Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ġestjoni ta’ skemi tal-irtirar kollettivi — fondi tal-pensjoni okkupazzjonali

Il-ġestjoni ta’ skemi tal-irtirar kollettivi — fondi tal-pensjoni okkupazzjonali

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2016/2341 dwar attivitajiet u superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Direttiva (UE) 2016/2341 (magħrufa bħala d-direttiva tal-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkuppazzjonali (IORPs) tissettja regoli minimi armonizzati biex istituzzjonijiet jimmaniġġjaw skemi kollettivi ta’ rtirar għal impjegati f’isem l-impjegaturi tagħhom. Gvernijiet ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jistgħu jdaħħlu miżuri addizzjonali li jqisu li huma neċessarji, diment li dawn il-miżuri huma konsistenti mal-obbligi ta’ Stati Membri taħt il-liġi tal-UE.

Ir-regoli għandhom l-għan li:

  • jiżguraw li l-iskemi ta’ pensjoni okkupazzjonali huma finanzjarjment b’saħħithom;
  • jagħtu iktar protezzjoni u informazzjoni lill-membri u lill-benefiċjarji;
  • jneħħu l-ostakli għall-attività tal-fond trans-konfinali;
  • jinkoraġġixxu l-investiment fit-tul u responsabbli.

Il-leġiżlazzjoni tirrevedi u tissostitwixxi d-Direttiva 2003/41/KE, li kellha bżonn li tiġi aġġornata wara l-kriżi finanzjarja tal-2008.

PUNTI EWLENIN

Stati Membri jeħtieġ li jiżguraw li skemi ta’ pensjoni okkuppazzjonali jew IORPs

  • huma involuti biss f’attivitajiet ta’ benefiċċju għall-irtirar;
  • jissalvagwardjaw l-assi tagħhom għall-membri u għall-benefiċjarji jekk organizzazzjoni sieħba tfalli;
  • huma rreġistrati u awtorizzati mll-awtorità nazzjonali rilevanti, inkluż għal attivitajiet trans-konfinali;
  • għandhom biżżejjed fondi biex ikopru l-impenji finanzjarji tagħhom;
  • jinvestu b’mod prudenti fl-aħjar interess fit-tul tal-membri u tal-benefiċjarji;
  • joperaw sistema effettiva ta’ governanza li tipprovdi ġestjoni soda u prudenti tal-attivitajiet tagħhom;
  • huma mmexxija minn nies li jkollhom l-għarfien espert, il-kwalifiki u l-għarfien xierqa;
  • japplikaw politika ta’ remunerazzjoni soda għall-impjegati kollha;
  • għandhom funzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju, ta’ awditjar intern u attwarji* fis-seħħ;
  • iwettqu valutazzjoni interna tar-riskju tal-inqas kull 3 snin u jipprovdu dikjarazzjoni bil-miktub tal-prinċipji tal-politika tal-investiment tagħhom;
  • ifasslu u jiddivulgaw pubblikament il-kontijiet annwali;
  • huma soġġetti għal superviżjoni prudenzjali ta’ kwistjonijiet bħal pereżempju l-marġni ta’ solvibbiltà u r-regoli ta’ investiment;
  • jkollhom miżuri raġunevoli biex jiżguraw l-kontinwità u regolarità waqt it-twettiq tal-attivitajiet tagħhom, inkluż l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza billi jimpjegaw sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa u proporzjonati, u b’mod partikolari, jistabbilixxu u jiġġestjonaw sistemi ta’ network u informazzjoni konformi mar-Regolament (UE) 2022/2554 dwar ir-reżiljenza diġitali operattiva għas-settur finanzjarju (ara sommarju).

L-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tal-Istati Membri:

  • irid ikollhom ir-riżorsi neċessarji biex jeżerċitaw is-superviżjoni prudenzjali;
  • jirrikjedu li l-IORPs ikollhom mekkaniżmi amministrattivi, ta’ kontabbiltà u ta’ kontroll intern sodi;
  • jistgħu jimponu penali amministrattivi u penali oħrajn għal kwalunkwe ksur tal-liġi;
  • għandhom is-saħħa li jirrevedu l-istarteġiji, il-proċessi u l-proċeduri ta’ rappurtar ta’ IORP, jiksbu dokumenti interni li jistgħu jkunu jenħtieġu u jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post;
  • jistgħu jiskambjaw informazzjoni bejniethom u ma’ awtoritajiet monetarji mingħajr ma jiksru l-kundizzjonijiet ta’ segretezza professjonali.

L-IORPs iridu jipprovdu lill-membri prospettivi u attwali u lill-benefiċjarji b’informazzjoni ċara, aġġornata u mingħajr ħlas. Dan jinkludi:

  • dettalji tal-IORP innifisha u tad-drittijiet u l-obbligi tal-membri;
  • dikjarazzjonijiet dwar il-benefiċċji tal-pensjoni li jkun fihom, pereżempju, data dwar il-kontribuzzjonijiet imħallsa, analiżi tal-ispejjeż u l-valur tal-iskema personali;
  • parir dwar kif tinkiseb informazzjoni supplimentari;
  • parir għal qabel l-irtirar dwar l-opzjonijiet ta’ ħlas tal-benefiċċju.

Skont ir-rekwiżiti in kwistjoni, l-Istati Membri tal-UE jistgħu jeżentaw ċerti fondi li joperaw skemi ta’ pensjoni b’inqas minn 15 jew 100 membru minn ċerti kundizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni. Fl-eventwalità li fond ta’ pensjoni jkun jixtieq li jipprovdi s-servizzi tiegħu fi Stati Membri oħra, dan ikollu japplika r-regoli kollha stabbiliti fid-direttiva.

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol:

  • tassisti bil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali;
  • tiżgura l-applikazzjoni b’mod konsistenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-assigurazzjoni u l-pensjonijiet tax-xogħol.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-13 ta’ Jannar 2019.

SFOND

Il-pensjonijiet okkupazzjonali jinkludu wkoll kontribuzzjonijiet mill-impjegaturi. Dawn huma “t-tieni pilastru” tas-sistema tal-pensjonijiet. Il-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali bbażati fuq l-istat huma “l-ewwel pilastru”. “It-tielet pilastru” jikkonsisti fit-tfaddil għal pensjoni privata mhux obligatorja mill-individwi.

Skont ir-regoli tal-UE, fondi fi Stat Membru wieħed jistgħu jimmaniġġjaw skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali għal kumpaniji bbażati f’pajjiż ieħor. Kumpaniji pan-UE jista’ jkollhom ukoll fond ta’ pensjoni wieħed għas-sussidjarji Ewropej tagħhom kollha.

Madwar l-UE joperaw madwar 125,000 fond okkupazzjonali. Dawn għandhom assi tal-valur ta’ €2.5 triljun għan-nom ta’ 75 miljun ċittadin, li jirrappreżentaw 20% tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Funzjonijiet attwarji. Definiti fl-Artikolu 48 tad-Direttiva 2009/138/KE (Solvibbiltà II), dawn ikopru (i) il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ ta’ regoli tekniċi, inkluż il-metodoloġija, is-suppożizzjonijiet u d-data; (ii) ir-rapportar; u (iii) l-appoġġ għall-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembrur 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għal provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (riformulazzjoni) (ĠU L 354, 23.12.2016, pp. 37–85).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE)2022/2556 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE, 2014/65/UE, (UE) 2015/2366 u (UE) 2016/2341 fir-rigward tar-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju (ĠU L 333, 27.12.2022, pp. 153–163).

Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, pp. 1–79).

Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, pp. 48–83).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 11.10.2023

Top