EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2018/1673 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

  • Hija tiddefinixxi r-reati kriminali u s-sanzjonijiet fil-qasam tal-ħasil tal-flus bil-għan li:
    • tiffaċilita l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE); u
    • tevita li l-kriminali jieħdu vantaġġ minn sistemi legali anqas severi.
  • Din għandha l-għan li tikkriminalizza l-ħasil tal-flus meta jitwettaq b’mod intenzjonat u bl-għarfien li l-proprjetà* ġiet minn attività kriminali.
  • Hija tippermetti wkoll lill-Istati Membri jikkriminalizzaw il-ħasil tal-flus meta t-trasgressur issuspettat jew kien imissu jkun jaf li l-proprjetà kienet ġejja minn attività kriminali.

PUNTI EWLENIN

Reati kriminali

  • Dawn li ġejjin, jekk jitwettqu b’mod intenzjonat, huma reati kriminali:
    • it-trasferiment jew il-konverżjoni ta’ proprjetà (assi ta’ kwalunkwe tip), bl-għarfien li din ġiet minn attività kriminali, għall-ħabi jew it-travestiment tal-oriġini illeċita tagħha jew sabiex tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna biex tevadi l-konsegwenzi legali tal-azzjoni tagħha;
    • il-ħabi jew it-travestiment tan-natura, is-sors, il-lokalità, id-dispożizzjoni, il-moviment, id-drittijiet veri fir-rigward tal-proprjetà jew is-sidien veri tagħha, bl-għarfien li din kienet ġejja minn attività kriminali;
    • l-akkwist, il-pussess jew l-użu ta’ proprjetà, bl-għarfien, fiż-żmien tar-riċezzjoni tagħha, li din kienet ġejja minn attività kriminali;
    • l-għajnuna u l-assistenza, it-tixwix u t-tentattiv ta’ dawn ir-reati.

Attività kriminali (jew “reat predikat”)

  • Għall-finijiet ta’ din id-direttiva, l-imġiba li ġejja hija meqjusa bħala attività kriminali, jiġifieri rilevanti għar-reat tal-ħasil tal-flus:
    • kwalunkwe tip ta’ involviment kriminali fl-ikkummissjonar ta’ kwalunkwe reat punibbli, f’konformità mal-liġi nazzjonali, bi priġunerija jew ordni ta’ detenzjoni għal minimu ta’ aktar minn sitt xhur jew massimu ta’ aktar minn sena; u
    • sakemm ma jkunux koperti diġà mill-kategorija t’hawn fuq, ir-reati inklużi f’lista ta’ 22 kategorija ta’ reati magħżula, inklużi r-reati kollha ddefiniti fil-leġiżlazzjoni tal-UE magħżula minn din id-Direttiva.

Fatturi addizzjonali

  • Ir-reati jestendu għall-proprjetà li tkun ġiet minn attività fi Stat Membru ieħor tal-UE jew f’pajjiż mhux tal-UE, fejn din titqies bħala attività kriminali li kieku seħħet lokalment.
  • L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni li wettqu, jew kienu involuti f’din l-attività kriminali jkunu soġġetti għal piena. Fatturi addizzjonali jinkludu:
    • ir-responsabbiltà penali testendi wkoll għal dawk li jirriċiklaw ir-rikavati tar-reati tagħhom stess (“awtoriċiklaġġ”);
    • kundanna preċedenti jew simultanja għall-attività kriminali li minnha tkun ġiet il-proprjetà mhijiex prerekwiżit għal kundanna ta’ ħasil tal-flus;
    • huwa possibbli li tingħata kundanna mingħajr il-ħtieġa li jiġu stabbiliti l-fatti kollha dwar l-attività kriminali, inkluża l-identità tal-awtur.

Ċirkostanzi aggravanti li jagħmlu r-reati aktar serji

  • Dawn jinkludu każijiet fejn:
    • ir-reat twettaq fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI; jew
    • it-trasgressur wettaq ir-reat meta kien qed iwettaq l-attivitajiet professjonali tiegħu bħala “entità obbligata”, kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2015/849 (ara s-sommarju).
  • L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħżlu li jqisu dawn li ġejjin bħala ċirkostanzi aggravanti:
    • meta l-proprjetà li tkun soġġetta għal ħasil tkun ta’ valur għoli; jew
    • meta l-proprjetà li tkun soġġetta għal ħasil tkun ġejja minn qerq, terroriżmu, traffikar tal-bniedem, traffikar narkotiku u korruzzjoni.

Penali u sanzjonijiet

  • Il-piena trid tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva. L-Istati Membri għandhom jimponu terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin u, fejn meħtieġ, japplikaw sanzjonijiet jew miżuri addizzjonali, inklużi miżuri li jżommu lill-entitajiet legali responsabbli, bħalma huma:
    • l-esklużjoni minn intitolament għall-benefiċċji pubbliċi jew għajnuna pubblika;
    • l-esklużjoni mill-aċċess għall-finanzjament pubbliku, inklużi offerti, għotjiet u konċessjonijiet;
    • l-iskwalifika mit-twettiq ta’ attivitajiet kummerċjali;
    • superviżjoni ġudizzjarja;
    • ordnijiet ġudizzjarji ta’ stralċ;
    • l-għeluq tal-istabbiliment użat għat-twettiq tar-reat;
    • l-iffriżar jew il-konfiska tal-proprjetà kkonċernata.

Pakkett tal-leġiżlazzjoni

Għodod ta’ investigazzjoni u kooperazzjoni

  • L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għodod investigattivi effettivi, bħal dawk li jintużaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jew reati serji oħra jkunu disponibbli għal dawk responsabbli għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni tar-reati.
  • Id-direttiva tneħħi wkoll l-ostakoli għall-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija bejn l-Istati Membri billi tiċċara liema pajjiż għandu ġurisdizzjoni, u kif jikkooperaw il-pajjiżi, kif ukoll kif għandha tiġi involuta l-Eurojust.

Il-ħasil tal-flus jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE

  • Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tistabbilixxi r-regoli dwar reati kriminali u penali dwar il-ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra li huma ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara s-sommarju). Dawn l-attivitajiet jinkludu l-ħasil tal-flus.
  • L-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) (ara s-sommarju) jagħti lill-UPPE setgħat fir-rigward tar-reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li huma stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2017/1371.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-2 ta’ Diċembru 2018 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sat-3 ta’ Diċembru 2020.

SFOND

Id-direttiva hija assoċjata wkoll mal-leġiżlazzjoni dwar:

TERMINI PRINĊIPALI

Proprjetà. Assi ta’ kwalunkwe tip, kemm fiżiċi jew virtwali, mobbli jew immobbli, tanġibbli jew intanġibbli, u dokumenti legali fi kwalunkwe forma, inkluża dik elettronika jew diġitali, li jixhdu s-sjieda jew l-interess f’tali assi.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 284, 12.11.2018, pp. 22–30).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 138–183).

Ir-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar kontrolli fir-rigward ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 (ĠU L 284, 12.11.2018, pp. 6–21).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2018/1672 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, pp. 1–71).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, pp. 29–41).

Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, pp. 6–21).

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, pp. 73–117).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2014/62/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI (ĠU L 151, 21.5.2014, pp. 1–8).

Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127, 29.4.2014, pp. 39–50).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, pp. 42–45).

l-aħħar aġġornament 02.03.2022

Top