Alegeți funcționalitățile experimentale pe care doriți să le testați

Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex

Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża

Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża

 

SOMMARJU TA’:

Komunikazzjoni (COM(2016) 950 final) – Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża

L-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Il-komunikazzjoni għandha l-għan li:
    • ittejjeb l-effiċjenza fl-infiq fuq il-kapaċitajiet ta’ difiża tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE);
    • tiġbor flimkien ir-riżorsi biex iċ-ċittadini tal-UE jkollhom aktar sigurtà;
    • toħloq bażi industrijali aktar kompetittiva u innovattiva fis-settur tad-difiża.
  • L-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-ħidmiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni tal-UE. Din tkopri firxa ta’ aspetti li jvarjaw mir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u d-deċiżjonijiet li tieħu għall-klawżola tal-għajnuna reċiproka tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-Pjan ta’ Azzjoni jinqasam fi 3 partijiet:

  • 1.

    L-istabbiliment tal-Fond Ewropew għad-Difiża, b’2 strutturi ta’ finanzjament:

    • Riċerka: total ta’ €90 miljun sal-2020, segwit minn €500 miljun fis-sena wara l-2020 biex tiġi ffinanzjata r-riċerka kollaborattiva f’teknoloġiji innovattivi tad-difiża (eż. l-elettronika, is-softwer kriptat jew ir-robotika).
    • Kapaċitajiet: madwar €5 biljun fis-sena (raffinament mill-Kummissjoni Ewropea qiegħed jistenna deċiżjoni) biex pajjiżi tal-UE jingħataw permess jixtru ċerti assi (eż. teknoloġiji ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord jew ħelicopters) flimkien, biex jitnaqqsu l-ispejjeż. Il-pajjiżi tal-UE jieħdu deċiżjonijiet fuq u jkunu s-sidien ta’ dawn il-kapaċitajiet.
    • Il-prijoritajiet għall-Fond għad-Difiża għandhom jiġu stabbiliti minn Bord ta’ Koordinazzjoni li jikkonsisti minn pajjiżi tal-UE, mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, mill-Kummissjoni u minn parteċipanti ewlenin tal-industrija.
  • 2.

    Il-promozzjoni tal-investiment fil-katina tal-provvista tad-difiża: il-Kummissjoni ser tappoġġja l-isforzi tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jitjieb l-aċċess għall-finanzjament għall-katina tal-provvista tad-difiża, li l-qalba tagħha fil-parti l-kbira hi magħmula minn negozji żgħar u ta’ daqs medju. Barra minn dan, taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet, il-Kummissjoni ser tappoġġja l-kooperazzjoni fis-settur tad-difiża biex tiżgura li n-nies ikollhom il-ħiliet it-tajbin biex jipproduċu l-innovazzjoni.

  • 3.

    It-tisħiħ tas-Suq Uniku tal-UE għad-difiża: biex tgħin tindirizza l-qsim u biex tiżgura aktar kompetittività fl-industrija tad-difiża, il-Kummissjoni ser tieħu passi biex ittejjeb il-kompetizzjoni madwar l-UE għal kuntratti ta’ xiri ta’ difiża. Il-kumpaniji jkunu jistgħu joperaw b’mod transkonfinali aktar faċilment filwaqt li l-pajjiżi tal-UE jirċievu l-aħjar valur għall-flus. Sabiex dan jinkiseb, il-Kummissjoni tipproponi titjib fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Akkwist u tad-Direttiva dwar it-Trasferimenti.

Punti ewlenin oħrajn

  • Il-Pjan ta’ Azzjoni ma jittrattax il-ħolqien ta’ armata tal-UE, iżda jittratta l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal aktar kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, biex titjieb l-effiċjenza tal-infiq tad-difiża, u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal bażi industrijali tad-difiża b’saħħitha, kompetittiva u innovattiva.
  • Il-Pjan ta’ Azzjoni jaqa’ taħt il-politika ta’ sigurtà u difiża komuni tal-UE, parti integrali mill-politika estera u ta’ sigurtà komuni;

SFOND

DOKUMENTI EWLENIN

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016) 950 final, 30.11.2016)

Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (verżjoni konsolidata) — Titolu V - Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna ta’ l-unjoni u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni — Kapitolu 2 — Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni — Taqsima 2 — Dispożizzjonijiet dwar il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni — Artikolu 42 (ex Artikolu 17 TEU) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 38-39)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, pp. 76-136)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/81/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1–36)

Ara l-verżjoni konsolidata

l-aħħar aġġornament 17.07.2017

Sus