EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni (PESK)_2015/1835 — l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI?

Din tistabbilixxi regoli dwar il-funzjonament tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), u b’hekk tipprovdi qafas legali u istituzzjonali sabiex tippermetti lill-pajjiżi tal-UE jikkooperaw fl-iżvilupp ta’ kapaċitajiet militari fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-UE, u, b’mod partikolari, il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK).

PUNTI EWLENIN

Il-kompiti tal-EDA huma li:

  • tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni tal-objettivi ta’ kapaċità militari tal-pajjiżi tal-UE u tevalwa l-impenji ta’ kapaċità tagħhom,
  • tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet operazzjonali (eż. billi tippromwovi u tikkoordina l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet militari jew billi tippromwovi akkwist kosteffettiv u effiċjenti billi tidentifika u xxerred l-aħjar prattika),
  • tintroduċi proġetti biex tissodisfa l-objettivi ta’ kapaċità militari u tiżgura li l-programmi ta’ koordinazzjoni huma implimentati mill-pajjiżi tal-UE,
  • tappoġġa r-riċerka dwar it-teknoloġija tad-difiża u tikkoordina/tippjana attivitajiet ta’ riċerka konġunta,
  • tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-bażi industrijali tas-settur tad-difiża tal-UE sabiex ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq militari,
  • tfittex il-koerenza ma’ politiki tal-UE oħrajn li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża,
  • trawwem kooperazzjoni tad-difiża iktar b’saħħitha bejn il-pajjiżi tal-UE,
  • tipprovdi appoġġ lill-operazzjonijiet tal-PSDK.

Governanza tal-EDA:

  • L-EDA għandha s-sede fi Brussell u hija taħt is-superviżjoni politika u l-awtorità tal-Kunsill tal-UE, li tirrapporta lilu u tirċievi linji gwida mingħandu.
  • Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà hija l-Kap tal-Aġenzija, li tmexxi l-Bord ta’ Tmexxija u tipprovdi r-rabta bejn l-EDA u l-Kunsill.
  • Il-Kap Eżekuttiv tal-EDA, megħjun mid-Deputat Kap Eżekuttiv, huwa responsabbli għas-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-EDA. Dawn jinħatru mill-Bord ta’ Tmexxija.
  • Il-korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-EDA huwa l-Bord ta’ Tmexxija, li huwa magħmul mill-Ministri tad-Difiża ta’ kull pajjiż tal-UE (minbarra d-Danimarka) u rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea. Dan jiltaqa’ darbtejn fis-sena sabiex jiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jinkludu l-baġit annwali, il-programm ta’ ħidma u inizjattivi ġodda.

Finanzjament:

  • L-ispejjeż operattivi tal-EDA huma ffinanzjati mill-pajjiżi tal-UE (minbarra d-Danimarka) proporzjonalment mad-dħul nazzjonali gross (DNG) tagħhom.
  • Proġetti individwali huma ffinanzjati b’mod separat mill-pajjiżi tal-UE li jipparteċipaw.

META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din tapplika mit-13 ta’ Ottubru 2015.

SFOND

L-EDA ġiet stabbilita fl-2004. Minn dakinhar, saru għadd ta’ emendi rigward l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tagħha. Dawn il-bidliet ġew konsolidati f’din id-deċiżjoni.

ATT

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 tat-12 ta’ Ottubru 2015 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (ĠU L 266, 13.10.2015, p. 55–74)

l-aħħar aġġornament 15.02.2016

Top