EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata: reati marbuta mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI QAFAS?

  • Hija tikkriminalizza reati marbuta mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali.
  • Hija għandha l-għan li tarmonizza l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) u tal-Istati Membri tal-UE dwar il-kriminilizzazzjoni ta’ dawn ir-reati u tistabbilixxi pieni għalihom.

Reati

L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu tal-inqas wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta’ imġiba bħala reat:

  • 1.

    parteċipazzjoni attiva fl-attivitajiet kriminali ta’ organizzazzjoni, bl-għarfien tal-għan tagħha jew bl-intenzjoni tagħha li twettaq reati kriminali;

  • 2.

    ftehim li twettaq reati kriminali mingħajr neċessarjament ma tieħu sehem fit-twettiq tagħhom.

Pieni

  • L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pieni li jikkorrispondu għar-reati msemmija hawn fuq:
    • għall-ewwel għażla, ir-rekwiżit minimu huwa mill-inqas sentejn priġunerija għal-livell massimu tal-piena;
    • għat-tieni għażla, ir-rekwiżit minimu huwa mill-inqas sentejn priġunerija għal-livell massimu tal-piena jew terminu massimu ta’ priġunerija ekwivalenti għal dak tal-attivitajiet ippjanati.
  • Il-pieni jistgħu jitnaqqsu f’ċirkustanzi speċifiċi, bħal meta l-awtur jirrinunzja l-attività kriminali jew jikkoopera billi jidentifika u jressaq quddiem il-ġustizzja awturi oħrajn.
  • Fuq il-bażi tad-deċiżjoni qafas, l-Istati Membri għandhom idaħħlu regoli li għandhom l-għan li jżommu l-persuni ġuridiċi (bħal pereżempju kumpaniji) responsabbli għar-reati meta dawn jitwettqu f’isimhom minn persuna li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika.
  • Il-pieni għal persuni ġuridiċi għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. Dawn għandhom jinkludu multi iżda jistgħu jinkludu wkoll dawn li ġejjin:
    • li jintemm id-dritt għall-għajnuna pubblika;
    • projbizzjoni temporanja jew permanenti tal-attivitajiet kummerċjali u l-istabbilimenti li jkunu ntużaw għat-twettiq tar-reati;
    • it-tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja;
    • stralċ ġudizzjarju jew likwidazzjoni ta’ negozju.

Ġuriżdizzjoni u koordinazzjoni ta’ prosekuzzjoni

  • Il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru għandha testendi għar-reati meta dawn jitwettqu, fl-intier tagħhom jew parzjalment, minn ċittadin tagħhom jew f’isem persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tal-pajjiż.
  • Jekk ir-reat jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ bosta Stati Membri, dawn għandhom jikkollaboraw, pereżempju permezz tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali, biex jiddeċiedu dwar l-Istat Membru li ser jagħmel il-prosekuzzjoni u għaċ-ċentralizzazzjoni tal-proċedimenti.
  • Għandu jiġi kkunsidrat b’mod speċjali:
    • fejn ikun twettaq ir-reat;
    • in-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza tal-awtur;
    • il-pajjiż tal-oriġini tal-vittma; u
    • it-territorju fejn ikun instab l-awtur.

Reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE

  • Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tistabbilixxi regoli dwar reati kriminali u pieni fil-ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra li huma ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara s-sommarju).
  • L-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) (ara s-sommarju) jagħti lill-UPPE s-setgħa fir-rigward tar-reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li huma stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2017/1371. Konformi ma’ Artikolu 22(2) tal-istess regolament, l-UPPE għandha wkoll is-setgħa fir-rigward ta’ reati li jikkonċernaw parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, kif definit f’Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI jekk iċ-ċentru ta’ interess tal-attività kriminali ta’ tali organizzazzjoni kriminali, hu li twettaq reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI QAFAS?

Din ilha tapplika mil-11 ta’ Novembru 2008.

SFOND

Mis-snin disgħin, l-UE ħadet passi biex tagħmel il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata aktar effettiva.

  • 1997: l-UE adottat l-ewwel pjan ta’ azzjoni tagħha biex tiġġieled il-kriminalità organizzata.
  • 1998: l-UE addottat Azzjoni Konġunta 98/733/ĠAI dwar il-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali.
  • 2000: l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminaltà Organizzata Tranżnazzjonali, l-ewwel strument legali globali għall-ġlieda kontra kriminaltà organizzata transkonfinali, li daħlet fis-seħħ fl-2003.
  • 2002: l-UE adottat id-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu; (li tiddefinixxi “grupp terrorista” fuq il-bażi tad-definizzjoni ta’ “organizzazzjoni kriminali” f’Azzjoni Konġunta 98/733/ĠAI), li wara kienet tħassret u ġiet sostitwita minn Direttiva (UE) 2017/541, ara s-sommarju).
  • 2004: il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-bżonn li jittejbu miżuri użati fil-ġlieda kontra l-kriminaltà organizzata; permezz ta’ Deċiżjoni 2004/579/KE, l-UE taderixxi mal-konvenzjoni tan-NU.
  • 2008: l-UE tadotta d-Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI li tħassar u tissostitwixxi l-Azzjoni Konġunta 98/733/ĠAI.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, pp. 42–45).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, pp. 1–71).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/1939 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, pp. 29–41).

Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, pp. 6–21).

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminaltà Organizzata Tranżnazzjonali u l-protokolli tagħha.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/579/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminaltà Organizzata Tranżnazzjonali (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 69).

l-aħħar aġġornament 16.03.2022

Top