Use quotation marks to search for an "exact phrase". Append an asterisk (*) to a search term to find variations of it (transp*, 32019R*). Use a question mark (?) instead of a single character in your search term to find variations of it (ca?e finds case, cane, care).
Il-komunikazzjoni tirrikonoxxi l-irwol vitali tal-edukazzjoni għolja f’soċjetajiet prosperużi, inklużivi u demokratiċi u timmira li tagħti direzzjoni ġdida lill-appoġġ tal-UE għall-pajjiżi tal-UE fir-riforma tas-sistema tal-edukazzjoni tagħhom.
Il-proposti tal-Kummissjoni huma konformi mal-ispirtu tad-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, fejn il-mexxejja tal-UE impenjaw ruħhom għal “Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aħjar edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi fil-kontinent kollu”.
PUNTI EWLENIN
Il-komunikazzjoni tiddeskrivi aġenda tal-UE ġdida għall-edukazzjoni għolja li tibni fuq ix-xogħol li sar diġà, iżda tiffoka mill-ġdid l-isforzi fuq l-opportunitajiet u l-isfidi attwali u li qed jevolvu, identifikati bħala dawn li ġejjin.
Jiġi indirizzat l-ispariġġ fil-ħiliet fl-UE bejn dak li hu meħtieġ u r-realtà attwali: Huma wisq l-istudenti li għandhom ħiliet tal-litteriżmu, tan-numeriżmu u diġitali baxxi, jew li ma għandhomx ħiliet bħas-solvien tal-problemi u l-komunikazzjoni, li huma meħtieġa għar-reżiljenza f’dinja li qed tinbidel.
Il-bini ta’ sistemi tal-edukazzjoni għolja inklużivi u konnessi: Nies bi sfond soċjoekonomikament żvantaġġat jew ta’ migrazzjoni għandhom ħafna inqas ċans li jidħlu għall-edukazzjoni għolja jew li jlestuha; l-akkademiċi jistgħu jidhru maqtugħin mis-soċjetà; u s-segregazzjoni tas-sessi għadha komuni f’ċerti dixxiplini.
Jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jikkontribwixxu għall-innovazzjoni: L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs, Higher education institutions) spiss ma jikkontribwixxux biżżejjed għall-innovazzjoni fl-ekonomija usa’. L-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja tvarja ħafna minn reġjun tal-UE għal ieħor.
Jiġu appoġġjati sistemi tal-edukazzjoni għolja effettivi u effiċjenti: Is-sistemi nazzjonali mhux dejjem jaħdmu tajjeb flimkien, jew ma’ istituzzjonijiet oħrajn; it-tagħlim tajjeb, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-ingaġġ mhux dejjem jiġu ppremjati.
Sabiex tindirizza dawn il-materji, il-Kummissjoni timpenja ruħha għal 20 azzjoni dettaljata:
Ibda inizjattiva sabiex tintraċċa l-gradwati biex ittejjeb l-għarfien u kif dawn javvanzaw fil-karriera jew l-edukazzjoni tagħhom.
Niedi Koalizzjoni STE(A)M tal-UE mtejba li tlaqqa’ flimkien is-settur tal-edukazzjoni, tan-negozju u dak pubbliku sabiex tippromwovi u timmodernizza lil STE(A)M u kurrikuli oħra.
Ħeġġeġ l-integrazzjoni ta’ pjazzamenti tax-xogħol fi programmi tal-edukazzjoni għolja, u żid id-disponibbiltà u l-kwalità billi ssaħħaħ il-konsorzji tan-negozju ta’ Erasmus+.
Introduċi mudell ta’ tħejjija diġitali sabiex tgħin lill-HEIs jimplimentaw strateġiji tat-tagħlim diġitali u jisfruttaw il-potenzjali ta’ teknoloġija tal-ogħla livell.
Saħħaħ l-appoġġ għall-għalliema tal-edukazzjoni għolja permezz tal-Erasmus+ sabiex tiżviluppa ħiliet tad-disinn tal-kurrikuli, filwaqt li tappoġġja l-mobbiltà tal-persunal u ttejjeb il-kooperazzjoni bejn iċ-ċentri ta’ taħriġ għall-għalliema mal-UE kollha.
Appoġġja lill-Erasmus+ biex jgħin lill-HEIs fl-istrateġiji għall-inklużjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi u s-suċċess fl-istudju, inkluż il-kooperazzjoni mal-iskejjel u istituzzjonijiet oħrajn.
Ippromwovi tfassil ta’ korsijiet flessibbli u modulari sabiex tappoġġja l-aċċess għat-tagħlim għoli permezz ta’ prijoritajiet speċifiċi għas-sħubiji strateġiċi ta’ Erasmus+.
Appoġġja lill-HEIs li juru x-xewqa li jagħtu punti tal-ECTS lill-istudenti għal attivitajiet volontarji u fil-komunità, ibbażati fuq eżempji pożittivi eżistenti.
Appoġġja r-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ refuġjati sabiex tgħinhom ikollhom aċċess għall-edukazzjoni għolja, filwaqt li tibni fuq proġett tal-Erasmus+ li għadu għaddej li jipprovdi linji gwida prattiċi u konsulenza bejn il-pari.
Appoġġja ħidma ulterjuri dwar il-metodi tat-tagħlim għall-kreattività u l-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja, filwaqt li tibni fuq il-ħidma mal-OECD fis-settur tal-iskejjel.
Żviluppa opportunitajiet fl-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie li jgħinu sabiex tingħalaq il-qasma tar-riċerka u l-innovazzjoni bejn il-pajjiżi u r-reġjuni tal-UE u jindirizzaw l-eżodu tal-imħuħ minn reġjuni anqas żviluppati.
Niedi analiżi ta’ strutturi tal-finanzjament, tal-inċentivi u ta’ premjazzjoni għal sistemi tal-edukazzjoni għolja, f’kooperazzjoni mal-OECD.
Żgura li r-riċerkaturi jkunu mħeġġa jgħallmu, u jkunu mħarrġa jagħmlu dan, bħala parti integrali mill-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie.
Oħloq Ċentru tal-Għarfien dwar l-edukazzjoni għolja, li jinkorpora r-Reġistru Ewropew tal-Edukazzjoni Terzjarja (ETER), il-U-Multirank u l-istudju tat-traċċar tal-gradwati, sabiex ittejjeb il-kwalità, il-ġbir u l-komparabbiltà tad-data.
Saħħaħ in-netwerk Eurydice u l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-OECD fl-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex tevita sforzi doppji u tibbenefika minn ħidma konġunta.
Issimplifika l-mobbiltà tal-istudenti billi tibni fuq proġetti eżistenti ta’ Erasmus+ għad-data elettronika tal-istudenti, u esplora l-fattibbiltà tal-aċċess intra-UE għas-servizzi u d-data tal-istudenti.
Ibda diskussjoni mal-pajjiżi tal-UE u ma’ partijiet interessati oħra, bħala parti minn analiżi tal-Erasmus+, dwar l-appoġġ għall-istudenti, il-persunal, l-istituzzjonijiet u s-sistemi tal-edukazzjoni għolja.
Il-Kummissjoni se tibda djalogu dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kollha, u sabiex tiżgura li dawn ikunu konformi mal-prijoritajiet ta’ finanzjament tal-UE.
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja (COM(2017) 247 final, )
DOKUMENTI RELATATI
White paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa — Riflessjonijiet u xenarji għall-UE27 sal-2025 (COM(2017) 2025 final, )
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa (COM(2016) 940 final, ).
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni —It-Titjib u l-Immodernizzar tal-Edukazzjoni (COM(2016) 941 final, ).