Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Skema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet — regoli tal-Fond għall-Innovazzjoni

Skema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet — regoli tal-Fond għall-Innovazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Regolament Delegat (UE) 2019/856 f’dak li għandu x’jaqsam mal-operat tal-Fond għall-Innovazzjoni

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Il-Fond għall-Innovazzjoni introdott fid-Direttiva 2003/87/KE huwa maħsub biex jappoġġja inizjattivi innovattivi bħala parti mill-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS)*, il-pilastru tal-politika tal-UE biex jindirizza t-tibdil fil-klima billi jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG). Dan ir-regolament jistabbilixxi regoli dettaljati dwar kif jaħdem il-fond.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-Fond għall-Innovazzjoni, inklużi

  • l-objettivi operazzjonali;
  • il-forom ta’ appoġġ ipprovduti;
  • il-proċedura tal-applikazzjoni;
  • kif jintgħażlu l-proġetti;
  • kif jiġi rregolat il-fond;
  • ir-rappurtar, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, il-kontroll u l-pubbliċità.

Objettivi u forom ta’ appoġġ

Il-fond jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-proġetti li juru teknoloġiji, proċessi jew prodotti innovattivi ħafna, b’potenzjal sinifikanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, filwaqt li jattira riżorsi pubbliċi u privati addizzjonali.

L-appoġġ se jkun fil-forma ta’ għotjiet, jew jgħaqqad l-għotijiet tal-UE mal-istrumenti finanzjarji taħt l-istrument ta’ appoġġ għall-investiment unifikat tal-UE (InvestEU), li jissostitwixxi l-Fond Ewropew attwali għall-Investimenti Strateġiċi għall-perjodu 2021–2027. Il-finanzjament jista’ wkoll jieħu kwalunkwe forma oħra deskritta fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (ir-“Regolament Finanzjarju”), b’mod partikolari premjijiet u akkwist.

Applikazzjoni u għażla

L-applikanti huma mistiedna biex japplikaw għal appoġġ finanzjarju għall-proġetti eliġibbli wara sejħa għal proposti maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-pajjiżi tal-UE. Il-kriterji għall-għażla tal-proġetti jinkludu dawn li ġejjin:

  • il-potenzjal li jiġu evitati emissjonijiet ta’ gassijiet serra;
  • il-grad ta’ innovazzjoni tal-proġetti meta mqabbla mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku;
  • il-maturità tal-ippjanar, il-mudell tan-negozju, l-istruttura finanzjarja u legali; il-prospett li jiġi konkluż l-għeluq finanzjarju tal-proġett f’perjodu ta’ żmien definit minn qabel ta’ mhux aktar minn 4 snin;
  • il-potenzjal tekniku u tas-suq għall-applikazzjoni mifruxa jew it-tnaqqis tal-ispejjeż fil-futur;
  • il-kosteffiċjenza tal-proġett abbażi ta’ formula li tibbilanċja l-ispejjeż mal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra evitati, l-enerġija ġġenerata, jew id-diossidu tal-karbonju maħżun (il-ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju) fl-ewwel 10 snin ta’ operat.

Governanza u amministrazzjoni

Il-Kummissjoni timmaniġġja b’mod dirett l-operat tal-Fond ħlief fejn ingħatat delega lill-korpi ta’ implimentazzjoni. Il-pajjiżi tal-UE huma kkonsultati dwar il-proġetti magħżula qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar l-għotjiet.

L-entitajiet li jirċievu għajnuna għandhom juru fuq is-siti web tagħhom informazzjoni dwar il-proġetti appoġġjati taħt dan ir-regolament, inkluża referenza espliċita għall-appoġġ riċevut mill-Fond għall-Innovazzjoni, kif ukoll jiżguraw li informazzjoni koerenti, effettiva u mmirata dwar l-appoġġ tilħaq lil diversi udjenzi, inklużi l-midja u l-pubbliku.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mis-17 ta’ Ġunju 2019.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

L-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS): l-ewwel — u l-akbar bil-bosta — sistema internazzjonali għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, tkopri madwar 11,000 impjant tal-enerġija u impjant tal-manifattura fl-UE, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein, kif ukoll attivitajiet ta’ avjazzjoni.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 tas-26 ta’ Frar 2019 li jissupplementa d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-operat tal-Fond għall-innovazzjoni (ĠU L 140, 28.5.2019, pp. 6–17)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1-222)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE tat-3 ta’ Novembru 2010 li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta’ proġetti kummerċjali ta’ dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta’ CO2 f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli, fl-ambitu tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290 6.11.2010, pp. 39-48)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, pp. 114-135)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, pp. 32-46)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 07.10.2019

Top