EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran

Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 li tapprova l-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-Sħubija tar-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran

Id-Deċiżjoni (UE) 2024/1167 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) taħt Orizzont Ewropa

X’INHUMA L-GĦANIJIET TAD-DEĊIŻJONIJIET?

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 li tapprova l-parteċipazzjoni tal-European Union (UE) fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) taħt Orizzont 2020.

L-operazzjoni attiva ta’ PRIMA taħt Orizzont 2020, jiġifieri s-sejħiet għal proposti, damet mill-2018 sal-2024. Biex jippermetti lil PRIMA tkompli taħdem lejn l-għanijiet tagħha, fl-2024, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew li jemendaw l-att bażiku ta’ PRIMA. Id-deċiżjoni emendatorja (Deċiżjoni (UE) 2024/1167) testendi l-finanzjament ta’ PRIMA għal tliet snin oħra (2025–2027), billi talinja din l-attività maċ-ċiklu tal-programm taħt Orizzont Ewropa.

PUNTI EWLENIN

Pajjiżi parteċipanti

PRIMA hija inizjattiva li tinvolvi għadd ta’ Stati Membri tal-UE kif ukoll bosta pajjiżi mhux tal-UE fiż-żona tal-Mediterran.

Attwalment, il-pajjiżi parteċipanti humw il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Iżrael, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja, it-Tuneżija u t-Turkija.

L-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu u l-Marokk issieħbu fi PRIMA meta ġew konlużi l-ftehimiet internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-UE li jistabbilixxu t-termini u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tagħhom fi PRIMA. Dawn il-ftehimiet għandhom jiġu riveduti, iffirmati mill-ġdid u konklużi għall-ħames pajjiżi biex ikomplu jipparteċipaw f’PRIMA taħt Orizzont Ewropa.

Pajjiżi oħra (kemm Stati Membri kif ukoll pajjiżi mhux tal-UE) jistgħu jissieħbu fl-inizzjattiva diment li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fi PRIMA.

Objettivi

Il-ħsieb wara PRIMA huwa li jinġabru flimkien l-għarfien u r-riżorsi finanzjarji tal-UE u tal-pajjiżi parteċipanti biex jinbnew il-kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni u li jiġu żviluppati l-għarfien u soluzzjonijiet innovattivi konġunti għas-sistemi tal-ilma u agroalimentari fiż-żona tal-Mediterran.

L-għanijiet ewlenin tagħha huma li:

  • tagħmel is-sistemi agroalimentari u tal-provvista u l-ġestjoni integrati tal-ilma aktar reżiljenti għall-klima, aktar effiċjenti, kosteffettivi u ambjentalment u soċjalment sostenibbli;
  • tikkontribwixxi biex jinstabu soluzzjonijiet għal problemi relatati mal-iskarsezza tal-ilma, is-sikurezza alimentari, in-nutrizzjoni, is-saħħa, il-benesseri u l-migrazzjoni.

Ġestjoni u organizzazzjoni

Il-programm se jiġi ġestit minn struttura ta’ implimentazzjoni, magħrufa bħala PRIMA-IS, ibbażata f’Barċellona. PRIMA-IS tibbenefika mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE u hija responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ PRIMA u l-monitoraġġ tal-proġetti ffinanzjati mill-UE, kif ukoll il-proġetti li huma ffinanzjati mill-pajjiżi parteċipanti.

PRIMA topera abbażi ta’ pjanijiet/progammi ta’ ħidma annwali li tadotta wara li tikseb l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.

Madwar 25 % tal-finanzjament ta’ PRIMA-IS huwa maħsub biex jiffinanzja x-xogħol ta’ riċerka ta’ entitajiet legali (eż. universitajiet, istituzzjonijiet ta’ riċerka, kumpaniji, eċċ.) fl-istati parteċipanti li mhumiex fl-UE. Informazzjoni dwar l-attivitajiet li jirċievu l-għajnuna minn PRIMA hija disponibbli pubblikament fuq is-sit web ta’ PRIMA.

Fl-2017-2018, il-pajjiżi sħab mhux tal-UE ffirmaw protokolli għall-ftehimiet Ewro-Mediterranji rispettivi tagħhom (ara s-sommarju) dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE.

Baġit

PRIMA hija inizjattiva ta’ 10 snin (2018–2028), li hija ffinanzjata parzjalment mill-programmi qafas tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa. L-UE se talloka sa massimu ta’ EUR 325 miljun mis-7 ta’ Awwissu 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2031 (EUR 220 miljun minn Orizzont 2020 u EUR 105 miljun minn Orizzont Ewropa), filwaqt li l-kontribuzzjoni tal-pajjiżi parteċipanti mhux tal-UE parteċipanti se tkun ta’ madwar EUR 384 miljun għall-istess perjodu.

MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONIJIET?

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 ilha tapplika mis-7 ta’ Awwissu 2017.

L-att bażiku emendat ta’ PRIMA ilu japplika mid- 9 Mejju 2024.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fi Programm Konġunt ta’ Riċerka u Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li pparteċipaw fiha b’mod konġunt diversi Stati Membri (ĠU L 185, 18.7.2017, pp. 1–15).

Id-Deċiżjoni (UE) 2024/1167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 April 2024) li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) taħt Orizzont Ewropa (ĠU L, 2024/1167, 19.4.2024).

DOKUMENTI RELATATI

Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra, dwar ftehim qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fi programmi tal-Unjoni (ĠU L, 2004/409, 30.1.2024).

Ir-Regolament (UE) Nru1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas fir-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 104–173).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas fir-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistipula r-regoli tiegħu għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, pp. 1–68).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni (ĠU L 47, 20.2.2015, pp. 3–6).

Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Tuneżija fil-programmi tal-Unjoni (ĠU L 96, 11.4.2015, pp. 3–6).

Protokollgħall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija dwar il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-parteċipazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija fi programmi tal-Unjoni (ĠU L 148, 13.6.2015, pp. 3–6).

Protokollgħall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fil-programmi tal-Unjoni (ĠU L 117, 27.4.2013, pp. 2–5).

Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fil-programmi tal-Unjoni (ĠU L 90, 28.3.2012, pp. 2–5).

Protokollgħall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Istat ta’ l-Iżrael min-naħa l-oħra, dwar qafas ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istat ta’ l-Iżrael dwar l-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-parteċipazzjoni ta’ l-Istat Iżrael fil-programmi Komunitarji (ĠU L 129, 17.5.2008, pp. 40–43).

l-aħħar aġġornament 19.04.2024

Top