EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli aktar effettivi dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza minn naħa għal oħra tal-fruntieri tal-UE

Regoli aktar effettivi dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza minn naħa għal oħra tal-fruntieri tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2015/848 dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa għandu l-għan li jiżgura l-amministrazzjoni effiċjenti tal-proċedimenti ta’ insolvenza li jinvolvu individwu jew negozju b’attivitajiet kummerċjali jew interessi finanzjarji fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) għajr dak fejn normalment ikunu bbażati.
  • Dan jifformula mill-ġdid u jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1346/2000.

PUNTI EWLENIN

  • Ir-regolament jistipula regoli għall-UE kollha sabiex jistabbilixxi:
    • liema qorti għandha l-ġurisdizzjoni għall-ftuħ ta’ każ ta’ insolvenza;
    • id-dritt nazzjonali applikabbli;
    • ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni tal-qorti meta kumpanija, negozjant jew individwu jsiru insolventi.
  • Dan ma japplikax għad-Danimarka.

Sitwazzjonijiet applikabbli

Ir-regolament japplika għall-proċedimenti li jinkludu l-kredituri kollha tad-debitur jew parti sinifikanti minnhom, li huma bbażati fuq il-liġijiet dwar l-insolvenza u li fihom, għall-fini ta’ salvataġġ, aġġustament tad-dejn, riorganizzazzjoni jew likwidazzjoni:

  • 1.

    debitur ikun tilef l-assi kollha tiegħu jew parti minnhom u jkun inħatar speċjalista fl-insolvenza, bħal likwidatur;

  • 2.

    l-assi u l-affarijiet ta’ debitur ikunu soġġetti għall-kontroll jew is-sorveljanza ta’ qorti; jew

  • 3.
    il-proċedimenti jkunu twaqqfu sabiex ikunu jistgħu jsiru negozjati bejn id-debitur u l-kredituri tiegħu — dan japplika biss jekk:
    • isseħħ fil-kuntest ta’ proċedimenti li jkollhom l-għan li jħarsu l-korp ġenerali ta’ kredituri,
    • in-negozjati jfallu, f’liema każ għandha tiġi segwita waħda miż-żewġ tipi ta’ proċedimenti elenkati hawn fuq.

Ir-regolament ikopri “proċedimenti ta’ insolvenza” preventivi disponibbli fil-liġi nazzjonali li jistgħu jitnedew fi stadju bikri sabiex jittejbu l-possibbiltajiet li jiġi salvat in-negozju. Dawn il-proċedimenti huma elenkati fl-Anness A. Dan ikopri wkoll firxa akbar ta’ proċedimenti ta’ insolvenza personali.

Ġurisdizzjoni

  • Il-proċedimenti jsiru fil-qrati tal-Istat Membru fejn huma ċċentrati l-interessi ewlenin tad-debitur. Dan huwa preżunt li jfisser:
    • il-post tal-uffiċċju rreġistrat, fil-każ ta’ kumpanija jew persuna ġuridika;
    • il-post prinċipali tan-negozju, fil-każ ta’ individwu li jmexxi negozju jew attività professjonali;
    • il-post fejn normalment jgħixu, fil-każ ta’ kwalunkwe individwu ieħor.
  • Dawn is-suppożizzjonijiet ma japplikawx jekk il-post ikun inbidel fi ħdan ċertu perjodu qabel il-bidu tal-proċedimenti ta’ insolvenza.
  • Jekk id-debitur ikollu post ta’ operazzjoni fi Stat Membru għajr dak fejn huma ċċentrati l-interessi ewlenin tiegħu, dak l-Istat Membru jista’ wkoll jiftaħ proċedimenti ta’ insolvenza kontra d-debitur. Madankollu, dawn il-“proċedimenti sekondarji” huma limitati għall-assi miżmuma f’dak l-Istat Membru.
  • Ir-regolament itejjeb il-possibbiltajiet li l-kumpaniji jiġu salvati billi jiġi evitat li jinfetħu proċedimenti sekondarji paralleli, fejn l-interessi tal-kredituri lokali jiġu ggarantiti b’mod ieħor.

