 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti u l-arranġamenti għall-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni bħala fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv (ĠU L 287, 8.11.2022, pp. 5–21).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2113 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ investigazzjoni, superviżjoni u attivitajiet ta’ infurzar fir-rigward ta’ fornituri tas-servizz ta’ finanzjament kollettiv Ewropej għan-negozji (ĠU L 287, 8.11.2022, pp. 22–25).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2114 of 13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw it-test tal-għarfien dwar id-dħul u s-simulazzjoni tal-abbiltà li jġarrbu telf għal investituri prospettivi mhux sofistikati fi proġetti ta’ finanzjament kollettiv (ĠU L 287, 8.11.2022, pp. 26–32).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2115 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza ta’ self offruti fuq pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv (ĠU L 287, 8.11.2022, pp. 33–37).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2116 tat-13 ta ‘ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-miżuri u l-proċeduri għall-pjan ta’ kontinwità tan-negozju tal-fornituri tas-servizz ta’ finanzjament kollettiv (ĠU L 287, 8.11.2022, pp. 38–41).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2117 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti, il-formati standard u l-proċeduri għat-trattament tal-ilmenti (ĠU L 287, 8.11.2022, pp. 42–49).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2118 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-ġestjoni ta’ portafoll individwali ta’ self minn fornituri ta’ servizz ta’ finanzjament kollettiv, li jispeċifika l-elementi tal-metodu li jivvaluta r-riskju tal-kreditu, l-informazzjoni dwar kull portafoll individwali li għandu jiġi żvelat lill-investituri, u l-politiki u l-proċeduri meħtieġa fir-rigward ta’ fondi ta’ kontinġenza (ĠU L 287, 8.11.2022, pp. 50–62).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2119 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-iskeda ewlenija għall-informazzjoni dwar l-investiment (ĠU L 287, 8.11.2022, pp. 63–75).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2120 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards u formati tad-data, mudelli u proċeduri għar-rapportar ta’ informazzjoni dwar proġetti ffinanzjati permezz ta’ pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv (ĠU L 287, 8.11.2022, pp. 76–85).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2121 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ formoli, mudelli u proċeduri standard għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA fir-rigward ta’ fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji (ĠU L 287, 8.11.2022, pp. 86–100).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2122 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ formoli, mudelli u proċeduri standard għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rigward il-fornituri tas-servizz ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji (ĠU L 287, 8.11.2022, pp. 101–119).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2123 of 13 ta’ Lulju 2022 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għan-notifiki tar-rekwiżiti nazzjonali applikabbli għall-fornituri tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA (ĠU L 287, 8.11.2022, pp. 120–125).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1988 tat-12 ta’ Lulju 2022 li jestendi l-perjodu ta’ tranżizzjoni biex ikompli għaddej l-għoti tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv f’konformità mal-liġi nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 273, 21.10.2022, pp. 3–4).

Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, pp. 17–56).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2019/1937 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni tal-FinTech: Għal settur finanzjarju Ewropew iktar kompetittiv u innovattiv (COM(2018) 109 final, 8.3.2018).

Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, pp. 12–82).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (riformulazzjoni) (ĠU L 173, 12.6.2014, pp. 349–496).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li temenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, pp. 84–119).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 97/9KEC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ interoperabbiltà bejn l-investitur (ĠU L 84, 26.3.1997, pp. 22–31).

l-aħħar aġġornament 16.02.2023

Top