EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-banek u d-ditti tal-investiment — superviżjoni prudenzjali

Il-banek u d-ditti tal-investiment — superviżjoni prudenzjali

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2013/36/UE dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment (direttiva dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital — CRD IV)

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din id-direttiva dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital (CRD IV) tirregola l-aċċess għall-attività ta’ ġstituzzjonijiet ta’ kreditu.
  • Hija tistabbilixxi wkoll regoli dwar:
    • is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti;
    • il-poteri u l-għodod ta’ sorveljanza ta’ dawk l-awtoritajiet għas-sorveljaza prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu; u
    • ir-rekwiżiti tal-pubblikazzjoni li dawk l-awtoritajiet għandhom jikkonformaw magħhom relatati mar-regolament prudenzjali u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ sorveljanza.
  • Din tissostitwixxi d-direttivi preċedenti dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital (2006/48/KE u 2006/49/KE) u tkopri aspetti li qabel kienu ttrattati b’dawk id-direttivi, inklużi:
    • l-aċċess għall-bidu u t-tkomplija tan-negozju tal-banek,
    • il-kundizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment;
    • l-libertà li jingħataw servizzi; u
    • is-superviżjoni prudenzjali tal-banek u d-ditti tal-investiment.
  • Id-Direttiva 2013/36/EU hija parti minn pakkett ta’ leġiżlazzjoni bl-għan li jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur bankarju tal-UE wara l-kriżi finanzjarja fl-2008. Il-pakkett jinkludi wkoll ir-Regolament (UE) Nru 575/2013, ir-regolament dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital (CRR) (ara s-sommarju), li jistabbilixxi r-rekwiżiti superviżorji li għandhom jiġu osservati mill-banek.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva 2013/36/UE tkopri għadd ta’ aspetti ġodda minbarra dawk diġà koperti mid-direttivi preċedenti dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital, inkluż dan li ġej.

  • Il-bonusijiet tal-persunal. Sabiex jiġi evitat li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jagħtu bonusijiet lill-persunal tagħhom biex jinkoraġġujom jieħdu riskji eċċessivi, id-direttiva tipprovdi għal proporzjon massimu bejn paga fissa u bonusijiet għall-persunal rilevanti kollu. Il-bonus ma jistax jaqbeż il-paga fissa annwali tal-membru tal-persunal identifikat, għalkemm taħt ċerti kundizzjonijiet, l-azzjonisti jistgħu jiddeċiedu li jippermettu bonusijiet sa darbtejn il-paga fissa. Ir-regoli l-ġodda jinkludu wkoll rekwiżiti dwar bonusijiet li jippromwovu approċċ fit-tul għat-teħid ta’ riskji.
  • Governanza aħjar u aktar trasparenza. Id-direttiva introduċiet regoli li jiżguraw li r-riskji ġejjin minn attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma suġġetti għal maniġment u superviżjoni effettiv mill-korpi tal-maniġment tagħhom. Ir-regoli huma introdotti wkoll biex jagħmlu s-sħubija għall-bord tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu aktar diversa. Minn Jannar 2015, l-istituzzjonijiet ta’ kredituk kellhom jiżvelaw ċerta informazzjoni pajjiż b’pajjiż, inklużi l-profitti, it-taxxi tagħhom u s-sussidji pubbliċi li rċevew.
  • Kapital addizzjonali għandu jinżamm mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu (Pilastru 2 u riżervi kapitali). Id-direttiva:
    • tipprovdi għal rekwiżiti aktar dettaljati dwar il-qafas tal-Pilastru 2, fejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jistgħu jeħtieġu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jżommu kapital flimkien mar-rekwiżiti minimi stabbiliti fis-CRR;
    • tistabbilixxi qafas dwar ir-riżervi ta’ kapital, bil-għan li tħares is-solvenza ta’ istituzzjoni ta’ kreditu billi timponi salvagwardji u limiti fuq l-ammont ta’ pagamenti ta’ dividendi u bonuses li istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tagħmel. Skont il-limiti li istituzzjoni ta’ kreditu juża’ mir-riżerva tiegħu, il-limiti jsiru aktar stretti, u b’hekk tiġi evitata l-erożjoni tal-kapital tagħha.
  • Tnaqqis fid-dipendenza fuq klassifikazzjonijiet esterni. Id-direttiva tnaqqas, fejn possibbli, id-dipendenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji fuq klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu. Pereżempju, din teħtieġ li d-deċiżjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jkunux ibbażati biss fuq klassifikazzjonijiet esterni iżda wkoll fuq il-valutazzjoni tar-riskju interna tagħhom stess.

