EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali

Id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2019/790 dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva għandha 3 għanijiet ewlenin:

  • li tadatta ċerti eċċezzjonijiet ewlenin għad-drittijiet tal-awtur għall-ambjent diġitali u transfruntier;
  • li ttejjeb il-prattiki ta’ liċenzjar u li tiżgura aċċess għall-kontenut usa’; u
  • li tikseb post tas-suq li jiffunzjona tajjeb għad-drittijiet tal-awtur.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva taġġorna iżda ma tissostitwixxix il-11-il direttiva li flimkien jinkorporaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur. Dawn jinkludu:

Eċċezzjonijiet ta’ drittijiet tal-awtur għall-għoti ta’ aċċess usa’

Id-Direttiva tagħmilha aktar faċli biex wieħed juża materjal protett bid-drittijiet tal-awtur għal finijiet differenti, l-aktar relatat mal-aċċess għall-għarfien, billi tintroduċi eċċezzjonijiet obbligatorji għad-drittijiet tal-awtur biex trawwem:

  • l-estrazzjoni ta’ test u ta’ data*;
  • użi diġitali ta’ xogħlijiet għall-fini tal-illustrazzjoni għat-tagħlim; u
  • il-preservazzjoni tal-wirt kulturali.

Hija tiffaċilita l-liċenzjar biex jingħata aċċess usa’ għall-kontenut, b’mod partikolari billi tipprovdi:

  • sistema ġdida li tagħmilha aktar faċli biex l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, bħal libreriji, mużewijiet u arkivji, jiddiġitalizzaw u jqassmu, inkluż online u bejn il-fruntieri fl-UE, biċċiet ta’ xogħol li ma għadhomx fil-kummerċ li jkollhom fil-kollezzjonijiet tagħhom;
  • regola speċifika dwar il-liċenzjar kollettiv estiż u mekkaniżmi simili;
  • mekkaniżmu ta’ negozjar li jgħin lill-partijiet interessati jilħqu ftehimiet biex jagħmlu disponibbli xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi ta’ video-on-demand.

Id-Direttiva tiċċara wkoll li kulħadd jista’ juża u jaqsam mingħajr restrizzjoni kopji ta’ xogħlijiet tal-arti fid-dominju pubbliku (pereżempju, stampa ta’ skultura li ma tkunx għadha koperta mid-drittijiet tal-awtur), skont ċerti kundizzjonijiet.

Il-protezzjoni ta’ pubblikazzjonijiet tal-istampa għal użu online

  • Hemm drittijiet ġodda li jingħataw lil pubblikaturi tal-istampa bbażati fl-UE għall-użu diġitali tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa tagħhom, għalkemm dawn id-drittijiet japplikaw biss għal użi minn fornituri ta’ servizzi online u mhux għal użi privati u mhux kummerċjali minn utenti individwali. Atti ta’ iperlinkjar u estratti qosra ħafna minn pubblikazzjonijiet tal-istampa mhumiex soġġetti għal dawn id-drittijiet ġodda.
  • L-awturi ta’ xogħlijiet inklużi f’pubblikazzjoni tal-istampa għandhom jirċievu sehem xieraq mill-introjtu derivat mill-użu tagħha.

L-użu ta’ kontenut protett minn pjattaformi tal-qsim ta’ kontenut online

  • Il-fornituri ta’ servizzi tal-qsim ta’ kontenut online għandhom jiksbu permess mingħand detenturi tad-drittijiet biex jagħmlu xogħlijiet imtella’ mill-utenti tagħhom disponibbli għall-pubbliku, pereżempju permezz ta’ ftehim tal-liċenzja. Jekk liċenzja ma tiġix konkluża, il-pjattaformi kkonċernati jibbenefikaw minn mekkaniżmu ta’ mitigazzjoni tal-obbligazzjonijiet, iżda jkollhom jagħmlu l-“akbar sforz” biex jiżguraw li kontenut mhux awtorizzat ma jkunx disponibbli fuq is-siti web tagħhom. Huma għandhom jagħmlu dan l-isforz abbażi tal-informazzjoni rilevanti u neċessarja pprovduta mid-detenturi tad-drittijiet.
  • L-utenti jitħallew jippowstjaw kontenut għall-finijiet speċifiċi ta’ kwotazzjoni, kritika, reċenzjoni, karikatura, parodija jew pastiche u jistgħu jużaw mekkaniżmi ta’ lment u rinviju f’każ ta’ tilwim li jiġi mblokkat u mneħħi bi żball mill-pjattaformi.

Remunerazzjoni ġusta għall-awturi u għall-atturi

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li meta attur jew awtur ikun ittrasferixxa jew illiċenzja d-drittijiet tiegħu għall-isfruttament minn parti oħra (eż. pubblikatur jew produttur) japplika prinċipju ta’ remunerazzjoni xieraq u proporzjonat.

Trasparenza u revoka

L-awturi u l-atturi għandhom jirċievu b’mod regolari, mill-anqas darba f’sena, informazzjoni aġġornata, rilevanti u komprensiva dwar l-isfruttament tax-xogħlijiet u tal-prestazzjonijiet tagħhom. Huma għandhom dritt ta’ revoka, wara perjodu ta’ żmien raġonevoli, fil-każ tan-nuqqas ta’ użu tax-xogħol jew tal-prestazzjoni tagħhom.

Il-modifika ta’ kuntratti

Id-drittijiet ta’ negozjar tal-awturi u tal-atturi jiġu msaħħa. Huma għandhom id-dritt ta’ pretensjoni mill-parti li magħha jkollhom kuntratt għall-isfruttament tad-drittijiet, remunerazzjoni addizzjonali xierqa u ġusta f’każijiet meta r-remunerazzjoni inizjalment maqbula tkun baxxa b’mod raġonevoli fir-rigward tal-introjtu kollu sussegwenti li jirriżulta mill-isfruttament tax-xogħlijiet.

MINN META TIBDA TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva ilha tapplika mis-6 ta’ Ġunju 2019 u trid issir liġi fil-pajjiżi kollha tal-UE sas-7 ta’ Ġunju 2021.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

L-estrazzjoni ta’ test u ta’ data: kwalunkwe teknika analitika awtomatizzata li għandha l-għan li tanalizza t-test u d-data f’format diġitali sabiex tiġġenera informazzjoni bħal mudelli, xejriet u korrelazzjonijiet.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, pp. 92-125)

DOKUMENT RELATAT

Id-Direttiva 2001/29/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, pp. 10-19)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2001/29/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 12.07.2019

Top