Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-Tibdil fil-Klima — Il-Ftehim ta’ Pariġi, irratifikat mill-UE

It-Tibdil fil-Klima — Il-Ftehim ta’ Pariġi, irratifikat mill-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni (UE) 2016/1841 dwar il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima

Il-Ftehim ta’ Pariġi

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

  • Din id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tirratifika l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima f’isem il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea (UE).
  • Il-ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rispons globali għat-theddida tat-tibdil fil-klima, inkluż billi t-tisħin jiġi limitat għal ferm taħt 2oC.

PUNTI EWLENIN

  • Skont il-ftehim, il-pajjiżi tal-UE se:
    • jilħqu l-mira fit-tul li t-temperatura medja globali tinżamm taħt kontroll għal ferm taħt 2oC, meta mqabbla mal-livelli preindustrijali;
    • jagħmlu sforzi addizzjonali biex jillimitaw iż-żieda għal 1.5oC;
    • iħejju u japplikaw pjanijiet ta’ azzjoni (Kontributi Maħsuba Determinati fil-Livell Nazzjonali) biex jilħqu dawn il-miri;
    • jirrappurtaw lil xulxin u lill-pubbliku dwar il-progress li qed jagħmlu fuq l-impenji tagħhom;
    • mill-2023, iwettqu analiżi globali kull 5 snin ma’ msieħba internazzjonali, biex jiffissaw iktar miri bbażati fuq l-evidenza xjentifika u r-riżultati miksuba;
    • jieħdu miżuri biex jindirizzaw l-impatt tat-tibdil fil-klima li diġà huwa inevitabbli;
    • jipprovdu appoġġ prattiku u finanzjarju lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jgħinhom jadattaw għat-tibdil fil-klima.

L-azzjoni tal-UE dwar il-tibdil fil-klima sa issa

  • Fl-2014, il-pajjiżi tal-UE stabbilixxew għalihom infushom mira vinkolanti biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’40 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
  • Dan jinvolvi l-bidla għal forom ta’ enerġija nadifa u sostenibbli, li jridu wkoll ikunu kompetittivi u affordabbli. L-UE tirrikonoxxi l-bżonn għal inċentivi li jinkoraġġixxu l-investiment neċessarju f’dan il-qasam.

MINN META JAPPLIKA L-FTEHIM?

Huwa jidħol fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2016, u se japplika mill-2020.

SFOND

Il-ftehim isaħħaħ ir-rispons globali għat-tibdil fil-klima billi permezz tiegħu il-politiki tal-lum jaqbdu t-triq lejn in-newtralità tal-klima qabel l-aħħar tas-seklu.

Huwa ġie adottat minn 195 pajjiż f’Pariġi f’Diċembru 2015 u jissostitwixxi l-Protokoll ta’ Kyoto tal-1997.

Aqra aktar

DOKUMENTI EWLENIN

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, pp. 1-3)

Il-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 282, 19.10.2016, pp. 4-18)

l-aħħar aġġornament 04.11.2016

Top