L-emendi ewlenin għad-Direttiva 2013/36/UE

  • Id-Direttiva emendatorja (UE) 2019/878 temenda wħud mill-artikoli eżistenti tad-Direttiva 2013/36/UE u żżid oħrajn ġodda dwar entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, remunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji, u miżuri ta’ konservazzjoni tal-kapital. L-għan tagħha huwa li tiżgura l-kapaċità tas-settur finanzjarju li jirreżisti xokkijiet potenzjali.
  • Id-Direttiva emendatorja (UE) 2019/2034 tagħmel parti minn qafas regolatorju ġdid għad-ditti tal-investiment li, sal-adozzjoni tagħha, kienu soġġetti għall-istess regoli dwar il-kapital, il-likwidità u l-ġestjoni tar-riskju bħall-banek. Hija tistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali u miżuri superviżorji adattati għall-profil tar-riskju u l-mudell kummerċjali tad-ditti tal-investiment filwaqt li tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2022/2556 tallinja d-dispożizzjonijiet tad-direttiva, u diversi direttivi relatati oħra, mar-rekwiżiti dwar ir-riskju tal-ICT għall-entitajiet finanzjarji stabbiliti fir-reżiljenza operazzjonali diġitali tar-regolament dwar is-settur finanzjarju (DORA), ir-Regolament (UE) 2022/2554 (ara s-sommarju).

Atti ta’ implimentazzjoni u delegati

Il-pakkett CRD IV / CRR jippermetti l-adozzjoni ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni. Dawn joffru gwida dwar il-konformità mal-pakkett lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, u l-banek u d-ditti tal-invesitment. Ir-regolamenti delegati li ġejjin jissuplimentaw id-Direttiva 2013/36/UE rigward standards tekniċi regolatorji.

  • Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 530/2014 dwar id-definizzjoni ulterjuri tal-iskoperturi materjali u l-limiti għall-approċċi interni għal riskju speċifiku fil-ktieb tan-negozjar.
  • Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 524/2014 dwar l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti jfornu lil xulxin.
  • Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 527/2014 dwar il-klassijiet ta’ strumenti li jirriflettu b’mod adegwat il-kwalità kredizja ta’ istituzzjoni bħala negozju avvjat u li huma xierqa sabiex jintużaw għall-finijiet ta’ remunerazzjoni varjabbli.
  • Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1151/2014 dwar l-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata meta jiġu eżerċitati d-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, sussegwentement emendati mir-Regolamenti (UE) 2022/192 u (UE) 2022/2403.
  • Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1152/2014 dwar l-identifikazzjoni tal-pożizzjoni ġeografika tal-iskoperturi ta’ kreditu rilevanti biex jiġu kkalkulati r-rati speċifiċi għall-istituzzjoni tal-bafer tal-kapital kontroċikliku.
  • Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1222/2014 dwar il-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta’ istituzzjonijiet globali sistematikament importanti u għad-definizzjoni ta’ sottokategoriji ta’ istituzzjonijiet globali sistematikament importanti, sussegwentement emendat mir-Regolamenti (UE) 2016/1608 u (UE) 2021/539.
  • Ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2016/861 dwar kriterji kwalitattivi u kwantitattivi xierqa biex jiġu identifikati kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni.
  • Ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2017/180 dwar il-parametru referenzjarju tal-istandards ta’ valutazzjoni tal-portafoll u l-proċeduri ta’ kondiviżjoni ta’ valutazzjoni.
  • Ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2021/923 dwar kriterji biex jiġu ddefiniti r-responsabbiltà maniġerjali, il-funzjonijiet ta’ kontroll, l-unitajiet tan-negozju materjali u impatt sinifikanti fuq il-profil tar-riskju tal-unità tan-negozju materjali, u dwar il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-membri tal-persunal jew il-kategoriji tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni li huwa komparattiv bħala materjal bħal dak tal-membri tal-persunal jew kategoriji tal-persunal.
  • Ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2022/2579 dwar l-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn impriża fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 8(a) tad-Direttiva 2013/36/UE.
  • Ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2022/2580 dwar l-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ kreditu, u li jispeċifika l-ostakoli li jistgħu jimpedixxu l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti.

