Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Preliminari bejn l-UE u l-Parti Afrika Ċentrali

Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Preliminari bejn l-UE u l-Parti Afrika Ċentrali

 

SOMMARJU TA’:

Il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra

Id-Deċiżjoni 2009/152/KE — dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda u l-Parti Afrika Ċentrali, fuq in-naħa l-oħra

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-Ftehim joħloq bażi inizjali għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) sħiħ bejn l-UE u l-Komunità Ekonomika u Monetarja tal-Afrika Ċentrali (CEMAC).
  • Dan jinkludi impenji konkreti u infurzabbli dwar ċerti kwistjonijiet (bħall-kummerċ fil-merkanzija, id-difiża tal-kummerċ, l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ) u bażi għal negozjar dwar elementi addizzjonali.
  • Id-Deċiżjoni timmarka l-iffirmar tal-ftehim f’isem l-UE u l-applikazzjoni proviżorja tiegħu. L-UE u l-Kamerun ikkonkludew negozjati dwar FSE preliminari fl-2007. Il-Parlament Ewropew approva l-ftehim f’Ġunju 2013 u ġie ratifikat mill-Kamerun f’Lulju 2014. L-applikazzjoni proviżorja daħlet fis-seħħ mill-4 ta’ Awwissu 2014.

PUNTI EWLENIN

Il-Parti Afrika Ċentrali

  • In-negozjati għal FSE komprensiv mar-reġjun kollu tal-Afrika Ċentrali (il-Kamerun, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, iċ-Chad, il-Kongo, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Guinea Ekwatorjali, il-Gabon, São Tomé u Príncipe) ġew imnedija fl-2003. L-FSE implimentat bejn l-UE u l-Kamerun huwa pass lejn dan il-ftehim reġjonali sħiħ. Fil-fatt, joffri l-possibbiltà li s-sħubija tiġi ddiversifikata u approfondita skont il-ħtiġijiet u l-objettivi tal-benefiċjarji tagħha. Peress li l-vokazzjoni tiegħu hija reġjonali, huwa miftuħ għal kwalunkwe pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi tar-reġjun interessati li jissieħbu fih.
  • Il-ftehim preliminari jippermetti lill-Kamerun, fin-nuqqas ta’ FSE reġjonali, li jkompli jibbenefika minn preferenzi kummerċjali li kien jirriskja li jitlef, f’konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

Objettivi

Flimkien ma’ għadd ta’ għanijiet ġenerali, il-Ftehim jistabbilixxi diversi objettivi speċifiċi.

  • Jistabbilixxi bażi għan-negozjar ta’ FSE li se:
    • jgħin biex jitnaqqas il-faqar;
    • jippromwovi l-integrazzjoni reġjonali, il-kooperazzjoni ekonomika u l-governanza tajba fl-Afrika Ċentrali;
    • iżid il-kapaċitajiet tal-produzzjoni, l-esportazzjoni u l-provvista tal-Afrika Ċentrali; itejjeb l-abbiltà tal-Afrika Ċentrali li tattira investiment barrani; u
    • iżid il-kapaċitajiet tagħha f’termini tal-politika kummerċjali u kwistjonijiet oħra relatati mal-kummerċ.
  • Irawwem l-integrazzjoni bla xkiel u gradwali tal-Afrika Ċentrali fl-ekonomija tal-kontinent kif ukoll fl-ekonomija globali, skont l-għażliet politiċi tagħha u l-prijoritajiet ta’ żvilupp tagħha.
  • Jiddiversifika l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-UE u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet eżistenti bejn il-partijiet fuq il-bażi tas-solidarjetà u l-interess reċiproku.
  • Joħloq ftehim li jkun kompatibbli mar-regoli tad-WTO.
  • Jistabbilixxi bażi għan-negozjar u l-implimentazzjoni ta’ bażi legali effettiva, prevedibbli u trasparenti għall-kummerċ, l-investiment, il-kompetizzjoni, il-proprjetà intellettwali, l-akkwist pubbliku u l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun tal-Afrika Ċentrali.
  • Jistabbilixxi pjan direzzjonali biex jitlestew in-negozjati f’ċerti oqsma msemmija hawn fuq li ma kinux tlestew meta ġie konkluż dan il-Ftehim.

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-Ftehim ikopri għadd ta’ aspetti politiċi u ekonomiċi, inklużi dawn li ġejjin.

  • Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp biex tgħin lill-Afrika Ċentrali tikseb l-għanijiet tal-FSE, speċifikament permezz tal-bini tal-kapaċitajiet u l-modernizzazzjoni f’oqsma bħal:
    • l-iżvilupp ta’ infrastruttura reġjonali bażika;
    • l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel;
    • l-industrija, id-diversifikazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomiji;
    • it-tisħiħ tal-integrazzjoni reġjonali;
    • it-titjib tal-ambjent tan-negozju; u
    • l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ regoli relatati mal-kummerċ.
  • Is-sistema kummerċjali għall-merkanzija, inklużi regoli dwar id-dazji doganali, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-miżuri tad-difiża tal-kummerċ bħalma huma l-miżuri anti-dumping, l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji u l-governanza tal-forestrija.
  • L-istabbiliment, il-kummerċ fis-servizzi u l-kummerċ elettroniku.
  • Impenn biex jitkomplew in-negozjati dwar regoli relatati mal-kummerċ, inkluż dwar il-proprjetà intellettwali, l-akkwist pubbliku u l-iżvilupp sostenibbli.
  • Il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ tilwim.
  • Regoli istituzzjonali, inkluż l-istabbiliment ta’ kumitat tal-FSE biex jamministra l-aspetti kollha tal-Ftehim.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-Ftehim ilu japplika b’mod proviżorju mill-4 ta’ Awwissu 2014.

SFOND

Ir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) huma rregolati mill-Ftehim ta’ Cotonou (ara s-sommarju). Bħalissa qed jiġi nnegozjat Ftehim ta’ Sħubija ġdid bejn l-AKP u l-UE. Il-ftehim eżistenti kellu jiskadi fl-2020 iżda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu ġiet estiża sat-30 ta’ Novembru 2021.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra — Protokols (ĠU L 57, 28.2.2009, pp. 2-360)

L-emendi suċċessivi għall-Ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/152/KE tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda u l-Parti Afrika Ċentrali, fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 57, 28.2.2009, p. 1)

DOKUMENTI RELATATI

Il-Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn Strateġija komprensiva mal-Afrika (JOIN(2020) 4 final, 9.3.2020)

L-Avviż rigward l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Interim bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa l-waħda, u l-Parti tal-Afrika Ċentrali min-naħa l-oħra (ĠU L 254, 28.8.2014, p. 1)

Il-Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmaw f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 — Protokols — Att Finali — Dikjarazzjonijiet (ĠU L 317, 15.12.2000, pp. 3-353)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 21.01.2021

Top