Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Skema ta' monitoraġġ għaż-żona mingħajr fruntieri tal-UE

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen' for an updated information about the subject.

Skema ta' monitoraġġ għaż-żona mingħajr fruntieri tal-UE

Din il-liġi toħloq qafas għall-mekkaniżmu ta' monitoraġġ speċifiku mfassal sabiex jivverifika l-applikazzjoni tal-hekk imsejħa leġiżlazzjoni ta' 'Schengen' tal-Unjoni Ewropea. Timmira li tiżgura li standards uniformi għoljin jiġu applikati fil-prattika minn dawk il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) fiż-żona Schengen - żona magħmula minn 26 pajjiż - li 22 minnhom huma pajjiżi tal-UE u 4 minnhom mhumiex fl-UE. F'din iż-żona, ma jiġu applikati ebda kontrolli tal-fruntieri interni.

ATT

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas- 7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas- 16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen

SOMMARJU

L-objettiv ewlieni tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ huwa li jiżgura livell għoli ta' fiduċja reċiproka bejn il-pajjiżi li jappartjenu għaż-'żona Schengen' fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jimplimentaw b'mod xieraq ir-regoli relevanti fl-oqsma kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE ta' Schengen (l-“ acquis ” ta' Schengen).

SKOP TAL-MEKKANIŻMU

Il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni jkopri l-aspetti kollha tal-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam. Fir-rigward tal-fruntieri, jimmira li jkopri kemm l-effiċjenza tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri esterni u n-nuqqas tal-kontrolli tal-fruntieri interni.

Il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni għandhom jassumu responsabilità konġunta għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu kollu, bil-Kummissjoni tipprovdi l-koordinazzjoni ġenerali.

SPEZZJONIJIET IMĦABBRA U MHUX IMĦABBRA

Għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni, għandu jiġi stabbilit programm multiannwali (5 snin) u ieħor annwali ta' spezzjonijiet taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni. Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom isiru b'mod regolari fuq it-territorju tal-Istati ta' Schengen kollha fil-forma ta' spezzjonijiet imħabbra u mhux imħabbra.

PJAN TA’ AZZJONI GĦALL-INDIRIZZAR TAN-NUQQASIJIET

Evalwazzjonijiet fuq is-sit għandhom jitwettqu minn esperti mħarrġa apposta maħturin mill-pajjiżi tal-UE u magħżula b'mod newtrali, abbażi ta' analiżi tar-riskju mill-Aġenzija Frontex (relatati mal-fruntieri esterni) u l-appoġġ tal-Europol, Eurojust u korpi tal-UE relevanti oħrajn fl-oqsma koperti mill-mandati tagħhom.

Wara din l-analiżi u s-sejbiet tal-ispezzjoni fuq is-sit, jitħejja rapport mill-esperti taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni. Imbagħad jistgħu jintbagħtu firxa ta' rakkomandazzjonijiet lill-pajjiż tal-UE spezzjonat. Fejn l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni minn dak il-pajjiż tkun meqjusa nieqsa jew fejn ikun hemm nuqqasijiet serji tal-obbligi min-naħa tiegħu, huwa għandu jibgħat pjan ta' azzjoni li jindirizza dawn il-kwistjonijiet.

MONITORAĠĠ U FOLLOW-UP

Rapport dwar l-implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjoni bħal dan għandu jiġi ppreżentat kull 6 xhur lill-Kummissjoni u lil pajjiżi tal-UE oħrajn sabiex jikkonferma li l-pajjiż tal-UE mmonitorjat ħa l-miżuri u l-passi meħtieġa sabiex jagħmel tajjeb għad-dgħjufijiet. Jistgħu jsegwu firxa ta' rapporti regolari oħrajn biex tiġi ntraċċata l-implimentazzjoni tal-miżuri. Jekk ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi spezzjonijiet ġodda ta' kontroll.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 1053/2013

26.11.2013.

-

ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27-37

ATTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 1051/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 sabiex jipprovdi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 1).

l-aħħar aġġornament 06.10.2014

Top