Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL)

Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL)

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2015/2219 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

Għan

Ir-regolament jistabbilixxi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), li l-għan tagħha huwa li tħarreġ lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi (servizzi tal-pulizija, doganali u servizzi oħra rilevanti) responsabbli għall-:

  • prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja, it-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità li jolqtu l-interess komuni koperti minn politika tal-UE (pereżempju l-użu frawdolenti ta’ fondi tal-UE);
  • l-immaniġġjar ta’ kriżi u l-ordni pubblika, b’mod partikolari tas-sorveljanza ta’ avvenimenti ewlenin.

Dan jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI, li oriġinarjament stabbilixxiet il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL).

PUNTI EWLENIN

Objettivi

B’enfasi partikolari fuq rispett komuni għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-fehim tagħhom, fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi, l-objettiv ewlieni tas-CEPOL huwa li tappoġġja, tiżviluppa, timplimenta u tikkoordina t-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi. B’mod partikolari, hija:

  • tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE fl-għoti ta’ taħriġ sabiex tqajjem kuxjenza u għarfien dwar:
    • l-implimentazzjoni u l-użu ta’ strumenti internazzjonali u tal-UE dwar kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi,
    • korpi tal-UE bħall-Europol u l-Eurojust, u l-operazzjoni u r-rwol tagħhom,
    • aspetti tal-pulizija u aspetti ġudizzjarji tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u għarfien prattiku dwar l-aċċess għal kanali ta’ skambju ta’ informazzjoni;
  • tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE, fuq talba tagħhom stess, fl-iżvilupp ta’ kooperazzjoni reġjonali u bilaterali permezz ta’ taħriġ fl-infurzar tal-liġi bejn il-pajjiżi tal-UE, il-korpi tal-UE u l-pajjiżi mhux tal-UE;
  • għandha netwerk ta’ istituti ta’ taħriġ nazzjonali għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi biex tappoġġja u tikkomunika mal-unità nazzjonali f’kull pajjiż tal-UE;
  • tiżviluppa, timplimenta u tikkoordina taħriġ dwar suġġetti speċifiċi tal-kriminalità jew li jirrelataw mal-attivitajiet tal-pulizija;
  • tipprovdi taħriġ u tassisti fit-titjib u fil-kondiviżjoni tal- aħjar prattiki ta’ tagħlim.

Kompiti

Il-kompiti ewlenin ta’ CEPOL huma li:

  • tħejji analiżi tal-ħtiġijiet tat-taħriġ u programmi ta’ tagħlim multiannwali;
  • tappoġġja, tiżviluppa, timplimenta u tikkoordina attivitajiet ta’ taħriġ u prodotti ta’ tagħlim, li jinkludu:
    • programmi ta’ skambju u ta’ trasferiment temporanju kif ukoll żjarat ta’ studju fil-kuntest tat-taħriġ fl-infurzar tal-liġi,
    • korsijiet, seminars u konferenzi, kif ukoll attivitajiet ibbażati fuq l-Internet, tagħlim elettroniku u attivitajiet ta’ taħriġ oħra innovattivi u avvanzati,
    • kurrikuli komuni għat-taħriġ fl-infurzar tal-liġi dwar suġġetti speċifiċi b’dimensjoni tal-UE,
    • moduli ta’ taħriġ iggradati skont stadji progressivi jew livelli ta’ kumplessità tal-ħiliet meħtieġa mill-grupp rilevanti fil-mira, u li huma ffukati fuq reġjun ġeografiku speċifiku, fuq qasam tematiku speċifiku ta’ attività kriminali jew fuq sett speċifiku ta’ ħiliet professjonali;
  • tiżviluppa, timplimenta u tikkoordina taħriġ sabiex tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE u lill-korpi tal-UE biex iħarrġu lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi għall-parteċipazzjoni f’missjonijiet tal-UE u f’attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċità fl-infurzar tal-liġi f’pajjiżi mhux tal-UE;
  • tippromwovi r-rikonoxximent reċiproku tat-taħriġ fl-infurzar tal-liġi fil-pajjiżi tal-UE;
  • tippromwovi r-rikonoxximent mill-pajjiżi tal-UE tar-rwol tat-taħriġ ipprovdut fil-livell tal-UE filwaqt li jitqies il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Struttura u post

Ibbażata f’Budapest, is-CEPOL hija regolata minn:

  • bord maniġerjali, magħmul minn rappreżentant minn kull pajjiż tal-UE u wieħed mill-Kummissjoni Ewropea;
  • direttur eżekuttiv, li jinħatar għal 4 snin.

Fejn xieraq, is-CEPOL tista’ tingħata pariri dwar l-aspetti xjentifiċi tal-ħidma tagħha minn kumitat xjentifiku għat-taħriġ indipendenti.

L-iffinanzjar

Kull sena, is-CEPOL se tħejji baġit li huwa bbilanċjat f’termini tal-infiq u tad-dħul. Id-direttur eżekuttiv se jfassal abbozz tad-dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u tal-infiq u pjan ta’ stabbiliment li jiġi rivedut mill-bord maniġerjali.

Programmi ta’ ħidma

Sat-30 ta’ Novembru kull sena, is-CEPOL se tadotta dokument li jkun fih l-ipprogrammar multiannwali u l-programm ta’ ħidma tagħha għas-sena ta’ wara.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan japplika mill- għajr l-aspetti regolati bl-Artikoli 37 (arranġamenti tranżizzjonali dwar il-bord maniġerjali), 38 (ftehimiet tranżizzjonali dwar id-direttur eżekuttiv u l-persunal) u 39 (dispożizzjonijiet baġitarji tranżizzjonali), li japplikaw mill-.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (UE) 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI (ĠU L 319, , pp. 1-20)

l-aħħar aġġornament

Top