Liġi applikabbli

B’mod ġenerali, il-liġi applikabbli hija dik tal-Istat Membru li fih isiru l-proċedimenti. Dak id-dritt jirregola l-kundizzjonijiet għall-ftuħ u l-għeluq tal-proċedimenti u t-twettiq tagħhom. Dan jinvolvi li jiġu ddeterminati:

  • id-debituri li tista’ titressaq kawża kontrihom;
  • l-assi li jagħmlu parti mill-patrimonju tal-insolvenza;
  • id-drittijiet tal-kredituri wara li l-każ ikun ingħalaq;
  • min għandu jġarrab il-kostijiet u l-ispejjeż tal-proċedimenti.

Ir-rikonoxximent u l-infurzar

Ladarba sentenza li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza fi Stat Membru wieħed issir effettiva, għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħrajn kollha bl-istess effett.

Reġistri ta’ insolvenza

Sabiex jiġi żgurat aħjar li l-kredituri u l-qrati jirċievu informazzjoni rilevanti u biex jiġi evitat li jinfetħu proċedimenti paralleli, l-Istati Membri huma meħtieġa jippubblikaw informazzjoni rilevanti dwar każijiet ta’ insolvenza transkonfinali f’reġistru online aċċessibbli għall-pubbliku. Dawn ir-reġistri se jkunu konnessi ma’ xulxin permezz tal-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, f’konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.

Proċedimenti ta’ insolvenza tal-gruppi

Ir-regolament joħloq approċċ speċifiku biex jindirizza l-insolvenza tal-membri ta’ grupp ta’ kumpaniji. Din tinkludi:

  • regoli li jirrikjedu lid-diversi prattikanti fl-insolvenza u lill-qrati involuti biex jikkooperaw u jikkomunikaw ma’ xulxin;
  • drittijiet li tidher* limitati għal prattikant tal-insolvenza fil-proċedimenti li jikkonċernaw membru ieħor tal-istess grupp;
  • sistema speċifika għall-koordinazzjoni tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-istess grupp ta’ kumpaniji (“proċedimenti ta’ koordinazzjoni tal-gruppi”).

Emendi għall-Annessi

Ir-regolament ġie emendat tliet darbiet.

  • Ir-Regolament (UE) 2017/353 issostitwixxa l-Anness A (lista ta’ proċeduri ta’ insolvenza) u l-Anness B (lista ta’ prattikanti fl-insolvenza) tar-Regolament (UE) 2015/848 b’listi ġodda li jqisu l-informazzjoni mogħtija mill-Polonja.
  • Ir-Regolament (UE) 2018/946 jissostitwixxi l-Annessi A u B wara n-notifiki ta’ tibdil li waslu mill-Belġju, mill-Bulgarija, mill-Kroazja, mil-Latvja u mill-Portugall.
  • Ir-Regolament (UE) 2021/2260 jissostitwixxi l-Annessi A u B wara n-notifiki ta’ tibdil li waslu mill-Ġermanja, l-Italja, Ċipru, il-Litwanja, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Polonja relatati mal-bidliet fil-liġi nazzjonali tagħhom li jintroduċu tipi ġodda ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jew ta’ prattikanti tal-insolvenza. Id-Deċiżjoni Emendatorja tal-Kummissjoni (UE) 2022/1437 tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Irlanda fir-Regolament (UE) 2021/2260.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mis-26 ta’ Ġunju 2017. Ir-Regolament (UE) 2015/848 irreveda u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 1346/2000 u l-emendi sussegwenti tiegħu.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Dritt li tidher. Id-dritt li “tidher” quddiem il-qorti u tiddefendi,u jkollok każ tajjeb, konnessjoni u turi l-ħsara lill-interess legali tal-proċedura.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (riformulazzjoni) (ĠU L 141, 5.6.2015, pp. 19-72).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2015/848 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1105 tat-12 ta’ Ġunju 2017 li jistabbilixxi l-formoli msemmija fir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU L 160, 22.6.2017, pp. 1-26).

l-aħħar aġġornament 14.09.2022

Top