Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku bejn l-UE u l-Kanada (MRA)

Ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku bejn l-UE u l-Kanada (MRA)

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

Deċiżjoni (UE) 2017/38 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA)

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

L-aċċettazzjoni reċiproka tal-protokoll tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità (forma ta’ ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku — MRA*) fil-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) għandha l-għan li tippromwovi l-kummerċ tal-merkanzija bejn l-UE u l-Kanada permezz tat-tneħħija tal-ostakoli tekniċi.

Skont dan il-ftehim bilaterali li l-UE approvat fit-28 ta’ Ottubru 2016, l-UE u l-Kanada jaċċettaw il-valutazzjonijiet tal-konformità* imwettqa minn korpi nominati għal prodotti industrijali speċifikati.

Id-deċiżjoni tikkonċerna l-applikazzjoni provviżorja tas-CETA.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim ikopri s-setturi li ġejjin:

  • tagħmir elettriku u elettroniku, inklużi installazzjonijiet u apparat elettriku, u komponenti relatati;
  • tagħmir terminali tar-radju u tat-telekomunikazzjonijiet;
  • kompatibilità elettromanjetika*;
  • ġugarelli;
  • prodotti tal-kostruzzjoni;
  • makkinarju, inklużi partijiet, komponenti u tagħmir interkambjabbli;
  • strumenti tal-kejl;
  • bojlers tal-misħun, inklużi tagħmir relatat;
  • tagħmir, magni, apparat u sistemi ta’ prevenzjoni u ta’ skoperta għall-użu f’atmosferi potenzjalment splussivi (tagħmir ATEX);
  • tagħmir li jnaqqas il-ħoss ta’ barra;
  • inġenji ta’ rikreazzjoni u l-komponenti tagħhom.

Il-protokoll:

  • jippermetti lill-kumpaniji tal-UE u Kanadiżi li jittestjaw u jiċċertifikaw il-prodotti tagħhom fl-UE u fil-Kanada rispettivament skont ir-rekwiżiti tal-parti l-oħra qabel l-esportazzjoni lejn il-Kanada jew l-UE;
  • jeħtieġ li l-UE u l-Kanada, fi żmien 3 snin minn meta l-ftehim jidħol fis-seħħ, jikkunsidraw li jinkludu setturi oħra tal-prodotti fil-Protokoll CETA;
  • jidentifika l-punti prijoritarji li ġejjin għall-inklużjoni possibbli:
    • apparat u aċċessorji mediċi,
    • tagħmir ta’ pressjoni, inklużi tankijiet, pajpijiet u aċċessorji,
    • tagħmir għall-ħruq tal-gass,
    • tagħmir protettiv personali,
    • sistemi ferrovjarji,
    • tagħmir abbord il-vapur;
  • jeskludi speċifikament ċerti oġġetti bħal prodotti agrikoli u sanitarji;
  • jipprovdi għar-rikonoxximent tal-akkreditazzjoni, l-għażla u l-irtirar tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità*;
  • jawtorizza lill-UE jew lill-Kanada biex jirrestrinġu l-bejgħ ta’ prodott approvat minn korp ta’ stima ta’ konformità magħżul jekk huma jemmnu li ma jissodisfax ir-rekwiżiti preskritti;
  • jistieden lill-UE u lill-Kanada biex jistabbilixxu punti ta’ kuntatt biex jimmaniġġaw il-komunikazzjoni bejniethom;
  • jistipula li l-Kumitat dwar il-Kummerċ tal-Prodotti stabbilit mill-CETA għandu:
    • jimmaniġġja l-implimentazzjoni tal-protokoll,
    • jindirizza kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’,
    • jikkunsidra emendi u rakkomandazzjonijiet possibbli,
    • jirrapporta lill-kumitat konġunt CETA dwar l-implimentazzjoni tal-protokoll.

MINN META JIBDEW JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-FTEHIM?

Id-deċiżjoni ilha tapplika mit-28 ta’ Ottubru 2016. Is-CETA daħal fis-seħħ b’mod provviżorju fil-21 ta’ Settembru 2017. Is-CETA se jkun jista’ jidħol fis-seħħ b’mod sħiħ u definittiv meta l-pajjiżi kollha tal-UE jkunu rratifikaw il-ftehim skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali domestiċi rispettivi tagħhom.

SFOND

Bid-dħul fis-seħħ proviżorju tas-CETA, il-Protokoll tas-CETA itemm l-MRA oriġinali UE-Kanada li ġie ratifikat fl-1998.

Skont l-Artikoli 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, skont l-awtorità tal-pajjiżi tal-UE, tinnegozja ftehimiet kummerċjali internazzjonali.

Fir-riżoluzzjoni tagħhom tal-21 ta’ Diċembru 1989, il-pajjiżi tal-UE qablu dwar il-prinċipju tal-MRAs. Fil-21 ta’ Settembru 1992, huma awtorizzaw lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku f’isem l-UE ma’ ċerti pajjiżi mhux tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku: ftehim internazzjonali fejn 2 pajjiżi jew aktar jirrikonoxxu r-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità ta’ xulxin.
Valutazzjoni tal-konformità: il-proċedura li biha prodott, qabel ma jkun jista’ jiġi kkummerċjalizzat, jiġi ttestjat, spezzjonat u ċċertifikat biex jiġi żgurat li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti.
Kompatibilità elettromanjetika: l-interazzjoni ta’ tagħmir elettriku u elettroniku mal-ambjent elettromanjetiku tiegħu, u ma’ tagħmir ieħor. L-apparati elettroniċi kollha għandhom il-potenzjal li jarmu kampijiet elettromanjetiċi.
Korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità: dawn jevalwaw jekk prodott jissodisfax ir-rekwiżiti regolatorji jew leġiżlattivi rilevanti.

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, pp. 23-1079)

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, pp. 1080-1081)

DOKUMENTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, pp. 1-2)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Ħamsa — L-azzjoni esterna tal-Unjoni — Titolu II — Politika kummerċjali komuni — Artikolu 207 (ex Artikolu 133 TEC) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 140-141)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Ħamsa — Azzjoni esterna tal-Unjoni — Titolu V — Ftehimiet internazzjonali — Artikolu 218 (ex Artikolu 300 TEC) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 144-146)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar approċċ globali għall-valutazzjoni tal-konformità (ĠU C 10, 16.1.1990, pp. 1-2)

l-aħħar aġġornament 23.07.2018

Top