Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Aċċess għal riżorsi ġenetiċi u l-qsim ta’ benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tagħhom (il-Protokoll ta’ Nagoya)

Aċċess għal riżorsi ġenetiċi u l-qsim ta’ benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tagħhom (il-Protokoll ta’ Nagoya)

 

SOMMARJU TA’:

Il-Protokoll ta’ Nagoya

Id-Deċiżjoni 2014/283/UE dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu Tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika

X’INHU L-GĦAN TAL-PROTOKOLL U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-Protokoll ta’ Nagoya huwa protokoll għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB), li ġie ffirmat l-ewwel mill-mexxejja dinjija fl-2010. L-UE hija parti mill-KDB flimkien ma’ 193 pajjiż. Il-protokoll għandu l-għan li jaqsam il-benefiċċji tal-użu tar-riżorsi ġenetiċi b’mod ġust u ekwu.
  • Id-deċiżjoni tapprova b’mod uffiċċjali l-“Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu Tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika” f’isem l-Unjoni Ewropea (UE). Permezz ta’ din l-approvazzjoni, l-UE ntrabtet legalment mal-Protokoll, li huwa ftehim importanti dwar il-governanza internazzjonali tal-bijodiversità.

PUNTI EWLENIN

Bl-approvazzjoni tal-Protokoll fis-16 ta’ Mejju 2014, l-UE tat kontribut għall-50 ratifika meħtieġa mad-dinja kollha li ppermettew lil-Protokoll ta’ Nagoya jidħol fis-seħħ fit-12 ta’ Ottubru 2014. Bħala riżultat, l-ewwel laqgħa tal-partijiet tal-protokoll (COP-MOP 1) saret fil-laqgħa ta’ livell għoli ta’ kull sentejn tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) mit-13 sas-17 ta’ Ottubru 2014 fil-Korea t’Isfel, fl-istess ħin tat-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-KDB (COP 12).

Aċċess u qsim ta’ benefiċċji

  • Il-Protokoll ta’ Nagoya jimplimenta t-tielet objettiv tal-KDB, l-aċċess u qsim ta’ benefiċċji (ABS), li jiffoka fuq il-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi, inkluż l-aċċess xieraq għar-riżorsi ġenetiċi u t-trasferiment xieraq tat-teknoloġiji rilevanti.
  • Ir-Riżorsi ġenetiċi huma materjal ġenetiku ta’ valur attwali jew potenzjali, minn stokks naturali jew ikkultivati (eż. banek ta’ żrieragħ jew ġonna botaniċi). Dawn ir-riżorsi normalment jintużaw minn firxa wiesgħa ta’ setturi fir-riċerka u l-iżvilupp ibbażati fuq in-natura bħala bażi għall-innovazzjoni, bħal pereżempju għal mediċini, sustanzi kimiċi jew kożmetiċi ġodda.
  • Il-KDB tirrikonoxxi d-drittijiet sovrani tal-pajjiżi fuq ir-riżorsi naturali tagħhom. L-ABS fil-kuntest tal-Protokoll ta’ Nagoya huwa bbażat fuq dan il-prinċipju. Il-partijiet tal-protokoll għandhom l-awtorità li jiddeċiedu jekk jixtiqux jirregolaw l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi tagħhom u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-qsim ta’ benefiċċji (eż. permezz ta’ regoli u proċeduri għal kunsens infurmat minn qabel u n-negozjati ta’ termini miftiehma b’mod reċiproku mal-utent tar-riżorsi ġenetiċi).
  • Il-Protokoll ta’ Nagoya jgħodd ukoll għall-użu ta’ għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi li għandhom il-poplu indiġenu u l-komunitajiet lokali.
  • Il-protokoll jistabbilixxi regoli obbligatorji dwar il-konformità għall-partijiet kollha, sabiex jiġi mħares l-użu tar-riżorsi ġenetiċi ladarba jitilqu mill-pajjiż fornitur.
  • Il-protokoll se joħloq aktar ċertezza tad-dritt u trasparenza kemm għall-fornituri kif ukoll għall-utenti tar-riżorsi ġenetiċi, filwaqt li jippromwovi l-qsim ta’ benefiċċji. Il-benefiċċji ġġenerati u kondiviżi taħt il-gwida tal-protokoll għandhom jiikkontribwixxu fl-appoġġ tal-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha (l-ewwel u t-tieni għan tal-KDB).

Ir-Regolament (UE) Nru 511/2014, ir-regolament dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji, li jimplimenta l-miżuri ta’ konformità tal-Protokoll ta’ Nagoya fil-livell tal-UE, daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Ġunju 2014 u ilu japplika minn mindu l-Protokoll ta’ Nagoya nnifsu daħal fis-seħħ għall-UE, fit-12 ta’ Ottubru 2014.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1866 fih miżuri dwar xi aspetti speċifiċi, kif previst fir-Regolament ABS tal-UE, b’mod partikolari, kollezzjonijiet irreġistrati, l-aħjar prattiki u monitoraġġ ta’ konformità mill-utent. Dan ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea fit-13 ta’ Ottubru 2015, u daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Novembru 2015.

DATA TA’ DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-Protokoll daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Ottubru 2014, 90 jum wara d-data ta’ depożitu tal-50 strument ta’ ratifika.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu tal-Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (ĠU L 150, 20.5.2014, pp. 234-249)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/283/UE tal-14 ta’ April 2014 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu Tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (ĠU L 150, 20.5.2014, pp. 231-233)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 511/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar miżuri ta’ konformità għall-utenti mill-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom fl-Unjoni (ĠU L 150, 20.5.2014, pp. 59-71)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1866 tat-13 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 511/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-reġistru tal-kollezzjonijiet, il-monitoraġġ tal-konformità mill-utent u l-aħjar prattika (ĠU L 275, 20.10.2015, pp. 4-19)

l-aħħar aġġornament 20.11.2020

Top