EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kontroll tal-konfini marittimi esterni tal-UE u s-salvataġġ tal-ħajja tal-immigranti f'operazzjonijiet fuq il-baħar

Kontroll tal-konfini marittimi esterni tal-UE u s-salvataġġ tal-ħajja tal-immigranti f'operazzjonijiet fuq il-baħar

Dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ tal-konfini tal-baħar tal-Unjoni Ewropea, l-interċettazzjoni ta' bastimenti suspettati li jkunu qegħdin iġorru immigranti u s-salvataġġ ta' dawk li jkunu fil-periklu fil-baħar f'operazzjonijiet ta' sorveljanza tal-konfini taħt il-koordinazzjoni tal-Frontex.

ATT

Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

SOMMARJU

L-objettiv tal-politika tal-konfini marittimi esterni tal-Unjoni Ewropea huwa li jiġi żgurat il-monitoraġġ effiċjenti tal-qsim tal-konfini esterni sabiex tiġi indirizzata l-immigrazzjoni irregolari u l-kriminalità transkonfinali, filwaqt li tiġi protetta u salvata l-ħajja tan-nies fuq il-baħar.

Għal dan il-għan, operazzjonijiet fuq il-baħar taħt is-superviżjoni tal-Frontex (l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea) huma mfasslin sabiex:

  • jikxfu tentattivi mhux awtorizzati ta' qsim tal-konfini esterni;
  • jinterċettaw bastimenti suspettati li jippruvaw jidħlu l-Unjoni Ewropea (UE) mingħajr ma jissottomettu ruħhom għal kontrolli fil-fruntieri u li jkunu qed iġorru immigranti irregolari;
  • jindirizzaw sitwazzjoniijet bħal tiftix u salvataġġ li jistgħu jirriżultaw matul operazzjoni ta' sorveljanza tal-fruntiera fil-baħar;
  • jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-immigranti u jimpedixxu l-espulsjoni tagħhom lejn pajjiż li fih huma jistgħu jisfaw soġġetti għal persekuzzjoni jew periklu ta' mewt (il-prinċipju ta' (“ non-refoulement ”).

L-INTERĊETTAZZJONI TA' BASTIMENTI

Fil-każ ta' kxif ta' bastimenti b'immigranti irregolari abbord, hemm stabbiliti regoli speċifiċi jiddependi minn fejn ikunu ġew interċettati l-bastimenti (f'baħar territorjali, f'żoni kontigwi jew f'ibħra miftuħin). Il-pajjiżi tal-UE huma kapaċi jissekwestraw il-bastiment, jaqbdu lill-persuni abbord u jwasslu l-bastiment sa pajjiż kostali, il-pajjiż ospitu tal-UE jew lejn pajjiż mhux tal-UE diment li dan ma jpoġġihomx fil-periklu.

Hemm stabbiliti regoli oħrajn sabiex jiġu ġestiti sitwazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ sabiex tiġi offruta assistenza lil persuni f'periklu fil-baħar u sabiex jitniżżlu l-persuni li jkunu ġew salvati.

Matul operazzjoni fuq il-baħar, l-assistenza tista' tiġi pprovduta tkun xi tkun in-nazzjonalità jew ikun xi jkun l-istatus tal-persuni li għandhom jiġu megħjunin u skont il-liġi internazzjonali relevanti.

PJAN OPERATTIV TAL-FRONTEX

Operazzjonijiet ta' sorveljanza tal-konfini jitwettqu mill-pajjiżi tal-UE bl-appoġġ operattiv tal-Frontex. L-Aġenzija hija responsabbli għal:

  • il-koordinament tal-kooperazzjoni operazzjonali bejn il-pajjiżi tal-UE;
  • l-għoti ta' assistenza teknika u operattiva miżjuda fil-każ ta' emerġenzi umanitarji u salvataġġ fil-baħar.

Għal dan il-għan, jitħejja pjan operattiv li jkun fih id-dettalji adattati għaċ-ċirkostanzi tal-operazzjoni ppjanata fuq il-baħar. B'mod partikolari, il-pjanijiet operazzjonali għandhom jiżguraw li t-tfal u l-persuni vulnerabbli jiġu pprovduti b'assistenza xierqa.

Mekkaniżmi ta' solidarjetà

Pajjiżi tal-UE soġġetti għal pressjoni migratorja b'saħħitha jistgħu jitolbu għajnuna speċifika u appoġġ mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil u l-użu ta' Timijiet Ewropej ta' Gwardja tal-Fruntieri, fil-każ ta' sitwazzjoni ta' emerġenza.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 656/2014

17.7.2014

-

ĠU L 189 tas-27.6.2014.

l-aħħar aġġornament 28.09.2014

Top