EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tagħmir użat f’ambjenti potenzjalment esplużivi (Direttiva ATEX)

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2014/34/UE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva dwar l-ATEX tistabbilixxi regoli uniformi, mifruxa mal-Unjoni Ewropea (UE) kollha dwar il-bejgħ u tħaddim ta’ apparat u ta’ sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi. Hija tfittex li tiżgura li prodotti jissodisfaw ċerti rekwiżiti biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħa u sikurezza ta’ persuni, b’mod speċjali ħaddiema u, meta xieraq, il-protezzjoni ta’ annimali domestiċi u ta’ proprjetà.

Tapplika għal firxa wiesgħa ta’ prodotti, inkluż tagħmir użat fuq pjattaformi taż-żejt u tal-gass offshore fissi, f’impjanti petrokimiċi, minjieri, imtieħen tad-dqiq (frak tad-dqiq li jinġarr fl-arja jieħu n-nar malajr ħafna) u żoni oħrajn fejn jista’ jkun hemm preżenti ambjent potenzjalment esplużivi.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva tiddefinixxi r-responsabilitajiet tal-manifatturi, tal-importaturi u tad-distributuri fil-kuntest tal-bejgħ ta’ tagħmir u ta’ sistemi ta’ protezzjoni għall-użu f’ambjenti potenzjalment esplużivi.

  • Il-prodotti kollha għall-bejgħ fl-UE jrid ikollhom il-markatura tal-konformità CE biex turi li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza essenzjali kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
  • Qabel jikseb il-markatura CE, il-manifattur jeħtieġlu jwettaq valutazzjoni tas-sikurezza u tal-konformità u jeħtieġlu jistabbilixxi dokumentazzjoni teknika għall-prodotti.
  • L-importaturi jeħtiġilhom jiċċekkjaw li l-manifatturi jkunu wettqu valutazzjonijiet tal-konformità b’mod korrett. Meta dan ma jkunx il-każ, jeħtiġilhom jinformaw lill-awtorità tal-monitoraġġ tas-sikurezza.
  • Id-dokumentazzjoni meħtieġa kollha trid tiġi rreġistrata u trid tinżamm għal 10 snin.
  • Id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni tas-sikurezza jridu jinkitbu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali.
  • Il-manifatturi u l-importaturi jeħtiġilhom jindikaw l-indirizz postali tagħhom fuq il-prodotti tagħhom.
  • Il-manifatturi jistgħu jużaw mezzi elettroniċi biex jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ monitoraġġ tas-sikurezza bl-informazzjoni li hija meħtieġa biex tintwera l-konformità tal-prodott.

Barra minn hekk, id-Direttiva tispeċifika l-passi li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali li jimmonitorjaw is-sikurezza biex tiġi identifikata l-importazzjoni u tiġi pprevenuta l-importazzjoni ta’ prodotti perikolużi minn pajjiżi mhux tal-UE.

Atti ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni.

Id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni dwar il-pubblikazzjoni tal-lista ta’ standards armonizzati għal tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi jiġu ppubblikati u aġġornati regolarment.

Tħassir

Din irrevediet u ħassret id-Direttiva 94/9/KE b’effett mill-20 ta’ April 2016.

MINN META JAPPLIKAW DAWN IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sad-19 ta’ April 2016. Dawn ir-regoli ilhom japplikaw mill-20 ta’ April 2016.

SFOND

Id-Direttiva taġġorna r-regoli tal-UE dwar il-bejgħ ta’ tagħmir u ta’ sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi. Din tagħmel parti mill-isforz sabiex tiġi mmodernizzata l-liġi Ewropea f’firxa wiesgħa ta’ setturi industrijali biex jiġu ssimplifikati r-regoli, jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jiġu stabbiliti regoli aktar ċari u aktar konsistenti.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi (riformulazzjoni) (ĠU L 96, 29.3.2014, pp. 309–356).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 1999/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1999 dwar il-ħtiġiet minimi għat-titjib tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema potenzjalment fir-riskju mill-atmosferi esplużivi (il-15-il Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiv 89/391/KEE) (ĠU L 23, 28.1.2000, pp. 57–64).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 1999/92/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 28.10.2022

Top