Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Rekwiżiti għall-fornituri tas-servizzi talġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru

Rekwiżiti għall-fornituri tas-servizzi talġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 — rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-network tal-ġestjoni u s-sorveljanza tagħhom

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 jistabbilixxi regoli komuni għal:

  • il-fornituri tas-tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ATM/ANS) għat-traffiku tal-ajru ġenerali;
  • l-awtoritajiet nazzjonali involuti fiċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar, u l-korpi li jaġixxu f’isimhom;
  • id-disinn tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru* (mis-27 ta’ Jannar2022 ’il quddiem).

PUNTI EWLENIN

Il-provvista ta’ ATM/ANS u d-disinn tal-istruttura tal-ispazju tal-ajru

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) għandhom jiżguraw li l-ATM/ANS u d-disinn tal-istruttura tal-ispazju tal-ajru jikkonformaw ma’ dan ir-regolament, sabiex jiffaċilitaw it-traffiku tal-ajru ġenerali filwaqt li jqisu l-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza, ir-rekwiżiti tat-traffiku u l-impatt ambjentali.

Regoli dettaljati jistgħu jinstabu fl-annessi tar-regolament.

Jekk jadottaw kwalunkwe regola addizzjonali biex jikkumplimentaw dan ir-regolament, fuq kwalunkwe kwistjoni li għad fadal lill-Istati Membri skont ir-regolament, l-Istati Membri għandhom:

  • isegwu l-istandards u r-rakkomandazzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali tas-7 ta’ Diċembru 1944;
  • jinnotifikaw lill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ewropea fi żmien xahrejn minn meta jadottaw ir-regoli addizzjonali;
  • jippubblikaw regoli bħal dawn permezz tal-pubblikazzjonijiet tal-informazzjoni ajrunawtika nazzjonali tagħhom; u
  • jekk jiddeċiedu li jorganizzaw l-forniment ta’ ċerti servizzi tat-traffiku tal-ajru speċifiċi f’ambjent kompetittiv, jiżguraw li l-fornituri ta’ dawk is-servizzi ma jkunux involuti f’imġiba antikompetittiva jew jabbużaw minn pożizzjoni dominanti fis-suq.

Fir-rigward tad-disinn tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li:

  • kwalunkwe entità responsabbli għall-oriġini tad-data ajrunawtika u tal-informazzjoni ajrunawtika użati bħala sors ta’ prodotti u servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III;
  • tali data u informazzjoni jkunu oriġinaw, ġew proċessati u trażmessi minn persunal imħarreġ, kompetenti u awtorizzat;
  • l-attivitajiet u s-servizzi tal-fornituri tal-ATM/ANS, kif ukoll l-iskambju ta’ data u informazzjoni rilevanti, ikunu kkoordinati;
  • il-persuni jew l-organizzazzjonijiet responsabbli għad-disinn tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru japplikaw ir-rekwiżiti tal-Anness XI;
  • il-manutenzjoni u r-reviżjonijiet perjodiċi tal-proċeduri tat-titjira jitwettqu għall-ajrudromi u l-ispazju tal-ajru taħt l-awtorità tagħhom.

L-Istati Membri għandhom ukoll:

  • jistabbilixxu l-ħtieġa ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru, billi jqisu t-tipi u d-densità tat-traffiku tal-ajru, il-kundizzjonijiet tat-temp u fatturi oħra ddefiniti fl-Anness IV;
  • jiżguraw il-koordinazzjoni bejn l-unitajiet militari u l-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru;
  • jikkoordinaw l-operazzjonijiet tal-ajru li huma potenzjalment perikolużi għall-avjazzjoni ċivili fit-territorju tagħhom;
  • jiżguraw li l-frekwenza tal-emerġenza tal-inġenji tal-ajru (121.5 megahertz) tintuża biss għal emerġenzi ġenwini kif speċifikat fl-Anness IV;
  • jaħtru awtoritajiet nazzjonali għaċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar, b’poteri dettaljati stipulati fir-regolament.

Annessi

L-annessi jelenkaw rekwiżiti dettaljati għall-fornituri tas-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom kif ġej.

  • Anness I: Definizzjonijiet tat-termini użati fl-Annessi II sa XIII.
  • Anness II: Rekwiżiti għall-awtoritajiet kompetenti — sorveljanza tas-servizzi u funzjonijiet oħrajn tan-network tal-ATM.
  • Anness III: Rekwiżiti komuni għall-fornituri tas-servizzi.
  • Anness IV: Servizzi tat-traffiku tal-ajru.
  • Anness V: Servizzi meteoroloġiċi.
  • Anness VI: Servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika.
  • Anness VII: Servizzi tad-data.
  • Anness VIII: Servizzi ta’ komunikazzjoni, navigazzjoni jew sorveljanza.
  • Anness IX: Ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru.
  • Anness X: Ġestjoni tal-ispazju tal-ajru.
  • Anness XI: Servizzi ta’ disinn għall-proċedura tat-titjiriet.
  • Anness XII: Rekwiżiti speċifiċi għall-Maniġer tan-Network.
  • Anness XIII: Rekwiżiti għall-fornituri tas-servizzi rigward it-taħriġ tal-persunal u l-valutazzjoni tal-kompetenza.

Nota: L-annessi oriġinali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 ġew emendati diversi drabi, l-aktar reċenti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/938, li ilu japplika mit-30 ta’ Awwissu 2022. Huwa inkorpora regoli internazzjonali ġodda fl-Annessi I, III u VI relatati mar-rekwiżiti għall-katalgu tad-data ajrunawtika u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni ajrunawtika.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 huwa att ta’ implimentazzjoni li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377, u r-Regolament (UE) Nru 677/2011.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 ilu japplika mit-2 ta’ Jannar 2020.

SFOND

  • Ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 (ara s-sommarju) jikkonċerna r-regoli tal-UE dwar l-ispazju tal-ajru.
  • Ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 (ara s-sommarju) jikkonċerna l-ajru uniku Ewropew — regoli tal-UE dwar is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.
  • Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 (ara s-sommarju) introduċa qafas għall-ħolqien tal-ajru uniku Ewropew.
  • Ir-Regolament (UE) 2018/1139 (ata ssommarju) stabbilixxa l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-regolament ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 216/2008.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Strutturi tal-ispazju tal-ajru. Volum speċifiku tal-ispazju tal-ajru (il-parti tal-atmosfera kkontrollati mill-pajjiżi ’l fuq mit-territorji tagħhom) imfassal biex jiżgura l-operat sigur u ottimali tal-inġenju tal-ajru.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u ta’ funzjonijiet oħrajn tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377/2011 (ĠU L 62, 8.3.2017, pp. 1-126).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/373 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, pp. 1-122).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi l-qafas għall-ħolqien tal-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 96, 31.3.2004, pp. 1-9).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta’ servizz) (ĠU L 96, 31.3.2004, pp. 10-19).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-ispazju tal-ajru) (ĠU L 96, 31.3.2004, pp. 20-25).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 17.10.2022

Top