L-atti ta’ implimentazzjoni li ġejjin ġew adottati.

  • Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 620/2014 dwar standards fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tad-domiċilju u l-Istati Membri ospitanti.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 650/2014, sussegwentement emendat mir-Regolament (UE) 2019/912, fir-rigward tal-istandards dwar il-format, l-istruttura, il-lista tal-kontenut u d-data annwali tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li għandha tkun żvelata mill-awtoritajiet kompetenti.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 710/2014 dwar standards fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-proċess konġunt ta’ deċiżjoni għar-rekwiżiti prudenzjali speċifiċi għall-istituzzjonijiet.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 926/2014, li ġie emendat sussegwentement mir-Regolament (UE) 2022/193, dwar formoli, mudelli u proċeduri standard għal notifiki relatati mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/99 dwar id-determinazzjoni tal-funzjonament operazzjonali tal-kulleġġi ta’ superviżuri.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2070, sussegwentement emendat mir-Regolamenti (UE) 2017/1486, (UE) 2018/688, (UE) 2019/439, (UE) 2021/1971, (UE) 2021/2017 and (UE) 2022/951, dwar mudelli, definizzjonijiet u soluzzjonijiet tal-IT li għandhom jintużaw mill-istituzzjonijiet meta jirrappurtaw lill-Awtorità Bankarja Ewropea u lill-awtoritajiet kompetenti.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/461 dwar proċeduri, formoli u mudelli komuni għall-proċess ta’ konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-akkwisti proposti tal-azjendi kwalifikanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2581 dwar l-implimentazzjoni ta’ standards tekniċi għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni fl-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

  • Id-Direttiva 2013/36/UE kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2013, u dawn ir-regoli ilhom japplikaw mis-17 ta’ Lulju 2013.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2019/878 kellha tiġi trasposta sat-28 ta’ Diċembru 2020, r- regoli ilhom japplikaw mid-29 ta’ Diċembru 2020.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2019/2034 kellha tiġi trasposta sas- 26 ta’ Ġunju 2021, r-regoli ilhom japplikaw mis-26 ta’ Ġunju 2021, ħlief għal dawk li jipprovdu servizzi fuq l-inizjattiva tal-klijent, li ilhom japplikaw mis-26 ta’ Marzu 2020.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2022/2556 kellha tiġi trasposta sas-17 ta’ Jannar 2025, r- regoli se japplikaw mill-istess data.

SFOND

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, pp. 338–436).

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2013/36/UE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss bħala referenza.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2581 tal-20 ta’ Ġunju 2022 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni f’applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu (ĠU L 335, 29.12.2022, pp. 86–102).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2580 tas-17 ta’ Ġunju 2022 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ kreditu, u li jispeċifikaw l-ostakoli li jistgħu jipprevjenu l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti (ĠU L 335, 29.12.2022, pp. 64–85).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2579 tal-10 ta’ Ġunju 2022 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn impriża fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 8a ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 335, 29.12.2022, pp. 61–63).

Id-Direttiva (UE)2022/2556 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE, 2014/65/UE, (UE) 2015/2366 u (UE) 2016/2341 fir-rigward tar-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju (ĠU L 333, 27.12.2022, pp. 153–163).

Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, pp. 1–79).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/923 tal-25 ta’ Marzu 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu l-kriterji biex jiġu definiti r-responsabbiltà maniġerjali, il-funzjonijiet ta’ kontroll, unitajiet tan-negozju materjali u impatt sinifikanti fuq il-profil tar-riskju tal-unità tan-negozju, u li jistabbilixxu l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-membri tal-persunal jew kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet li b’mod komparabbli huwa materjali daqs dak tal-membri tal-persunal jew tal-kategoriji ta’ persunal imsemmija fl-Artikolu 92(3) ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 203, 9.6.2021, pp. 1–7).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 tas-16 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta’ konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-akkwisti proposti ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu kif imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 72, 17.3.2017, pp. 57–65).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/180 tal-24 ta’ Ottubru 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għal valutazzjoni komparattiva tal-istandards tal-valutazzjoni tal-portafoll u l-proċeduri tal-kondiviżjoni tal-valutazzjoni (ĠU L 29, 3.2.2017, pp. 1–9).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2070 tal-14 ta’ Settembru 2016 li jistipula l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-formoli, definizzjonijiet, u soluzzjonijiet tal-IT li għandhom jintużaw mill-istituzzjonijiet meta jirrapportaw lill-Awtorità Bankarja Ewropea u lil awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 78(2) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 2.12.2016, pp. 1–1422).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/861 tat-18 ta’ Frar 2016 li jikkoreġi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 528/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji tal-opzjonijiet fl-approċċ standardizzat tar-riskju tas-suq u li jikkoreġi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 604/2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jikkonċerna l-istandards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi xierqa biex jiġu identifikati l-kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tiegħu jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni (ĠU L 144, 1.6.2016, pp. 21–23).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/98 tas-16 ta’ Ottubru 2015 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet ġenerali għall-funzjonament tal-kulleġġi tas-superviżuri (ĠU L 21, 28.1.2016, pp. 2–20).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/99 tas-16 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-funzjonament operattiv tal-kulleġġi ta’ superviżuri skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 21, 28.1.2016, pp. 21–44).

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1222/2014 tat-8 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-ispeċifikazzjoni tal-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti u għad-definizzjoni ta’ subkategoriji ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (ĠU L 330, 15.11.2014, pp. 27–36).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1151/2014 tal-4 ta’ Ġunju 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-informazzjoni li trid tiġi nnotifikata meta jeżerċitaw id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ĠU L 309, 30.10.2014, pp. 1–4).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1152/2014 tal-4 ta’ Ġunju 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-identifikazzjoni tal-pożizzjoni ġeografika tal-iskoperturi ta’ kreditu rilevanti biex jiġu kkalkulati r-rati speċifiċi għall-istituzzjoni tal-bafer tal-kapital kontroċikliku (ĠU L 309, 30.10.2014, pp. 5–8).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 926/2014 tas-27 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar formuli, mudelli u proċeduri standard għan-notifiki marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 254, 28.8.2014, pp. 2–21).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 710/2014 tat-23 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-proċess ta’ deċiżjonijiet konġunti dwar ir-rekwiżiti prudenzjali speċifiċi għall-istituzzjonijiet skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 188, 27.6.2014, pp. 19–59).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 650/2014 tal-4 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi l-istandards tekniċi implimentattivi fir-rigward tal-format, l-istruttura, il-lista tal-kontenut u d-data tal-pubblikazzjoni annwali tal-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata mill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 185, 25.6.2014, pp. 1–50).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 620/2014 tal-4 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti, skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 172, 12.6.2014, pp. 1–25).

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 527/2014 tat-12 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) Nru 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-klassijiet ta’ strumenti li jirriflettu b’mod adegwat il-kwalità kredizja ta’ istituzzjoni bħala negozju avvjat u li huma xierqa sabiex jintużaw għall-finijiet ta’ remunerazzjoni varjabbli (ĠU L 148, 20.5.2014, pp. 21–28).

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 524/2014 tat-12 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti jagħtu lil xulxin (ĠU L 148, 20.5.2014, pp. 6–14).

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 530/2014 tat-12 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jiddefinixxu ulterjorment l-iskoperturi materjali u l-livelli limitu għall-approċċi interni għar-riskju speċifiku fil-portafoll tan-negozjar (ĠU L 148, 20.5.2014, pp. 50–51).

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, pp. 1–337).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, pp. 1–59).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 20.06.2023

Top