Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Proċeduri ta’ asil fl-Unjoni Ewropea

Proċeduri ta’ asil fl-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 2013/32/UE — proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tħassar id-Direttiva 2005/85/KE dwar standards minimi għal proċeduri fl-Unjoni Ewropea (UE) għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta' rifuġjat
  • Din tistabbilixxi proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (l-istatus ta' rifuġjat u l-protezzjoni mogħtjia lil nies li mhumiex rifuġjati iżda iżda li jirriskjaw periklu serju jekk jiġu ritornati lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom).
  • Din tfittex li tiżgura li l-proċeduri ta’ protezzjoni internazzjonali:
    • ikunu aktar veloċi u effiċjenti;
    • ikunu aktar ġusti għall-applikanti;
    • jilħqu l-istandards ta’ madwar l-UE kollha għall-għoti u l-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali.

PUNTI EWLENIN

Min hu milqut?

Id-Direttiva tkopri l-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali li jsiru fil-pajjiżi tal-UE (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit (1)), inkluż fil-fruntieri, fl-ibħra territorjali jew f’żoni ta’ tranżitu.

Kif?

  • Din tistipula regoli aktar ċari dwar kif wieħed jista’ japplika għall-protezzjoni internazzjonali, biex id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet jittieħdu b’mod aktar veloċi u aktar effiċjenti minn qabel. Għandhom isiru arranġamenti speċifiċi, speċjalment fil-fruntieri, biex in-nies ikunu megħjunin japplikaw. Bħala regola, il-proċess ta’ applikazzjoni inizjali (mhux inklużi l-appelli) ma għandux idum aktar minn 6 xhur. Persuni involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet għandhom ikunu mħarrġa b’mod speċifiku fil-proċess u l-applikanti għandhom jingħataw garanzija proċedurali.
  • F’ċirkostanzi definiti b’mod tajjeb, fejn applikazzjoni aktarx li hi bla bażi jew fejn hemm tħassib serju ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku, jistgħu japplikaw proċeduri speċjali, inkluż proċess aktar veloċi jew l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet fil-fruntiera.

Garanziji bażiċi

  • Pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-applikanti:
    • ikollhom l-applikazzjonijiet tagħhom eżaminati individwalment, oġġettivament u imparzjalment;
    • jiġu infurmati, f’lingwa li jifhmu, tal-proċess li għaddej, id-drittijiet tagħhom u d-deċiżjonijiet li ttieħdu. Għandhom jingħataw interpretu biex jgħinhom jagħmlu l-każ tagħhom jekk meħtieġ;
    • ikollhom id-dritt li jikkonsultaw konsulent legali, bl-ispejjeż tagħhom;
    • ikollhom id-dritt għal appell effettiv quddiem qorti jew tribunal u jkollhom għajnuna legali b’xejn matul l-appell tagħhom.
  • Il-pajjiżi tal-UE ma jistgħux iżommu persuna taħt detenzjoni għall-unika raġuni li hija applikant għall-asil. Meta applikant jinżamm taħt detenzjoni, ir-regoli tal-UE għandhom jiġu applikati kif deskritti fid-direttiva riveduta dwar standards għall-akkoljenza tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (Id-Direttiva dwar il-kondizzjonijiet ta' akkoljenza).

Proċedura ta’ eżaminazzjoni

Qabel mal-awtorità rilevanti tasal għad-deċiżjoni tagħha, l-applikanti huma intitolati għal intervista personali fejn għandu jkollhom l-opportuntà li jindikaw ir-raġunijiet kollha għall-applikazzjoni tagħhom. Il-persuna li tmexxi l-intervista għandha tkun kompetenti biex tqis iċ-ċirkostanzi personali tal-applikant u ċ-ċirkostanzi ġenerali tas-sitwazzjoni. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar applikazzjonijiet individwali jinżammu kunfidenzjali.

Garanziji speċifiċi għall-persuni vulnerabbli

  • Persuni bi bżonnijiet proċedurali speċifiċi, pereżempju minħabba l-età tagħhom, diżabilità, mard jew orjentament sesswali, jew bħala konsgwenza ta’ trawma, jew għal xi raġuni oħra għandhom jingħataw appoġġ speċifiku, inkluż ħin biżżejjed, biex jiġu megħjunin bil-proċess ta’ applikazzjoni.
  • Jeżistu rekwiżiti speċifiċi għal tfal mhux akkumpanjati, inkluż l-obbligu li jinħatar rappreżentant ikkwalifikat. B’mod aktar ġenerali, l-aħjar interessi tat-tfal kollha għandhom jiġu kkunsidrati fl-applikazzjoni tad-Direttiva.

Prevenzjoni ta’ applikazzjonijiet ripetuti

Il-pajjiżi tal-UE għandhom metodi ġodda f’każijiet ta’ applikazzjonijiet ripetuti li jsiru mill-istess persuna. Persuni li ma għandhomx bżonn ta’ protezzjoni ma jistgħux jevitaw li jintbagħtu lura pajjiżhom billi jitfgħu applikazzjonijiet ġodda b’mod kostanti.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

  • Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fid-19 ta' Lulju 2013, ħlief Artikoli 47 (il-possibbiltà li l-awtoritajiet pubbliċi jisfidaw deċiżjonijiet amministrasttivi u/jew ġudizzjarji kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali) u 48 (il-kunfidenzjalità rigward kwalunke informazzjoni li jiksbu l-awtoritajiet ta' implimentazzjoni matul il-ħidma tagħhom). Dawn ilhom japplikaw mill-21 ta' Lulju 2015.
  • Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporaw id-Direttiva fil-liġi nazzjonali sal-20 ta Lulju 2015, ħlief ċerti aspetti tal-Artikolu 31, li jindirizza l-proċedura ta' eżaminazzjoni, li se tapplika mill-20 ta' Lulju .7.2018.

SFOND

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u rtirar ta’ protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, pp. 60-95).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, pp. 9-26)

Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma' data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, pp. 1-30)

Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 180, 29.6.2013, pp. 31-59)

Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, pp. 96-116)

l-aħħar aġġornament 25.05.2020



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top