Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regolament dwar iż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro

Regolament dwar iż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 260/2012 — rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi r-regoli u r-rekwiżiti tekniċi għat-trasferimenti ta’ kreditu u għat-tranżazzjonijiet ta’ debiti diretti bl-euro fiż-żona unika ta’ pagamenti bl-euro (SEPA).

PUNTI EWLENIN

  • Il-kontijiet nazzjonali li jintużaw għal trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti f’kull pajjiż għandhom ukoll ikunu aċċessibbli madwar l-UE. Dan huwa magħruf bħala “aċċessibbiltà”.
  • L-istess regoli japplikaw kemm għall-operazzjonijiet nazzjonali kif ukoll għal dawk transfruntiera.
  • Is-sistemi ta’ pagament għandhom ikunu interoperabbli ma’ xulxin.
  • It-trasferimenti ta’ kreditu u tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett għandhom jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, inklużi:
    • l-użu ta’ numri ta’ kontijiet bankarji internazzjonali, il-kodiċijiet għall-identifikazzjoni tan-negozju u l-messaġġi finanzjarji standard għall-ħlasijiet kollha bl-euro;
    • id-dritt tal-pagaturi li joħorġu struzzjonijiet speċifiċi, bħal pereżempju l-ammont u l-frekwenza ta’ debitu dirett.
  • Il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi d-dati tad-dħul li ġejjin:
    • mill-1 ta’ Frar 2014 (aktar tard pospost għal Awwissu 2014), it-trasferimenti kollha tal-kreditu u d-debiti diretti bl-euro għandhom isiru skont l-istess format fil-pajjiżi tal-UE li jużaw l-euro bħala l-munita nazzjonali;
    • mill-31 ta’ Ottubru 2016, it-trasferimenti kollha tal-kreditu u d-debiti diretti bl-euro għandhom isiru wkoll skont l-istess format f’pajjiżi tal-UE li mhumiex fiż-żona tal-euro;
    • mill-1 ta’ Frar 2017, l-abolizzjoni tat-tariffi multilaterali tal-interkambju* għal debiti diretti;
    • mill-1 ta’ Frar 2016, jintemm l-użu obbligatorju tal-kodiċi għall-identifikazzjoni tan-negozju (BIC).
  • Il-pajjiżi tal-UE kellhom:
    • jaħtru awtorità nazzjonali bis-setgħat meħtieġa biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tkun implimentata bis-sħiħ;
    • jistabbilixxu, sal-1 ta’ Frar 2013, regoli dwar pieni għal kwalunkwe ksur tal-leġiżlazzjoni;
    • jistabbilixxu proċeduri ta’ lment u rimedju barra l-qorti li jkunu adegwati u effettivi.
  • Il-Kummissjoni Ewropea:
    • mill-31 ta’ Marzu 2012, ingħatat il-poter għal ħames snin li jista’ jiġġedded, biex tadotta atti delegati;
    • kellha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni sal-1 ta’ Frar 2017.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 248/2014 emenda r-Regolament (UE) Nru 260/2012, li introduċa ċerti arranġamenti tranżitorji. Dawn ma baqgħux japplikaw fl-1 ta’ Frar 2016.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-31 ta’ Marzu 2012.

SFOND

  • Iż-żona unika ta’ pagamenti bl-euro tarmonizza l-mod ta’ kif isiru pagamenti bl-euro mingħajr flus kontanti madwar l-UE. Din tagħmilhom faċli daqs il-pagamenti nazzjonali.
  • Is-SEPA tkopri pagamenti bl-euro fl-UE u l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera, il-Liechtenstein, Andorra, Monaco, San Marino u l-Belt tal-Vatikan.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Tariffi multilaterali tal-interkambju: tariffi li l-bejjiegħa ta’ prodotti u servizzi jħallsu għall-pagamenti transfruntiera li jirċievu permezz ta’ karti ta’ debitu u ta’ kreditu tal-konsumatur.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, pp. 22-37)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 260/2012 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENT RELATAT

Ir-Regolament (UE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (ĠU L 266, 9.10.2009, pp. 11-18)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 14.05.2019

Top